2010-2019
It-Triq Perfetta tal-Hena
Ottubru 2016


It-Triq Perfetta tal-Hena

Jiena nixhed dwar ir-rigal meraviljuż li hu l-pjan li Missierna għandu għalina. Hija l-unika triq perfetta li twassal għall-paċi u l-hena.

Għeżież ħuti, kemm li tinsabu f’ dan iċ-Ċentru tal-Konferenza kif ukoll madwar id-dinja, kemm jiena grat għall-opportunità li għandi li naqsam ħsibijieti magħkom dalgħodu.

Tnejn u Ħamsin sena ilu, f’ Lulju tal-1964, jiena ntalbt nagħmel biċċa xogħol ġewwa l-Belt ta’ New York fi żmien meta hemmhekk kienet qed tittella’ l-Fiera Dinjija. Għodwa waħda, kmieni filgħodu, jiena mort inżur il-Paviljun Mormon li kien hemm fil-fiera. Jiena wasalt ftit qabel ma kien se jibda jintwera l-film tal-Knisja It-Tfittxija tal-Bniedem għall-Hena, li juri l-pjan tas-salvazzjoni li llum il-ġurnata sar meqjus bħala film klassiku tal-Knisja. Jiena poġġejt bilqiegħda ħdejn wieħed żagħżugħ li kellu madwar 35 sena. Tkellimna flimkien għal ftit ħin. Huwa ma kienx membru tal-Knisja tagħna. Imbagħad tbaxxa d-dawl u beda l-film.

Aħna smajna leħen in-narratur hekk kif huwa tenna l-mistoqsijiet universali li jqanqluk: Jien minn fejn ġej? Għalfejn ninsab hawn? Fejn se mmur wara li nħalli din il-ħajja? Widnejn kulħadd kienu jinsabu lesti biex jisimgħu t-tweġiba, u għajnejn kulħadd kienu jinsabu jħarsu ċassi lejn il-filmat li kien hemm quddiemna. Aħna ġejna mogħtija deskrizzjoni tal-ħajja primortali tagħna, flimkien ma’ spjegazzjoni dwar l-għan tagħna fid-dinja. Aħna rajna b’ għajnejna filmat li jqanqlek dwar wieħed nannu anzjan li għadda minn din il-ħajja għall-ħajja l-oħra u dwar ir-riunjoni glorjuża tiegħu mal-maħbubin tiegħu li kienu għaddew qablu fid-dinja tal-ispirtu.

Fi tmiem dan il-filmat mill-isbaħ li kien jispjega l-pjan li Missierna tas-Smewwiet għandu għalina, waqa’ silenzju perfett qalb in-nies preżenti, u ħafna dehru li kienu verament qed iħossuhom kommossi bil-messaġġ tal-film. Iż-żagħżugħ li kien ħdejja baqa’ bilqiegħda. Jiena staqsejtu jekk kinitx għoġbitu l-preżentazzjoni. It-tweġiba ċara tiegħu kienet: “Din hi l-verità!”

Il-pjan ta’ Missierna biex aħna niksbu l-ferħ u s-salvazzjoni huwa l-messaġġ li l-missjunarji jinsabu jxerrdu madwar id-dinja. Mhux kull min jisma’ dan il-messaġġ divin se jaċċettah u jgħożżu. Madankollu, irġiel u nisa ma’ kullimkien, l-istess bħall-ħabib żagħżugħ tiegħi waqt il-Fiera Dinjija ġewwa New York, jagħrfu l-veritajiet tiegħu u huma b’ kuraġġ jagħżlu li jimxu fit-triq li twassalhom lura d-dar mingħajr periklu. Ħajjithom tinbidel għal dejjem.

Essenzjali għal dan il-pjan huwa s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Mingħajr is-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu, kollox kien ikun għal xejn. Madankollu, mhux biżżejjed li aħna sempliċiment nemmnu fih u fil-missjoni Tiegħu. Jeħtieġ li naħdmu u nitgħallmu, infittxu u nitolbu, nindmu u nitjiebu. Jeħtieġ li nsiru nafu l-liġijiet ta’ Alla u ngħixuhom. Jeħtieġ li nirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni Tiegħu. Huwa biss meta nagħmlu dan li aħna niksbu l-vera hena eterna.

Aħna verament imberkin li għandna l-verità. Aħna ġejna mogħtijin mandat biex naqsmu l-verità ma’ ħaddieħor. Ejjew ngħixu l-verità, biex jimmeritana dak kollu li l-Missier għandu għalina. Huwa ma jagħmel xejn jekk mhux għall-benefiċċju tagħna. Huwa qalilna, “Din hija l-ħidma u l-glorja tiegħi—li nġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”1

Mill-qiegħ ta’ ruħi u bl-umiltà kollha, jiena nixhed dwar ir-rigal meraviljuż li huwa l-pjan tal-Missier għalina. Huwa l-uniku triq perfetta għall-paċi u l-hena kemm f’ din id-dinja kif ukoll fid-dinja li jmiss.

Ħuti, jiena nesprimi l-imħabba tiegħi lejkom u nagħtikom il-barka tiegħi hekk kif intemm id-diskors tiegħi u dan jien nagħmel f’ isem is-Salvatur u l-Feddej tagħna, l-istess Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja