2010-2019
O l-Pjan ta’ Alla Tagħna Kemm Hu Kbir!
Ottubru 2016


O Kemm Hu Kbir il-Pjan ta’ Alla Tagħna!

Tant ninsabu mdawrin b’ meravilja ta’ dawl u verità li mhux ċert jekk aħniex verament napprezzaw dak li aħna għandna.

Kemm aħna mberkin li nerġgħu ninsabu miġburin f’ din il-konferenza dinjija taħt id-direzzjoni u t-tmexxija tal-profeta u l-President għażiż tagħna, Thomas S. Monson. President, aħna nħobbuk u nsostnuk b’ qalbna kollha!

Tul il-ħajja professjonali tiegħi bħala pilota, jiena kont niddependi ħafna fuq il-preċiżjoni u l-kredibilità tas-sistemi tal-kompjuter iżda rari kien ikolli naħdem jiena stess fuq il-kompjuter personali tiegħi. Fix-xogħol tiegħi tal-uffiċċju bħala bniedem fl-eżekuttiv, jien kelli assistenti u s-segretarji li bil-ħlewwa kollha għenuni fix-xogħol li kien ikolli.

Dan kollu nbidel fl-1994, meta jien ġejt imsejjaħ bħala Awtorità Ġenerali. Is-sejħa tiegħi kienet tikkonsisti minn bosta opportunitajiet meraviljużi biex jien namministra qalb in-nies, iżda kienet tinkludi wkoll ħafna xogħol ieħor tal-Knisja li nsejjaħlu jien tal-uffiċċju—ħafna aktar milli immaġinajt.

B’ sorpriża xejn sabiħa għalija, l-għodda ewlenija biex inkun nista’ nikkordina l-ħidma kollha tiegħi kien il-kompjuter personali tiegħi.

Għall-ewwel darba f’ ħajti, jien kelli niffamiljarizza ruħi ma’ din id-dinja stramba, misterjuża u inkomprensibbli.

Mill-bidu nett, il-kompjuter u jien żgur li qatt ma konna xi ħbieb tal-qalb.

Nies mill-aktar kapaċi fit-teknoloġija ppruvaw jgħallmuni kif għandi nuża l-kompjuter. Huma letteralment kienu joqogħdu warajja, jiġġebbdu minn fuq spallejja biex b’ subgħajhom ħfif iħabbtu sinfonija sħiħa fuq it-tastiera.

“Qed tifhem?” kien jgħidu b’ ċerta kburija. “Hekk suppost tagħmel.”

Jien ma kont nifhem xejn. Kienet tranżazzjoni daqsxejn diffiċli.

Kont sibtha verament diffiċli nitgħallem nuża l-kompjuter.

Kien hemm bżonn ħafna ħin, ripetizzjoni u paċenzja, doża tajba ta’ tama u fidi; riassigurazzjoni kontinwa minn marti; kif ukoll bramel sħaħ tal-iskart mimlijin bil-bottijiet tal-luminata tad-dieta li jaqbel ma nsemmuhiex.

Illum, 22 sena wara, ninsab imdawwar bit-teknoloġija tal-kompjuter. Illum għandi indirizz elettroniku, ekkawnt tat-Twitter u paġna tal-Facebook. Għandi wkoll smartfon, teblit, leptop u kamera diġitali. U, għalkemm il-kapaċitajiet teknoloġiċi tiegħi ma tistax tqabbilhom ma’ dawk ta’ tifel tipiku ta’ seba’ snin, għal raġel li għandu fuq is-sebgħin, tista’ tgħid li għaddej mhux ħażin.

Iżda jiena nnutajt xi ħaġa mill-aktar interessanti. Aktar ma nadatta ruħi mat-teknoloġija, anqas napprezzaha.

Għal parti kbira mill-istorja umana, il-komunikazzjoni ma kenitx ħaġa faċli. Kienu jridu jgħaddu l-ġranet u saħansitra x-xhur minn meta tibgħat messaġġ u tirċievi lura risposta. Illum il-messaġġi tagħna jivvjaġġaw eluf ta’ mili fis-sema jew eluf ta’ metri taħt l-ibħra biex jilħqu lil xi ħadd li jinsab fuq in-naħa l-oħra tad-dinja, u jekk ikun hemm xi dewmien imqar ta’ xi ftit sekondi, nispiċċaw inħossuna frustrati u nibdew nitilfu l-paċenzja.

Jidher li hi karatteristika fin-natura umana: li hekk kif aħna nibdew insiru familjari ma’ xi ħaġa, anke xi ħaġa li hi mirakoluża u li tispirana bil-meravilja tagħha, aħna nitilfu s-sens ta’ meravilja u nittrattawha bħala xi ħaġa komuni.

Tgħid Aħna Ma Napprezzawx Biżżejjed il-Veritajiet Spiritwali?

Forsi s-sinifikat li ma napprezzawx biżżejjed it-teknoloġiji u l-konvenjenzi moderni mhux xi wieħed daqstant importanti. Iżda, sfortunatament, xi kultant aħna nuru l-istess attitudni lejn id-duttrina eterna tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu li ssaħħaħ ruħna. Fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu, aħna ġejna mogħtijin ħafna barkiet. Tant ninsabu mdawrin b’ meravilja ta’ dawl u verità li mhux ċert jekk aħniex verament napprezzaw dak li aħna għandna.

Aħsbu ftit dwar dawk id-dixxipli li mxew u tkellmu mas-Salvatur waqt il-ministeru Tiegħu fid-dinja. Immaġinaw il-gratitudni u l-qima li ħakmu qalbhom u moħħhom hekk kif rawh imqajjem mill-qabar, meta huma missew b’ idhom il-ġrieħi li kellu f’ idejh. Ħajjithom kienet se tinbidel għal dejjem!

Aħsbu ftit dwar dawk l-ewwel Qaddisin ta’ din id-dispensazzjoni li kienu jafu lill-Profeta Joseph Smith u semgħuh jgħallem l-evanġelju rrestawrat. Immaġinaw kif setgħu ħassewhom meta saru jafu li l-velu ta’ bejn is-smewwiet u d-dinja kien reġa’ tneħħa, u kien reġa’ feġġ dawl u għarfien ġdid fid-dinja li kien ġej mid-dar ċelestjali tagħna fis-sema.

Fuq kollox, aħsbu ftit kif ħassejtukom intom meta għall-ewwel darba intom emmintu u fhimtu li intom verament ulied Alla; li Ġesù Kristu sofra minn jeddu għad-dnubiet tagħkom sabiex tkunu tistgħu terġgħu tindafu; li l-qawwa tas-saċerdozju hija qawwa reali u tista’ tgħaqqadkom flimkien mal-maħbubin tagħkom għal din il-ħajja u għall-eternità kollha; u li fid-dinja llum għandna profeta ħaj. Mhijiex din ħaġa mill-aktar meraviljuża?

Meta tikkunsidraw dan kollu, kif qatt jista’ jkun possibbli li aħna, minn fost in-nies kollha li hawn, ma jkollniex ħerqa kbira li nattendu s-servizzi tagħna ta’ qima tal-Knisja? Jew kif jista’ jkun ma jkollniex aptit naqraw l-iskrittura mqaddsa? Naħseb li dan jista’ jkun possibbli biss jekk qalbna tilfet kull sentiment li tesperjenza l-gratitudni u l-meravilja għar-rigali sagri u sublimi li tana Alla. Nistgħu naraw b’ għajnejna u mmissu b’ idejna veritajiet li jistgħu jibdlulna ħajjitna, iżda xi kultant aħna nispiċċaw norqdu tul it-triq tagħna bħala dixxipli. Nispiċċaw naljenaw wisq ruħna minħabba l-imperfezzjoni tal-membri l-oħra sħabna minflok ma’ nimxu wara l-eżempju tal-Imgħallem tagħna. It-triq li ninsabu fiha miksija bid-djamanti, iżda bilkemm nagħmlu distinzjoni bejnhom u bejn iċ-ċagħaq ordinarju.

Messaġġ Familjari

Meta kont għadni raġel żagħżugħ, sħabi spiss kienu jistaqsuni dwar ir-reliġjon tiegħi. Ħafna drabi jiena kont nibda biex nispjega d-differenza ta’ bejnietna, bħall-Kelma tal-Għerf. Drabi oħra kont nenfasizza l-affarijiet komuni li għandna ma’ reliġjonijiet Kristjani oħra. L-ebda ħaġa minn dan ma kienet timpressjona wisq. Iżda meta jiena kont nitkellem dwar il-pjan kbir ta’ ferħ li Missierna tas-Smewwiet għandu għalina bħala wliedu, kienu jinteressaw ruħhom.

Niftakarni nipprova npinġi l-pjan tas-salvazzjoni fuq blekbord ġewwa klassi fil-kappella tagħna fi Frankfurt, il-Ġermanja. Kont pinġejt għadd ta’ ċrieki li kienu jirrappreżentaw il-ħajja primortali, il-mortalità u r-ritorn tagħna wara din il-ħajja għand il-Ġenituri tagħna tas-Smewwiet.

Bħala tfajjel adoloxxenti, verament kont nieħu gost naqsam dan il-messaġġ eċċitanti. Meta jiena kont nispjega dawn il-prinċipji bi kliem mill-aktar sempliċi, qalbi kienet timtela bi gratitudni għal Alla li jħobb tant lil uliedu, u għas-Salvatur li fdiena lkoll mill-mewt u l-infern. Kont verament kburi b’ dan il-messaġġ ta’ mħabba, ferħ u tama.

Xi wħud minn sħabi kienu jgħidu li dan il-messaġġ kien bħallikieku kienu semgħuh qabel, avolja ħwejjeġ bħal dawn ma kinux ġew mgħallmin lilhom fit-trobbija reliġjuża tagħhom. Bħallikieku huma minn dejjem kienu jafu li dawn il-ħwejjeġ huma vera, qisu jiena sempliċiment kont qed nixħet dawl fuq xi ħaġa li minn dejjem kellha l-għeruq tagħha ġewwa qalbhom.

Aħna Għandna t-Tweġibiet!

Jien nemmen li kull bniedem uman jinsab iġorr ġewwa qalbu xi forma ta’ mistoqsijiet fundamentali dwar il-ħajja nnifisha. Jien minfejn ġej? Għalfejn ninsab hawn? X’ se jiġri wara li mmut?

Il-bnedmin mortali ilhom jistaqsu dawn it-tip ta’ mistoqsijiet mill-bidu taż-żminijiet. Għadd ta’ filosofi, studjużi u esperti oħra għaddew ħajjithom kollha u nefqu ġidhom kollu jfittxu tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet.

Jiena grat li l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu għandu tweġiba għall-aktar mistoqsijiet kumplessi fil-ħajja. Dawn il-tweġibiet huma mgħallmin fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Huma vera, sempliċi, ċari u faċli biex nifhmuhom. Huma jispirawna u aħna ngħallmuhom lit-tfal ta’ tliet snin fil-klassi taż-żgħar.

Ħuti, aħna esseri eterni, mingħajr bidu u mingħajr tmiem. Minn dejjem konna neżistu.1 Aħna letteralment ulied spirti ta’ Ġenituri tas-Smewwiet divini, immortali u omnipotenti!

Aħna ġejjin mill-btieħi tas-smewwiet tal-Mulej Alla tagħna. Aħna mid-dar irjali ta’ Eloħim, Alla l-Għoli. Aħna imxejna Miegħu fil-ħajja primortali tagħna. Smajnieh jitkellem, rajna b’ għajnejna l-majestà Tiegħu, u tgħallimna triqatu.

Intom u jien ħadna sehem fi Gran Kunsill fejn l-għażiż Missierna ppreżentalna l-pjan li Huwa fassal għalina—li aħna niġu hawn fid-dinja, nirċievu ġisem mortali, nitgħallmu nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin, u navvanzaw b’ mod li żgur ma kienx ikun possibli b’ mod ieħor.

Meta aħna għaddejna minn ġewwa l-velu u dħalna f’ din il-ħajja mortali, aħna konna nafu li m’aħniex se nkomplu niftakru aktar il-ħajja ta’ qabilna. Se nesperjenzaw oppożizzjoni, avversità u tentazzjoni. Iżda konna nafu wkoll kemm kien importanti għalina li jkollna ġisem fiżiku. O kemm ittamajna li jirnexxielna nitgħallmu malajr nagħżlu t-tajjeb, li nikkumbattu t-tentazzjoni ta’ Satana u eventwalment nerġgħu lura għand il-Ġenituri għeżież tagħna fis-Smewwiet.

Aħna konna nafu li se nispiċċaw nidinbu u anke nwettqu għadd ta’ żbalji—forsi anke ċerti żbalji serji. Iżda konna nafu wkoll li s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, wegħidna li kien se jiġi fid-dinja, jgħix ħajja mingħajr dnub u minn rajh joffri ħajtu f’ sagrifiċċju etern. Aħna konna nafu li jekk aħna noffru qalbna lilu, nafdawh u nagħmlu dak kollu li nistgħu bl-enerġija kollha ta’ qalbna biex nimxu fit-triq li fiha jimxu d-dixxipli, aħna stajna nitnaddfu u għal darb’oħra nerġgħu nidħlu fil-preżenza tal-għażiż Missierna tas-Smewwiet.

Għalhekk, b’ fidi fis-sagrifiċċju ta’ Ġesù Kristu, intom u jiena aċċettajna, minn jeddna, il-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet.

Għalhekk aħna ninsabu hawn f’ din id-dinja mill-isbaħ—għaliex Alla offrielna l-opportunità u aħna għażilna li naċċettawha. Il-ħajja mortali tagħna, madankollu, hija biss temporali u se tintemm mal-mewt tal-ġisem fiżiku tagħna. Iżda l-essenza ta’ minn verament aħna mhux se tispiċċa. L-ispirti tagħna se jkomplu jgħixu u jistennew ir-Reżurezzjoni—rigali b’ xejn għal kulħadd minn Missierna tas-Smewwiet u minn Ibnu Ġesù Kristu li tant iħobbuna.2 Fir-Reżurezzjoni, l-ispirtu u l-ġisem tagħna jerġgħu jingħaqdu flimkien, ħielsa mill-uġigħ u mill-imperfezzjoni fiżika.

Wara r-Reżurrezzjoni, se jkun hemm Jum il-Ġudizzju. Filwaqt li kollha kemm aħna eventwalment se nsalvaw u se nirtu saltna ta’ glorja, dawk li jafdaw f’ Alla u jippruvaw jimxu skont il-liġijiet u l-ordinanzi Tiegħu se jirtu ħajja fl-eternitajiet li diffiċli nimmaġinaw il-glorja u l-majestà meraviljuża tagħha.

Dan Jum il-Ġudizzju se jkun jum ta’ ħniena u mħabba—jum fejn il-qlub maqsuma se jitfejqu, fejn id-dmugħ tan-niket se jinbidel fi dmugħ ta’ gratitudni, fejn kollox se jirranġa.3

Iva, se jkun hemm niket mill-aktar profond minħabba d-dnub. Iva, se nesperjenzaw dispjaċir u saħansitra diqa ta’ qalb minħabba l-iżbalji tagħna, il-bluha tagħna u l-għebusija ta’ ras tagħna li wassluna biex nitilfu opportunitajiet li jista’ jkollna futur aktar meraviljuż.

Iżda jiena ninsab ċert li aħna mhux biss se nkunu sodisfatti bil-ġudizzju ta’ Alla; se nibqgħu wkoll mistagħġbin u sorpriżi bil-grazzja, bil-ħniena, bil-ġenerożità u l-imħabba infinita Tiegħu għalina, uliedu. Jekk ix-xewqat u l-għemejjel tagħna huma tajbin, jekk għandna fidi f’ Alla l-ħaj, mela aħna nistgħu nħarsu ‘l quddiem għal dik li Moroni sejħilha “l-iżbarra sabiħa tal-kbir Ġehova, l-Imħallef Etern.”4

Pro Tanto Quid Retribuamus

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, ma nħossux qalbna u moħħna jimtlew b’ għaġeb u meravilja meta nieqfu nikkontemplaw dwar il-pjan kbir ta’ ferħ li Missierna tas-Smewwiet ħejja għalina? Dan ma jwassalx biex aħna nimtlew b’ ferħ enormi għaliex nafu dwar il-futur glorjuż li hemm imħejji għal dawk kollha li jittamaw fil-Mulej?

Jekk intom qatt ma ħassejtu din il-meravilja u dan il-ferħ, nistedinkom biex tfittxu, tistudjaw u tixtarru il-veritajiet sempliċi madankollu profondi tal-evanġelju rrestawrat. “Ħallu moħħkom jinħakem mis-solennitajiet tal-eternità.”5 Ħalluhom jixhdu magħkom dwar il-pjan divin tas-salvazzjoni.

Jekk kien hemm żmien li fih intom ħassejtukom hekk, illum nistaqsikom, “Issa tħossukom l-istess?”6

M’ilux jien kelli l-opportunità li mmur sa Belfast, l-Irlanda ta’ Fuq. Meta kont hemm, innutajt l-Istemma Araldika ta’ Belfast, li tinkludi fiha il-motto “Pro tanto quid retribuamus,” jew “X’ nistgħu noffru biex inpattu għal dak kollu li ngħatajna?”7

Jien nistieden lilna lkoll biex nikkunsidraw din il-mistoqsija. X’ nistgħu noffru aħna biex inpattu għall-ammont kbir ta’ dawl u verità li Alla xeħet fuqna?

Missierna l-għażiż li tant iħobbna sempliċiment jitolbna biex ngħixu skont il-verità li aħna rċevejna, u li nimxu fit-triq li pprovdielna Hu. Għalhekk, ejjew nagħmlu l-kuraġġ u nafdaw fil-gwida tal-Ispirtu. Ejjew permezz ta’ kliemna u għemilna naqsmu ma’ għajrna l-messaġġ meraviljuż tal-pjan ta’ ferħ ta’ Alla. Jalla l-mottiv tagħna tkun l-imħabba tagħna lejn Alla u lejn uliedu , għaliex huma ħutna. Dan huwa l-bidu ta’ dak li nistgħu nagħmlu biex inpattu għal dak kollu li ngħatajna.

Xi darba “kull irkoppa tmil u kull ilsien jistqarr” li l-modi ta’ Alla huma ġusti u l-pjan Tiegħu hu perfett.8 Għalik u għalija, jalla dak il-jum ikun illum stess. Ejjew niddikjaraw, flimkien ma’ Ġakobb tal-qedem, “O Kemm Hu Kbir il-Pjan ta’ Alla Tagħna!”9

Ta’ dan jiena nixhed, bi gratitudni kbira lejn Missierna tas-Smewwiet, filwaqt li nagħtikom il-barka tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja