2010-2019
Biex Huwa Wkoll Ikun Jista’ Jissaħħaħ
Ottubru 2016


Biex Huwa Wkoll Ikun Jista’ Jissaħħaħ

Jien nitlob li aħna lkoll nonoraw is-sejħa tagħna li nelevaw lill-oħrajn biex inħejjuhom għas-servizz glorjuż tagħhom.

Inħossni verament imbierek li ninsab hawn f’ din il-laqgħa ma’ dawk li jħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla. Id-devozzjoni, il-fidi u s-servizz altruwista ta’ dan il-grupp ta’ rġiel u ġuvintur huwa verament miraklu ta’ żmienna. Illejla se nindirizza lil dawk li jħaddnu s-saċerdozju, kbar jew żgħar, li jinsabu magħqudin fis-servizz tagħhom mill-qalb lejn il-Mulej Ġesù Kristu.

Il-Mulej jagħti l-qawwa Tiegħu lil dawk fl-uffiċċji kollha tas-saċerdozju li jservu fid-dmirijiet tagħhom tas-saċerdozju.

Wilford Woodruff, meta kien President tal-Knisja, iddeskriva l-esperjenza li huwa kellu fl-uffiċċji tas-saċerdozju:

“Kont smajt l-ewwel diskors li jien qatt smajt f’ din il-Knisja. L-għada tgħammidt. … Ġejt ordnat Għalliem. Immedjatament bdejt inservi l-missjoni tiegħi. … Qattajt il-missjoni kollha tiegħi bħala Għalliem. … Waqt il-konferenza ġejt ordnat Qassis. … Wara li ġejt ordnat Qassis ġejt mibgħut … missjoni fin-nofsinhar tal-pajjiż. Dan kien fil-ħarifa tal-1834. Konna jien u s-sieħeb tiegħi, u tlaqna għal għonq it-triq bla borża u bla ħorġa. Vjaġġajt waħdi ftit mili mhux ħażin u xandart l-Evanġelju, u għammidt numru ta’ nies li madankollu ma stajtx nikkonfermahom bħala membri tal-Knisja, għaliex kont għadni Qassis. … Jiena vvjaġġajt għal xi żmien inxandar l-Evanġelju qabel ġejt ordnat Presbiteru. …

“Issa ili madwar erbgħa u erbgħin sena bħala membru tat-Tnax-il Appostlu. Jiena ili nivvjaġġa magħkom kif ukoll ma’ kworums oħra għal sittin sena sħaħ; u nixtieq ngħid lil din l-assemblea li jien ħassejtni sostnut permezz tal-qawwa ta’ Alla meta kont inħaddan l-uffiċċju ta’ Għalliem, u speċjalment meta kont qed neżerċita d-dmirijiet tiegħi bħala Qassis, daqs kemm inħossni sostnut bħala Appostlu. M’hemmx differenza f’ din il-ħaġa sakemm aħna nkunu qed nagħmlu dmirna.”1

Aħna nistgħu nieħdu idea dwar dik il-possibiltà ta’ indifferenza spiritwali mill-aktar meraviljuża jekk nagħtu ħarsa lejn id-deskrizzjoni tas-Saċerdozju Aroniku bħala “żjieda” mas-Saċerdozju Melkisedeku.2 Il-kelma żjieda tfisser li t-tnejn li huma marbutin flimkien. Din ir-rabta hija importanti biex is-saċerdozju jsir il-qawwa u l-barka li jista’ jkun, f’ din id-dinja u għal dejjem, għaliex hu “mingħajr bidu jew mingħajr tmiem ta’ żmien.”3

Ir-rabta hija waħda sempliċi. Is-Saċerdozju Aroniku jħejji lill-ġuvintur biex huma jingħataw saħansitra fiduċja aktar sagra.

“Il-qawwa u l-awtorità tas-Saċerdozju ogħla, hekk imsejjaħ Melkisedeku, jhi li dan iħaddan l-imfietaħ għall-barkiet spiritwali kollha tal-knisja—

“Li wieħed ikollu l-privileġġ li jirċievi l-misteri tas-saltna tas-smewwiet, li jkollu kuntatt dirett mas-smewwiet, li jikkomunika mal-assemblea ġenerali u mal-knisja tal-Ewwel Wild, u li jgawdi l-komunjoni u l-preżenza ta’ Alla l-Missier, u ta’ Ġesù l-medjatur tal-patt il-ġdid.”4

Dawk l-imfietaħ tas-saċerdozju jistgħu jitħaddmu fil-milja kollha tagħhom minn persuna waħda biss fi żmien wieħed partikolari, mill-President u l-qassis il-kbir li jippresidi fuq il-Knisja tal-Mulej. Imbagħad, permezz ta’ delegazzjoni mal-President, kull raġel li jħaddan is-Saċerdozju Melkisedeku jista’ jiġi mogħni bl-awtorità u l-privileġġ li jitkellem u jaġixxi f’ isem Alla s-Setgħan. Din il-qawwa hija waħda infinita. Tittratta dwar il-ħajja u l-mewt, dwar il-familja u l-Knisja, dwar in-natura kbira ta’ Alla Nnifsu u l-ħidma eterna Tiegħu.

Il-Mulej jinsab iħejji lil dak li jħaddan is-Saċerdozju Aroniku biex isir presbiteru li jservi bil-fidi, bil-qawwa u l-gratitudni f’ dak is-Saċerdozju Melkisedeku tant glorjuż.

Intom il-presbiteri, huwa mill-aktar essenzjali li intom ikollkom ġo fikom gratitudni profonda biex tkunu verament ta’ servizz fis-saċerdozju. Intom għad tiftakru ż-żmien tagħkom bħala djakni, għalliema jew qassisin meta dawk li kienu jħaddnu l-ogħla saċerdozju għenukom u nkuraġġewkom fil-vjaġġ tagħkom tas-saċerdozju.

Kull wieħed minnkom li tħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku żgur li għandkom bosta tifkiriet bħal dawn, iżda jista’ jagħti l-kas li maż-żmien is-sens ta’ gratitudni tagħkom naqas xi ftit minn ħajjitkom. It-tama tiegħi hi li intom iġġeddu dak is-sentiment u kif ukoll timtlew bid-determinazzjon li toffru lil dawk kollha li tafu l-istess tip ta’ għajnuna li intom darba rċevejtu.

Jien niftakar wieħed isqof li kien jittrattani bħala dak li jiena kelli l-potenzjal li stajt inkun fil-qawwa tas-saċerdozju. Darba waħda f’ jum il-Ħadd irċevejt telefonata mingħandu, fi żmien meta kont għadni qassis. Huwa qal li riedni nakkumpanjah fi żjara li kien se jagħmel lil xi membri tal-qasam tagħna. Il-mod kif kellimni kien bħallikieku jiena kont l-unika tama tiegħu biex jirnexxi fiż-żjara li kellu. Huwa ma kienx jeħtieġni. Huwa kellu kunsillieri mill-aktar eċċellenti fil-veskovat tiegħu.

Aħna morna nżuru waħda armla li la kellha flus u lanqas ikel. Huwa riedni ngħinu jinfluwenza s-sentimenti tagħha, nistednuha biex tfassal pjan tal-infiq u timxi skont dan il-pjan u nwegħduha li jekk tagħmel dan hija tkun f’ pożizzjoni li mhux biss tkun tista’ tgħin lilha nnifisha iżda wkoll tgħin lil ħaddieħor.

Wara morna nfarrġu żewġt ibniet ċkejknin li kienu qed jgħixu f’ sitwazzjoni mill-aktar diffiċli. Hekk kif tlaqna minn ħdejhom, l-isqof qalli b’ leħen sieket, “Dawk it-tfal qatt mhuma se jinsew iż-żjara li għamilnielhom.”

Fid-dar li morna fiha wara, jiena stajt nara kif tista’ tistieden raġel anqas attiv biex jerġa’ lura għand il-Mulej billi tikkonvinċih li l-membri tal-qasam verament għandhom bżonnu.

Dak l-isqof kien raġel li jħaddan is-Saċerdozju Melkisedeku li kien qed jgħinni nirrealizza l-potenzjal sħiħ tiegħi u kien qed jispirani bl-eżempju tiegħu. Huwa għallimni kif jien seta’ jkolli l-qawwa u l-kuraġġ biex immur kullimkien fis-servizz tiegħi għall-Mulej. Ilu ħafna issa li mar igawdi l-permju li kien hemm lest għalih, iżda jiena bqajt niftakru għaliex lili huwa refagħni fi żmien meta jiena kont għadni tfajjel mingħajr esperjenza li nħaddan is-Saċerdozju Aroniku. Wara jiena sirt naf li huwa kien ra fija raġel li kien se javvanza fis-saċerdozju u li kien se jkollu responsabbiltajiet akbar fil-futur, xi ħaġa li dak iż-żmien lanqas biss kont nimmaġinaha.

Missieri kellu rwol simili f’ ħajti. Huwa kien raġel li jħaddan is-Saċerdozju Melkisedeku, ta’ esperjenza u mill-aktar għaqli. Darba waħda huwa ġie mistoqsi minn Appostlu biex jikteb nota qasira dwar l-evidenza xjentifika ta’ kemm kienet ilha teżisti d-dinja. Bir-reqqa kollha huwa kiteb din in-nota, fejn huwa kien jaf li xi wħud li setgħu jaqrawha kienu jaħsbuha b’qawwa li d-dinja kienet ilha teżisti ferm anqas milli kienet tissuġġerixxi l-evidenza xjentifika.

Għadni niftakar lil missieri jurini dak li huwa kien kiteb u jgħidli, “Hal, inti għandek l-għerf spiritwali li tkun taf jekk għandix nibgħat din lill-appostli u l-profeti.” Ma tantx niftakar x’ kien hemm niktub fuq din il-karta, iżda jien se nibqa’ nġorr fija l-gratitudni li ħassejt għal bniedem li kien iħaddan is-Saċerdozju Melkisedeku li ra fija għerf spiritwali li jiena stess ma stajtx nara.

Lejla waħda, xi snin wara, wara li jiena ġejt ordnat Appostlu, il-profeta ta’ Alla sejjaħli u talabni naqra xi ħaġa li kienet inkitbet dwar id-duttrina tal-Knisja. Huwa kien qatta’ lejl sħiħ jaqra kapitlu wara kapitlu minn ktieb. B’ nofs daħqa qalli, “Mhux se jirnexxili naqra dan kollu. Mhux sew li inti toqgħod tistrieħ waqt li li jien naħdem.” U mbagħad huwa uża wkażi l-istess kliem li uża missieri snin qabel: “Hal, missek tkun inti li taqrah. Int żgur tkun taf jekk huwiex tajjeb biex jiġi ppubblikat.”

Dan l-istess mudell kif wieħed li jħaddan is-Saċerdozju Melkisedeku jista’ jgħin biex oħrajn jirrealizzaw il-potenzjal veru tagħhom u jimtlew bil-kunfidenza esperjenzajtu għal darb’oħra f’ lejla waqt festival sponsorjat mill-Knisja. Meta kelli 17-il sena, jiena ġejt mitlub biex inkellem grupp kbir ta’ nies mhux ħażin. Ma kellix idea x’ kienu qed jistennew minni. Ma kont ġejt mogħti l-ebda suġġett partikolari, għalhekk ħejjejt diskors li kien imur lil hinn minn dak li jiena kont naf dwar l-evanġelju. Waqt li kont qed nitkellem, irrealizzajt li kont għamilt żball. Għadni niftakar li wara li tkellimt ħassejt ġo fija li ma kontx mort tajjeb.

Il-kelliem ta’ warajja, li kien l-aħħar kelliem, kien il-Presbiteru Matthew Cowley tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Huwa kien oratur mill-aqwa—maħbub mal-Knisja kollha. Għadni niftakarni nħares lejh minn fejn kont bilqiegħda ħdejn il-pulptu.

Huwa beda jitkellem b’ dak il-vuċi tant soda tiegħu. Huwa qal li d-diskors tiegħi għenu biex iħossu bħallikieku kien jinsab waqt xi konferenza kbira. Tbissem kif qal dan. Is-sentimenti li kelli fija li ma kontx mort tajjeb biżżejjed ħallewni u minflok imtlejt bil-kunfidenza li xi darba jiena stajt insir dak li huwa diġà kien qed jarani li fil-fatt kont.

Il-memorja ta’ dik il-lejla wasslitni biex dejjem noqgħod nisma’ bir-reqqa hekk kif jitkellem xi ħadd li jħaddan is-Saċerdozju Aroniku. Minħabba dak li għamel għalija l-Presbiteru Cowley, jiena dejjem nistenna li nisma’ l-kelma ta’ Alla, jitkellem min jitkellem. Rari nħossni diżappuntat u spiss nimtela b’ għaġeb, u dejjem nispiċċa nitbissem kif għamel il-Presbiteru Cowley.

Ħafna huma l-ħwejjeġ li jistgħu jgħinu jsaħħu lil ħutna iżgħar minna biex iwieġbu għas-sejħa tagħhom fis-saċerdozju, iżda xejn ma fih aktar qawwa minn meta aħna ngħinuhom jiżviluppaw il-fidi u l-kunfidenza tagħhom li huma jistgħu jiddependu fuq il-qawwa ta’ Alla fis-servizz tagħhom tas-saċerdozju.

Dik il-fidi u dik il-kunfidenza mhux se jibqgħu magħhom tul ħajjithom minħabba xi esperjenza waħdanija ta’ meta huma ġew ispirati minn xi ħadd li jħaddan is-Saċerdozju Melkisedeku, anke jekk dan ikun l-aktar raġel kapaċi. L-abbiltà li huma jiddependu fuq dawk il-qawwiet trid tiġi kkultivata permezz ta’ bosta espressjonijiet ta’ kunfidenza minn dawk li għandhom aktar esperjenza fis-saċerdozju.

Dawk li jħaddnu s-Saċerdozju Aroniku jeħtieġu wkoll ċertu inkuraġġiment kuljum, saħansitra kull siegħa, u jeħtieġu wkoll li huma jiġu mwissija mill-Mulej innifsu permezz tal-Ispirtu s-Santu. Dan ikun disponibbli għalihom hekk kif huma jagħżlu li jibqgħu denji ta’ dan. Dan kollu jiddependi mill-għażliet li huma jagħmlu.

Għalhekk aħna għandna ngħallmu bl-eżempju u bit-testimonjanza li l-kliem tal-mexxej kbir tas-Saċerdozju Melkisedeku, is-Sultan Benjamin, huwa veru.5 Huwa kliem ta’ mħabba li ngħad f’ isem il-Mulej, li Tiegħu huwa dan is-saċerdozju. Is-Sultan Benjamin jgħallem x’inhu meħtieġ minna biex nibqgħu safjin biżżejjed biex nirċievu l-inkuraġġiment u l-korrezzjoni mingħand il-Mulej:

“U finalment, jien ma nistax ngħidilkom kull ħaġa li permezz tagħha tistgħu taqgħu fid-dnub; għaliex hemm diversi modi li saħansitra lanqas jiena ma nista’ nsemmihom kollha.

“Iżda dan nista’ ngħidilkom, li jekk m’intomx se tikkontrollaw lilkom infuskom u ħsibijietkom u kliemkom u għemilkom u m’intomx se tosservaw il-kmandamenti ta’ Alla u tkomplu mexjin fil-fidi dwar dak li smajtu dwar il-miġja tal-Mulej tagħna, saħansitra sat-tmiem ta’ ħajjitkom, intom tinqerdu. U issa, ja bniedem, ftakar u tinqeridx.”6

Aħna lkoll konxji tal-vleġeġ kollha nar tal-għadu tas-sewwa li qegħdin jintefgħu bħall-irwiefen terribbli kontra ż-żgħażagħ tagħna li tant inħobbu li jħaddnu s-saċerdozju. Għalina, huma jixbhu lill-gwerriera żgħażagħ, li kienu sejħu lilhom infushom ulied Ħilaman. Huma jistgħu jsalvaw, kif salvaw il-gwerriera żgħażagħ, jekk huma jżommu lilhom infushom ‘il bogħod minn kull periklu, kif talabhom bil-ħerqa biex jagħmlu s-Sultan Benjamin.

Ulied Ħilaman ma ddubitawx. Huma ġġieldu b’ għaqal u spiċċaw rebbieħa għaliex emmnu kliem ommijiethom.7 Aħna nifhmu l-qawwa tal-fidi ta’ omm kollha mħabba. Illum għadd ta’ ommijiet jipprovdu dak is-sapport kbir lil uliedhom. Aħna li nħaddnu s-saċerdozju nistgħu u għandna nżidu ma’ dak is-sapport id-determinazzjon tagħna li nwieġbu għas-sejħa li hekk kif aħna nikkonvertu, aħna għandna nilħqu u nsaħħu lil ħutna.8

It-talba tiegħi hi li kull min iħaddan is-Saċerdozju Melkisedeku jaċċetta l-opportunità li joffrilna l-Mulej:

“U jekk xi ħadd fostkom ikun b’ saħħtu fl-Ispirtu, araw li dan jieħu miegħu lil dak li hu dgħajjef, li huwa jiġi edifikat bl-umiltà kollha, biex huwa wkoll isir b’ saħħtu.

“Għalhekk, ħudu magħkom lil dawk li huma ordnati fis-saċerdozju minuri, u ibagħtuhom qabilkom biex jagħmlu l-appuntamenti, u biex iħejju t-triq u biex imorru għal appuntamenti li intom stess ma tkunux tistgħu tmorru għalihom.

“Araw, dan huwa l-mod li permezz tiegħu l-appostli tiegħi, fi żmien il-qedem, bnew il-knisja tiegħu f’ ismi.”9

Intom il-mexxejja tas-saċerdozju, u intom il-missirijiet ta’ dawk li jħaddnu s-Saċerdozju Aroniku, intom tistgħu ġġibu fis-seħħ bosta mirakli. Intom tistgħu tgħinu lill-Mulej jimla l-postijiet battala ta’ għadd ta’ presbiteri fidili b’ ġuvintur li jaċċettaw is-sejħa li jippridkaw l-evanġelju u jagħmlu dan b’ kunfidenza. Intom taraw bosta minn dawk li għentu u inkuraġġejtu jibqgħu fidili, jiżżewġu b’ mod den fit-tempju, u li min-naħa tagħhom huma stess jgħinu u jħejju lil ħaddieħor.

M’hemmx għalfejn ta’ xi programm ta’ attività ġdid ieħor, aktar materjal tat-tagħlim jew li ntejbu l-midja soċjali. M’hemmx għalfejn li jkollkom xi sejħa aktar milli diġà għandkom. Il-ġurament u l-patt tas-saċerdozju jagħtikom il-qawwa, l-awtorità u d-direzzjoni. Jien nitlob li intom tmorru d-dar u tistudjaw bir-reqqa l-ġurament u l-patt tas-saċerdozju, kif insibuh f’ Duttrina u Patti sezzjoni 84.

Ilkoll kemm aħna nittamaw li aktar ġuvintur ikollhom l-esperjenzi li kellu Wilford Woodruff, li bħala ġuvni li kien iħaddan is-Saċerdozju Aroniku għallem l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu b’ ċerta qawwa li twassal għall-konverżjoni.

Jien nitlob li aħna lkoll nonoraw is-sejħa tagħna li nelevaw lill-oħrajn biex inħejjuhom għas-servizz glorjuż tagħhom. Jien nirringrazzja b’ qalbi kollha lin-nies meraviljużi li inkuraġġewni u wrewni kif jiena stess stajt inħobb u ninkuraġġixxi lil ħaddieħor.

Jiena nixhed li l-President Thomas S. Monson iħaddan l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju fid-dinja bħalissa. Jiena nagħti x-xhieda tiegħi li hu, permezz tal-ħajja kollha servizz tiegħu, kien eżempju għalina lkoll kif nistgħu ninkuraġġixxu lil ħaddieħor bħala rġiel li nħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku. Jiena personalment grat għall-mod kif huwa lili inkuraġġieni u wrieni kif nista’ ninkuraġġixxi lil ħaddieħor.

Alla l-Missier jgħix. Ġesù hu l-Kristu. Din hija l-Knisja u s-saltna Tiegħu. Dan hu s-saċerdozju Tiegħu. Jiena sirt naf dan għalija nnifsi bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. F’ isem il-Mulej Ġesù Kistu, amen.

Ipprintja