2010-2019
Il-Ferħ u s-Sopravivenza Spiritwali
Ottubru 2016


Il-Ferħ u s-Sopravivenza Spiritwali

Meta aħna niffokaw ħajjitna fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu, aħna nistgħu nħossu fina l-ferħ minkejja dak li jkun qed jiġri—jew ma jkunx qed jiġri—f’ ħajjitna.

Għeżież ħuti, illum nixtieq niddiskuti prinċipju mill-aktar essenzjali għas-sopravivenza spiritwali tagħna. Huwa prinċipju li jsir aktar importanti hekk kif it-traġedji u l-parodiji jiżdiedu madwarna.

Ninsabu ngħixu fl-aħħar jiem, għalhekk ħadd minna m’għandu jħossu sorpriż meta naraw xi profezija tiġi fis-seħħ. Għadd kbir ta’ profeti, fosthom Isaija, Pawlu, Nefi u Mormon bassru li kellhom jiġu żminijiet perikolużi,1 li fi żmienna d-dinja kollha se tispiċċa f’ konfużjoni,2 li l-bnedmin se “jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom, … bla qalb, … iħobbu aktar il-pjaċir milli ‘l Alla,”3 u li ħafna se jsiru qaddejja ta’ Satana li jgħinu fil-ħidma tal-avversarju.4 Fil-fatt, intom u jien “se niġġieldu … kontra l-prinċpijiet ta’ din id-dinja ta’ dlamijiet u kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-għoli.”5

Hekk kif jikbru l-kunflitti fost il-ġnus, hekk kif it-terroristi beżżigħin joqtlu lill-innoċenti, u hekk kif tiżdied il-korruzzjoni f’ kollox, min-negozju sal-gvern, għax issir ħaġa mill-aktar komuni, x’jista’ jkun ta’ għajnuna għalina? X’ jista’ jgħin lil kull wieħed u waħda minna waqt it-taqbid personali u l-isfidi rigorużi tagħna li qed ngħixu f’ dawn l-aħħar jiem?

Il-profeta Leħi għallem prinċipju relatat mas-sopravivenza spiritwali. L-ewwel, ikkunsidraw ftit iċ-ċirkustanzi tiegħu: Huwa ġie ppersegwitat talli ħabbar il-verità f’ Ġerusalemm u ġie kkmandat mill-Mulej biex iħalli warajh kull ma kellu u jaħrab lejn id-deżert flimkien mal-familja tiegħu. Huwa għex f’ tinda u kien jiekol biss l-ikel li kien isib fi triqtu lejn destinazzjoni mhux magħrufa, u huwa ra tnejn minn uliedu, Laman u Lemwel, jirribellaw kontra t-tagħlim tal-Mulej u jattakkaw lil ħuthom Nefi u Sam.

B’ mod mill-aktar ċar, Leħi f’ ħajtu esperjenza l-oppożizzjoni, l-anzjetà, l-uġigħ il-qalb, l-uġigħ fiżiku, id-diżappunt u n-niket. Madankollu huwa ddikjara, b’ qawwa u mingħajr ebda riserva, prinċipju kif ġie żvelat lilu mill-Mulej: “Il-bnedmin ġew maħluqin biex ikunu ferħanin.”6 Immaġinaw! Mill-kliem kollu li seta’ juża biex huwa jiddeskrivi n-natura u l-għan ta’ ħajjitna hawn fil-mortalità, huwa uża l-kelma ferħanin!

Il-ħajja mimlija devjazzjonijiet u toroq li ma jinfdu għal imkien, u kull tip ta’ sfidi. Ilkoll kemm aħna probabbilment kien hemm żminijiet f’ ħajjitna li fihom ħassejniena maħkumin minn tbatija, diqa ta’ qalb u disperazzjoni. Madankollu aħna ninsabu hawn biex ikollna l-ferħ?

Iva! It-tweġiba hija iva mill-aktar ċara! Iżda dan kif inhu possibbli? U x’ għandna nagħmlu biex aħna niksbu l-ferħ li Missierna tas-Smewwiet għandu maħżun għalina?

Eliza R. Snow, it-tieni President Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, tatna tweġiba mill-aktar interessanti. Minħabba l-ordni infami ta’ esterminazzjoni ġewwa Missouri, li ġiet maħruġa fil-bidu tax-xitwa mill-aktar qalila tal-1838,7 hija u Qaddisin oħra ġew sfurzati biex jaħarbu mill-istat f’ dik ix-xitwa stess. Lejla waħda, il-familja ta’ Eliza għaddiet il-lejl f’ kamra tal-injam żgħira li kienet qed tintuża mill-Qaddisin li kienu refuġjati. Ħafna mill-materjal li xi darba kien tpoġġa bejn iz-zkuk kien ittieħed u ntuża biex jitqabbad in-nar minn dawk li kienu hemm qabilhom, għalhekk bejn iz-zkuk kien hemm toqob tant kbar li anke qattus seta’ jgħaddi minn bejniethom. Kienet kesħa xxoqq l-għadam u l-ikel tagħhom kien spiċċa blokka silġ.

Dak il-lejl madwar 80 ruħ tgeddsu flimkien ġewwa dik il-kamra tal-injam żgħira, li kienet kbira 20 pied kwadru. Ħafna minnhom għaddew il-lejl bilqiegħda jew bilwieqfa biex kemm jista’ jkun iżommu lilhom infushom sħan. Barra l-kamra tal-injam, grupp ta’ rġiel għaddew il-lejl miġburin madwar ħuġġieġa taqbad, b’ xi wħud minnhom ikantaw l-innijiet u oħrajna jixwu l-patata ffriżata. Eliza kitbet: “Lanqas ħadd ma nstema’ jgerger—kulħadd kien ferħan u mid-dehra tagħna, min ma kienx jafna seta’ qatagħna bħala nies li konna qed nivvjaġġaw biex noqogħdu nixxalaw minflok grupp ta’ nies li għadhom kif ġew eżiljati mill-gvernatur tal-istat.”

Ir-rapport ta’ Eliza dwar dik il-lejla mill-aktar diffiċli f’ kesħa xxoqq l-għadam kien wieħed ta’ ottimiżmu impressjonanti. Hija ddikjarat: “Dan kien lejl mill-aktar hieni. Ħadd ħlief il-qaddisin ma jista’ jħossu ferħan f’ dawk iċ-ċirkustanzi.”8

Dik il-verità! Il-qaddisin jistgħu jħossuhom ferħanin f’ kull ċirkustanza. Aħna nistgħu nħossu l-ferħ anke meta nħabbtu wiċċna ma’ jum diffiċli, ma’ ġimgħa diffiċli, jew saħansitra ma’ sena diffiċli!

Għeżież ħuti, il-ferħ li nħossu ma jiddependix miċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna iżda jiddependi fuq xiex qed niffokaw f’ ħajjitna.

Meta aħna niffokaw ħajjitna fuq il-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla, li għadu kif għallimna dwaru l-President Thomas S. Monson, u fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu, aħna nistgħu nħossu fina l-ferħ minkejja dak li jkun qed jiġri—jew ma jkunx qed jiġri—f’ ħajjitna. Il-ferħ jiġi mingħandu u minħabba fih. Huwa s-sors ta’ kull ferħ. Dan il-ferħ inħossuh fi żmien il-Milied meta aħna nkantaw, “Ferħ lid-dinja, twieled il-Mulej.”9 U dan nistgħu nħossuh is-sena kollha. Għall-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, Ġesù Kristu huwa l-ferħ!

Għalhekk il-missjunarji tagħna jħallu djarhom biex ixandru l-evanġelju Tiegħu. L-għan tagħhom mhuwiex li jkabbru n-numri ta’ membri tal-Knisja. Pjuttost, il-missjunarji jgħallmu u jgħammdu10 biex iwasslu l-ferħ lin-nies tad-dinja!11

Bl-istess mod kif is-Salvatur offra s-sliem li “jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem,”12 Huwa joffri wkoll intensità, qawwa u ammont ta’ ferħ li jmur lil hinn minn kull loġika umana jew għarfien mortali. Per eżempju, żgur ma tidhirx li hi ħaġa possibbli li tħossok ferħan meta ibnek qed isofri minn xi marda li m’hemmx fejqan għaliha jew meta inti titlef l-impjieg tiegħek jew meta l-persuna li inti żżewwiġt ittraditek. Madankollu dan huwa preċiżament il-ferħ li joffrilna s-Salvatur. Il-ferħ Tiegħu huwa kostanti, li jiżgurana li “s-sofferenza tagħna se tkun biss ħaġa temporanja”13 u li Huwa se jikkonsagraha għall-istess gwadann tagħna.14

Kif, mela, aħna nistgħu niksbu dan il-ferħ? Nistgħu nibdew billi “nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna”15 “f’ kull ħsieb.”16 Aħna nistgħu nirringrazzjawh fit-talb tagħna u billi nżommu l-patti li għamilna miegħu u ma’ Missierna tas-Smewwiet. Hekk kif għalina s-Salvatur tagħna jsir aktar reali u hekk kif aħna nitolbuh b’ ħerqa biex jagħtina l-ferħ Tiegħu, il-ferħ tagħna jikber.

Il-ferħ huwa mill-aktar kbir, u il-fatt li aħna nibqgħu niffokaw fuq il-ferħ iwasslilna f’ ħajjitna l-qawwa ta’ Alla. F’ kull ħaġa, Ġesù Kristu huma l-aqwa eżemplar tagħna, “li biex jikseb l-hena li giet offerta lilu, huwa qagħad għas-salib.”17 Aħsbu ftit fuq dan! Sabiex Hu jgħaddi mill-aktar esperjenza kiefra li qatt ġiet esperjenzata fid-dinja, is-Salvatur tagħna beda jiffoka fuq l- hena!

U x’ kienet din l-hena li kellu quddiemu? Bla dubju din kienet tinkludi l-hena li tnaddafna, tfejjaqna u ssaħħaħna; l-hena li Huwa ħallas għad-dnubiet ta’ dawk kollha li jindmu; l-hena li għamilha possibbli għalikom u għalija biex nerġgħu lura d-dar—indaf u denji—biex ngħixu mal-Ġenituri tagħna tas-smewwiet u l-familja tagħna.

Jekk niffokaw fuq il-ferħ li aħna nistgħu niksbu, jew li jistgħu jiksbu dawk li aħna nħobbu, x’ nistgħu ngħaddu minnu bħalissa li jidher daqstant kbir, diffiċli, ta’ biża’, inġust jew sempliċiment impossibbli?

Wieħed missier li kien jinsab f’ sitwazzjoni spiritwali mill-aktar prekarja beda jiffoka fuq il-ferħ li seta’ jħoss meta finalment huwa seta’ jerġa’ jħossu nadif u ġust quddiem il-Mulej—il-ferħ li huwa jerġa’ jħossu ħieles mill-ħtija u l-mistħija—u l-ferħ li jkollu s-serħan fil-moħħ. Għax huwa beda jiffoka fuq il-ferħ, huwa wasal biex sab il-kuraġġ li jistqarr ma’ martu u mal-isqof tiegħu dwar il-problema li huwa kellu bil-pornografija u sussegwentement dwar l-infedeltà tiegħu. Issa huwa qed jagħmel dak kollu li jgħidlu jagħmel l-isqof tiegħu, fejn qed jipprova b’ qalbu kollha jerġa’ jikseb lura l-fiduċja tal-għażiża mara tiegħu.

Waħda tfajla bdiet tiffoka fuq il-ferħ li jista’ jkollha jekk tibqa’ sesswalment safja biex dan jgħinna tissaporti ż-żuffjett ta’ sħabha hekk kif hija tbiegħdet minn sitwazzjoni popolari u provokattiva li madankollu kienet waħda mill-aktar perikoluża għall-ispirtu.

Wieħed raġel li spiss kien jiddegrada lill-martu u li kien jiżbroffa f’ mumenti ta’ rabja ma’ wliedu beda jiffoka fuq il-ferħ li jista’ jkollu jekk huwa jkun den li jkollu l-Ispirtu s-Santu dejjem miegħu bħala s-sieħeb kostanti tiegħu. Li huwa bed jiffoka fuq dan wasslu biex jiġi immotivat ħalli jinża’ minn fuqu l-bniedem naturali,18 li ħafna drabi qabel kien jispiċċa skjav tiegħu, u beda jagħmel it-tibdil neċessarju.

Wieħed kollega għażiż m’ilux qalli dwar l-isfidi kbar li għadda minnhom f’ dawn l-aħħar għoxrin sena. Huwa qalli, “Jiena tgħallimt insofri bil-ferħ. Is-sofferenza tiegħi ġiet megħluba mill-ferħ ta’ Kristu.”19

X’ jirnexxilna nissapportu jiena u intom jekk aħna niffokaw fuq il-ferħ li “għandna quddiemna”?20 Imbagħad x’inhu ċ-ċans li aħna jirnexxilna nindmu? Liema dgħjufija tinbidel f’ qawwa?21 Liema twiddib jinbidel f’ barka?22 Liema diżappunt, anke dak traġiku, jinbidel għall-aħjar tagħna?23 U liema servizz f’ isem il-Mulej, li jaf ikun ta’ sfida għalina, inkunu kapaċi noffru?24

Hekk kif b’ diliġenza aħna niffokaw fuq is-Salvatur u mbagħad nimxu wara l-mudell tiegħu li niffokaw fuq il-ferħ, jeħtieġ li aħna nevitaw dawk il-ħwejjeġ li jistgħu jtellfu l-ferħ tagħna. Tiftakruh lil Koriħoru, l-anti-Krist? Koriħoru mar minn post għall-ieħor ixandar il-qlajjiet dwar is-Salvatur sakemm huwa ttieħed quddiem il-qassis il-kbir li staqsieh: “Għalfejn qed tgħawweġ triqat il-Mulej mal-poplu? Għalfejn qed tgħallem lil dawn in-nies li mhux se jkun hawn l-ebda Kristu, biex ittellfilhom il-ferħ li qed jesperjenzaw?”25

Kull ħaġa li topponi lil Kristu u d-duttrina Tiegħu twassal biex ittellef il-ferħ tagħna. Dawn jinkludu l-filosofiji tal-bnedmin, li nsibuhom b’ abbundanza fuq l-internet u fil-bloggs, li jagħmlu eżattament dak li għamel Koriħoru.26

Jekk aħna nħarsu lejn id-dinja u nimxu wara dak li tgħidilna hi biex aħna niksbu l-ferħ,27 aħna qatt ma jirnexxilna nerperjenzaw il-ferħ. In-nies inġusti jafu jesperjenzaw kull tip ta’ emozzjoni u sensazzjoni, iżda huma qatt ma jesperjenzaw il-ferħ!28 Il-ferħ huwa rigal għal min hu fidil.29 Huwa rigal li niksbuh jekk intenzjonalment aħna nippruvaw ngħixu ħajja tajba, kif għallimna Ġesù Kristu.30

Huwa għallimna kif jista’ jkollna l-ferħ. Meta aħna nagħżlu lil Missierna tas-Smewwiet biex ikun Alla tagħna31 u meta aħna nistgħu nħossu l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur f’ ħajjitna, aħna nimtlew bil-ferħ.32 Kull darba li aħna nieħdu ħsieb tal-persuna li żżewwiġna u niggwidaw lil uliedna, kull darba li aħna naħfru lil xi ħadd jew nitolbu għall-maħfra, aħna nistgħu nħossu l-ferħ.

Kull jum li fih intom u jiena nagħżlu li ngħixu l-liġijiet ċelestjali, kull jum li fih aħna nżommu l-patti tagħna u ngħinu lil ħaddieħor jagħmel l-istess, aħna nesperjenzaw il-ferħ.

Agħtu kas ta’ kliem is-Salmista: “Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. … Fil-milja tal-ferħ quddiemu.”33 Hekk kif dan il-prinċipju jidħol fil-fond ta’ qalbna, kull jum jista’ jkun għalina jum ta’ ferħ u hena.34 Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara 2 Timotju 3:1–5.

  2. Ara Doctrine and Covenants 45:26; 88:91.

  3. 2 Timotju 3:2–4.

  4. Ara Doctrine and Covenants 10:5.

  5. Efesin 06:12.

  6. 2 Nephi 2:25.

  7. Il-Gvernatur Lilburn W. Boggs ta’ Missouri ħareġ l-ordni tal-esterminazzjoni Mormona fis-27 ta’ Ottubru 1838 (ara Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith [2007], 349).

  8. Ara Eliza R. Snow, in Edward W. Tullidge, The Women of Mormondom (1877), 145–46.

  9. “Joy to the World,” Hymns, no. 201.

  10. Il-missjunarji jagħmlu kif talabhom jagħmlu l-Mulej: huma jippridkaw, jgħallmu u jgħammdu f’ ismu (ara Mattew 28:19; Mark 16:15; Mormon 9:22; Doctrine and Covenants 68:8; 84:62; 112:28). Fit-Talba ta’ Interċessjoni Tiegħu, Ġesù ddikjara r-relazzjoni Tiegħu mal-ferħ tad-dixxipli Tiegħu. Huwa qal, “Qiegħed ngħid dan, kif għadni fid-dinja, biex huma jkollhom fihom il-ferħ sħiħ tiegħi” (Ġwanni 17:13; enfażi miżjuda).

  11. Ara Alma 13:22.

  12. Filippin 4:7.

  13. Doctrine and Covenants 121:7.

  14. Ara 2 Nephi 2:2.

  15. Lhud 12:2.

  16. Doctrine and Covenants 6:36.

  17. Lhud 12:2.

  18. Ara Mosiah 03:19. Nota: il- “bniedem naturali” mhuwiex biss għadu ta’ Alla; huwa wkoll għadu ta’ martu u wliedu.

  19. Ara Alma 31:38.

  20. Lhud 12:2.

  21. Ara Ether 12:27.

  22. Ara Lhud 12:6.

  23. Ara Doctrine and Covenants 122:7.

  24. Ara Mattew 19:26; Ġwanni 10:27.

  25. Alma 30:22. Il-Ktieb ta’ Mormon mimli b’ eżempji ta’ rġiel u nisa li esperjenzaw il-ferħ u kif huma ferħu għaliex huma għażlu li jimxu wara Ġesù Kristu. Kull għażla oħra, kif kien fil-kas ta’ Koriħoru, twassal eventwalment għall-qirda.

  26. Il-kalunja, li tfisser misrappreżentazzjoni, hija definita bħala dikjarazzjoni falza u malizzjuża imfassla biex tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ xi ħadd jew ta’ xi ħaġa. Il-kalunja kienet isseħħ fi żmien Koriħoru, u għadha sseħħ bħalissa. Il-Profeta Joseph Smith tkellem dwar l-invinċibbiltà tal-Knisja anke meta tiffaċċja il-kalunja. Huwa qal: “L-Istandard tal-Verità ġie mgħolli; l-ebda id mhux qaddisa ma tista’ twaqqaf din il-ħidma milli tibqa’ miexja ‘l quddiem; tafu tesperjenzaw il-persekuzzjoni, il-marmalja taf tingħaqad kontrikom, jafu jinġabru flimkien l-armati, il-kalunja taf tqasqas kontrikom, iżda l-verità ta’ Alla tibqa’ miexja ‘l quddiem b’ mod sod, nobbli u indipendenti, sakemm tippenetra kull kontinent, iżżur kull klima, tgħaddi minn kull pajjiż u tinstama’ permezz ta’ kull widna, sakemm l-għanijiet ta’ Alla jitwettqu u l-Kbir Ġehova jgħid il-ħidma ġiet fis-seħħ” (Teachings: Joseph Smith, 444).

  27. Id-dinja tgħallem li aktar ma jkollnakollox aktar ikollna ferħ. U jekk m’għandniex biżżejjed biex inkunu ferħanin, mela nixtru aktar! Tgħallimna wkoll li tista’ tidneb kemm trid u tkun ferħan. U jekk mhux biżżejjed biex inkunu ferħanin, mela nidinbu aktar! Il-wegħda hi li fi tmiem ta’ kull qawsalla edonistika hemm ġarra ferħ. Mhux veru!

  28. La f’ din id-dinja u lanqas f’li jmiss.

  29. Il-Qaddisin ġusti “li ġarrbu s-slaleb tad-dinja … se jirtu s-saltna ta’ Alla, … u l-ferħ tagħhom se jkun sħiħ għal dejjem” (2 Nephi 9:18).

  30. Per eżempju, ara 2 Nephi 27:30; Alma 27:16–18.

  31. Ara 1 Nephi 17:40.

  32. Ara Mosiah 4:2–3.

  33. Salm 16:8, 11.

  34. Ara Isaija 35:10; 2 Nephi 8:3.