2010-2019
Ħarsu lejn il-Ktieb, Ħarsu lejn il-Mulej
Ottubru 2016


Ħarsu lejn il-Ktieb, Ħarsu lejn il-Mulej

Tħarsu intom lejn il-Ktieb ta’ Mormon bħala ċ-ċavi ċentrali tagħkom, iċ-ċentru tal-qawwa spiritwali tagħkom?

Mary Elizabeth Rollins

Lilkom li tiffurmaw parti mill-ġenerazzjoni li għadha tiela’ nimmaġinakom f’ moħħi xi mkien fid-dinja qed taraw jew tisimgħu din is-sezzjoni tal-konferenza. Nixtieq naqsam magħkom storja vera, storja li tista’ tkun għalikom kemm ta’ eżempju kif ukoll lezzjoni li tistgħu titgħallmu minnha. Tista’ turikom kif tistgħu tersqu aktar viċin il-Mulej u taċċessaw qawwa akbar biex tirreżistu t-tentazzjoni.

Din hi storja ta’ waħda żagħżugħa, tgħix fi New York, li qabel għalqet it-tielet sena tagħha hija tilfet lil missierha meta d-dgħajsa li kien fiha għerqet f’għadira kbira. Hi, ommha, ħuha l-kbir u oħtha ż-żgħira marru joqogħdu f’ belt ġdida fi stat ieħor biex jgħixu ma’ zijietha. Ftit żmien wara li l-familja tagħhom waslet hemm, il-missjunarji u l-membri ta’ reliġjon li kienet għadha kif ġiet ifformata marru jżuru l-belt tagħhom bl-aħbar glorjuża tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju. Huma qalulhom storja mill-aktar sinjifikanti dwar anġlu li għadda reġistru antik lil żagħżugħ jismu Joseph Smith, reġistru li huwa ttraduċa bil-qawwa ta’ Alla. Tnejn mill-viżitaturi, Oliver Cowdery u John Whitmer, fil-fatt kienu raw b’ għajnejhom stess il-paġni tal-metall ta’ dan ir-reġistru antik bil-kitba mnaqqxa fuqhom, u Whitmer ta x-xhieda tiegħu li huwa stess kien żamm f’ idejh il-pjanċi tad-deheb. Dan ir-reġistru kien għadu kif ġie ppubblikat u Brother Whitmer kellu fuqu kopja tal-ktieb. L-isem tal-ktieb, bla dubju, kien il-Ktieb ta’ Mormon.

Meta Mary, li kellha 12-il sena, semgħet lill-missjunarji jitkellmu dwar il-ktieb, hija ħasset sentiment speċjali ġewwa qalbha. Avolja l-Ktieb ta’ Mormon kien oħxon b’ ħafna paġni, Mary kellha xewqa kbira li taqrah. Meta Brother Whitmer telaq minn ħdejhom, huwa ta kopja mill-aktar prezzjuża tal-ktieb lil Brother Isaac Morley, li kien ħabib taz-ziju ta’ Mary u mexxej lokali fil-knisja l-ġdida.

Aktar tard Mary kitbet: “Jiena mort fid-dar ta’ Brother Morley … u tlabtu nistax nara l-Ktieb; huwa tahuli f’ idi, u hekk kif ħarist lejh, tant ħassejt ġo fija x-xewqa li naqrah, li ma sibtha xejn bi tqila nistaqsih jekk kienx iħallini nieħdu miegħi d-dar u naqrah. … Huwa qal … li bilkemm kellu ċans jaqra kapitlu wieħed minnu, u kienu ftit biss l-aħwa li kienu rawh, iżda tant tlabtu bil-ħerqa li finalment qalli, ‘binti, jekk għada filgħodu qabel ħin il-kolazzjon iġġib lura d-dar dan il-ktieb, inti tista’ tieħdu.’”

Immaġni
Mary Elizabeth Rollins taqra

Mary marret tiġri d-dar u tant il-ktieb żammha li baqgħet imqajma taqrah kważi l-lejl kollu. L-għada filgħodu, meta rritornat lura l-ktieb, Brother Morley qalilha, “Naħseb ma tantx qrajt minnu hux” u “Ma naħsibx li kapaċi tgħidli kelma waħda minnu.” Mary qamet dritta bilwieqfa u rrepetiet minn moħħha l-ewwel vers tal-Ktieb ta’ Mormon. Imbagħad qaltlu l-istorja tal-profeta Nefi. Aktar tard Mary kitbet, “Huwa baqa’ jħares ċass lejja, u qalli, ‘binti, ħu dan il-ktieb lura miegħek id-dar u aqrah kollu, jien nista’ nistenna.’”

Ftit jiem wara, Mary spiċċat taqra l-ktieb u kienet l-ewwel persuna fil-belt tagħha li qrat il-ktieb kollu. Hija kienet taf li kien veru u li kien ġej minn Missierna tas-Smewwiet. Hekk kif hi ħarset lejn il-ktieb, hija ħarset lejn il-Mulej.

Xahar wara mar iżurha bniedem speċjali. Dan hu x’ kitbet Mary dwar il-laqgħa mill-aktar memorabbli li hi kellha dak inhar: “Meta Joseph Smith lemaħni huwa ħares lejja b’ ċerta ħerqa. … Wara ftit ħin … huwa tani barka speċjali … u ppreżentali l-ktieb, u qal li kien se jagħti kopja oħra lil Brother Morley. … Aħna lkoll ħassejna li hu kien bniedem ta’ Alla, għaliex huwa tkellem b’ qawwa, u bħal wieħed li għandu l-awtorità.”

Din it-tfajla żagħżugħa, Mary Elizabeth Rollins, rat bosta mirakli oħra f’ ħajjitha u dejjem żammet soda t-testimonjanza tagħha tal-Ktieb ta’ Mormon.1 Din l-istorja għandha tifsira speċjali għalija għax Mary hija z-zija tal-buż-buż-bużnannu tiegħi. Permezz tal-eżempju ta’ Mary, flimkien ma’ esperjenzi oħra f’ ħajti, jiena tgħallimt li bniedem qatt mhu żgħir wisq biex ifittex u jirċievi testimonjanza personali tal-Ktieb ta’ Mormon.

Il-Ċavi Ċentrali tat-Testimonjanza Tagħkom

Hemm lezzjoni personali għalikom fl-istorja ta’ Mary. Kull wieħed u waħda minnkom il-ġuvintur, tfajliet u tfal tistgħu tħossu fikom l-istess sentimenti li ħasset hi. Meta taqraw il-Ktieb ta’ Mormon u titolbu b’ xewqa li tkunu tafu huwiex veru, intom ukoll tistgħu tirċievu l-istess ispirazzjoni f’ qalbkom li rċeviet Mary. Tafu ssibu wkoll li hekk kif intom tieqfu u tagħtu xhieda tal-Ktieb ta’ Mormon, intom tħossu l-istess spirtu jikkonferma magħkom li hu veru. L-Ispirtu s-Santu jkellimkom f’ qalbkom. Tistgħu tħossu wkoll din l-istess konferma tal-ispirtu meta intom tisimgħu oħrajn jaqsmu t-testimonjanzi tagħhom tal-Ktieb ta’ Mormon. Kull wieħed u waħda minn dawn ix-xhieda spiritwali jistgħu jwasslu biex il-Ktieb ta’ Mormon isir iċ-ċavi ċentrali tat-testimonjanza tagħkom.

Ippermettuli nispjega ruħi. Il-Profeta Joseph Smith, li ttraduċa l-Ktieb ta’ Mormon permezz tad- “don u l-qawwa ta’ Alla,” iddeskriva l-Ktieb ta’ Mormon bħala “l-aktar ktieb korrett fost il-kotba kollha fid-dinja, u ċ-ċavi ċentrali tar-reliġjon tagħna.”2

Minn meta l-Ktieb ta’ Mormon ġie stampat għall-ewwel darba fl-1830, ġew ippubblikati aktar minn 174 miljun kopja, f’ 110 lingwa differenti, li juri li l-Ktieb ta’ Mormon għadu ċ-ċavi ċentrali tar-reliġjon tagħna. Iżda dan xi jfisser għalikom?

Immaġni
Il-ċavi ċentrali tinsab eżatt fin-nofs

Fit-termini tal-arkitettura ċ-ċavi ċentrali hija l-element prinċipali fi ħnejja. Hija l-ġebla forma ta’ spnar fiċ-ċentru u fl-ogħla parti ta’ ħnejja. Hija l-aktar ġebla importanti għaliex hija żżomm il-ġnub tal-ħnejja f’ posthom, billi ċċaħħadhom milli jaqgħu. U hija l-element strutturali li jiżgura li m’hemm l-ebda periklu biex inti tgħaddi mill-bieb, jew mill-fetħa li hemm taħtha.

Immaġni
Ċavi ċentrali fi ħnejja

F’ termini tal-evanġelju, hija don u barka mill-Mulej li ċ-ċavi ċentrali tar-reliġjon tagħna hija xi ħaġa tanġibbli u fiżika kif inhu l-Ktieb ta’ Mormon u li intom tistgħu żżommuh f’ idejkom u taqrawh. Tħarsu intom lejn il-Ktieb ta’ Mormon bħala ċ-ċavi ċentrali tagħkom, iċ-ċentru tal-qawwa spiritwali tagħkom?

Il-President Ezra Taft Benson tkellem f’ aktar dettall fuq it-tagħlim li għallem Joseph Smith. Huwa qal: “Hemm tliet modi kif il-Ktieb ta’ Mormon huwa ċ-ċavi ċentrali tar-reliġjon tagħna. Huwa ċ-ċavi ċentrali fix-xhieda tagħna ta’ Kristu. Huwa ċ-ċavi ċentrali tad-duttrina tagħna. Huwa ċ-ċavi ċentrali tat-testimonjanza tagħna.”

Il-President Benson kompla jgħallem: “Il-Ktieb ta’ Mormon jgħallimna l-verità u jagħti xhieda ta’ Kristu. … Iżda hemm xi ħaġa aktar minn hekk. Fil-ktieb tinsab ċerta qawwa li tibda taħkem ħajjitkom fil-mument li intom tibdew tistudjaw il-ktieb bis-serjetà. Issibu qawwa akbar biex tirreżistu t-tentazzjoni. … Intom issibu l-qawwa biex tibqgħu mexjin fit-trejqa stretta u dejqa.”3

Ix-Xhieda Personali Tiegħi

Fil-kas tiegħi, il-Ktieb ta’ Mormon sar iċ-ċavi ċentrali tat-testimonjanza tiegħi wara medda ta’ snin u grazzi għan-numru ta’ esperjenzi li jien għaddejt minnhom. Esperjenza qawwija li għenet tifforma t-testimonjanza tiegħi seħħet meta jiena kont missjunarju żagħżugħ fl-ewwel inħawi li kont fihom: Kumamoto, il-Ġappun. Sieħbi u jien konna qed induru d-djar inħabbtu l-bibien. Jiena ltqajt ma’ waħda li kienet nanna li stednitna biex nidħlu fl-intrata tad-dar tagħha, li bil-Ġappuniż tissejjaħ genkan. Hija offritilna xarba friska f’ jum mill-aktar sħun. Ma kontx ili wisq fil-Ġappun u ftit kont ili li temmejt naqra l-Ktieb ta’ Mormon u kont qed nitlob biex insir naf b’ ċertezza li kien veru.

Peress li kont għadni ġdid fil-Ġappun, ma tantx kont nitkellem tajjeb bil-Ġappuniż. Fil-fatt, ma naħsibx li din il-mara fehmet wisq dak li kont qed ngħid. Jiena bdejt ngħallimha dwar il-Ktieb ta’ Mormon, iddeskrivejt kif Joseph Smith irċieva mingħand anġlu reġistru antik imnaqqax fuq pjanċi u kif huwa ttraduċiehom bil-qawwa ta’ Alla.

Hekk kif jiena offrejt it-testimonjanza tiegħi li l-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma ta’ Alla u testment ieħor ta’ Ġesù Kristu, jiena ħassejt ġo fija sentiment mill-aktar b’ saħħtu u mill-isbaħ ta’ faraġ u serenità, li l-iskrittura tiddeskrivih bħala “nar jaqbad ġewwa fik.”4 Dan is-sentiment ikkonferma miegħi b’ qawwa li l-Ktieb ta’ Mormon huwa verament il-kelma ta’ Alla. F’ dak il-mument is-sentimenti tiegħi tant kienu b’ saħħithom li beda nieżel id-dmugħ minn għajnejja hekk kif jiena bdejt inkellem lil din in-nanna Ġappuniża. Jiena qatt ma nsejt is-sentiment speċjali li ħassejt dak inhar.

Ix-Xhieda Personali Tagħkom

Ilkoll kemm intom tistgħu tirċievu xhieda personali ta’ dan il-ktieb! Tirrealizzaw li l-Ktieb ta’ Mormon ġie miktub għalikom—għal żmienkom? Dan il-ktieb huwa waħda mill-barkiet li għandna aħna li ninsabu ngħixu f’ dik li nsejħula d-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet. Għalkemm il-Ktieb ta’ Mormon inkiteb minn kittieba spirati ta’ żmien il-qedem—li ħafna minnhom kienu profeti—kemm huma kif ukoll in-nies ta’ żmienhom ma kellhomx il-benefiċċju li jippossedu l-ktieb sħiħ. Illum intom għandkom aċċessibbli r-reġistri sagri li l-profeti, il-qassisin u s-slaten għożżew u ppreservaw! Intom għandkom il-benefiċċju li żżommu f’ idejkom il-Ktieb ta’ Mormon sħiħ. Interessanti l-fatt li Moroni, wieħed mill-profeti fil-Ktieb ta’ Mormon, ra żmienna—żmienkom. Mijiet ta’ snin ilu, huwa anke lilkom ra f’ viżjoni! Moroni kiteb:

“Araw, il-Mulej urieni ħwejjeġ mill-aktar kbar u meraviljuż dwar … dak il-jum meta dawn il-ħwejjeġ,” jiġifieri l-Ktieb ta’ Mormon, “se jaslu fostkom.

“Araw, jien inkellimkom bħallikieku tinsabu preżenti, meta fil-fatt m’intomx. Iżda araw, Ġesù Kristu wera lilkom lili, u jien naf dwarkom.”5

Biex inkun nista’ ngħinkom ħalli il-Ktieb ta’ Mormon isir iċ-ċavi ċentrali tat-testimonjanza tagħkom, jien se nippreżentalkom sfida. M’ilux sirt naf li bosta żgħażagħ iqattgħu madwar 7 sigħat kuljum iħarsu lejn l-iskrijn tat-televiżjoni, tal-kompjuter jew tal-ismartfon tagħhom.6 B’ din l-informazzjoni f’ moħħkom, lesti intom tagħmlu daqsxejn ta’ bidla żgħira f’ ħajjitkom? Lesti biex parti mill-ħin li tgħaddu quddiem l-iskrin tagħkom—partikolarment dak li tiddedikaw għall-midja soċjali, għall-internet, għal-logħob jew it-televiżjoni—tgħadduh taqraw il-Ktieb ta’ Mormon? Jekk l-istudji li qed nirreferi għalihom huma korretti, żgur li għandkom issibu ħin biex kull ġurnata tistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon imqar jekk għal 10 minuti biss kuljum. U tistgħu tistudjaw b’ mod li jagħtikom ċans tieħdu gost tagħmlu dan kif ukoll tifhmu dak li tistudjaw—kemm permezz tal-format elettroniku jew inkella permezz tal-ktieb. M’ilux il-President Russell M. Nelson widdibna, “M’ għandna qatt inħarsu lejn il-qari tal-Ktieb ta’ Mormon bħala xi ħaġa li nagħmluha ta’ bilfors, bħal meta nibilgħu malajr malajr il-mediċina biex b’ hekk niżguraw li nkunu ħadnieha.”7

Immaġni
Żgħażagħ jaqraw il-Ktieb ta’ Mormon
Immaġni
Tfal jaqraw il-Ktieb ta’ Mormon

Intom it-tfal li għadkom iżgħar, tafu tridu tagħmlu dan flimkien mal-ġenituri, man-nanniet jew ma’ xi maħbubin tagħkom. Jekk xi kapitlu, vers jew parti minnu tkun tidher diffiċli tant li tiskuraġġikom milli tkomplu taqraw, għaddu għall-kapitlu jew vers li jmiss. Nimmaġinakom timxu wara l-eżempju ta’ Mary. Nimmaġinakom b’ entużjażmu kbir fuqkom tfittxu biex issibu l-ħin u post kwiet fejn tistgħu taqraw il-Ktieb ta’ Mormon. Nimmaġinakom tiskopru ċerti tweġibiet, tħossukom gwidati u tiksbu t-testimonjanza tagħkom tal-Ktieb ta’ Mormon u testimonjanza ta’ Ġesù Kristu. Hekk kif intom tħarsu lejn il-ktieb, intom tħarsu lejn il-Mulej.

Immaġni
Inħarsu lejn il-ktieb

Hekk kif taqraw mill-passaġġi ta’ dan il-ktieb prezzjuż intom għandkom issibu lis-Salvatur għażiż tagħkom, il-Mulej Ġesù Kristu, kważi f’ kull paġna tiegħu. Huwa stmat li xi forma jew oħra ta’ ismu hi wżata fuq medja ta’ darba kull 1.7 versi.8 Anke Kristu nnifsu ta x-xhieda Tiegħu dwar il-verità tal-ktieb f’ dawn l-aħħar jiem, meta ddikjara, “Daqs kemm il-Mulej tagħkom u Alla tagħkom jgħix, daqstant huwa veru.”9

Jiena grat għall-istedina u l-wegħda li l-Mulej għamel lil kull wieħed u waħda minnkom permezz tal-profeta Moroni—u lil kull min jaqra l-Ktieb ta’ Mormon. Jien se nagħlaq billi naqra din l-istedina u l-wegħda kif ukoll inżid it-testimonjanza tiegħi: “U meta tirċievu dawn il-ħwejjeġ, nitlobkom sabiex titolbu lil Alla, il-Missier Etern, f’ isem Ġesù Kristu, jekk dawn il-ħwejjeġ humiex vera; u jekk titolbuh b’ qalb sinċiera, b’ intenzjoni vera, b’ fidi fi Kristu, huwa jurikom il-verità kollha, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.”10

Jien naqsam it-testimonjanza tiegħi tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju f’ dawn l-aħħar jiem u tal-Ktieb ta’ Mormon bħala evidenza tanġibbli ta’ dik ir-Restawrazzjoni. Bl-istess mod li madwar mitejn sena ilu l-kliem ta’ dan il-ktieb kien ta’ ispirazzjoni biex tifla ta’ 12-il sena tħaddan il-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu, il-veritajiet li intom issibu fih jispiċċaw jedifikawkom kif ukoll jispirawkom. Huma jsaħħu l-fidi tagħkom, jimlew ruħkom bid-dawl u jħejjukom għal futur li bħalissa diffiċli timmaġinawh.

Qalb il-paġni tiegħu, intom tiskopru l-imħabba infinita u l-grazzja inkomprensibbli ta’ Alla. Hekk kif intom tagħmlu l-almu tagħkom biex timxu wara t-tagħlim li ssibu fih, il-ferħ tagħkom u l-għarfien tagħkom jikber u t-tweġibiet li intom tfittxu rigward il-bosta sfidi li tiffaċċjaw fil-ħajja mortali tagħkom jiġu mweġbin. Hekk kif intom tħarsu lejn il-ktieb, intom tħarsu lejn il-Mulej. Il-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma żvelata ta’ Alla. Dwar dan jiena nixhed, b’ qalbi kollha u b’ ruħi kollha, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara “Mary Elizabeth Rollins Lightner,” Utah Genealogical and Historical Magazine, Lulju 1926, 193–95.

  2. Introduzzjoni għall-Ktieb ta’ Mormon.

  3. Ezra Taft Benson, “The Book of Mormon—Keystone of Our Religion,” Ensign, Nov. 1986, 5, 7.

  4. Doctrine and covenants 9:8.

  5. Mormon 8:34–35.

  6. Ara American Academy of Pediatrics, “Media and Children,” aap.org.

  7. Russell M. Nelson, “Strengthen the Shepherds” (indirizz mogħti fil-laqgħat tat-tmexxija waqt il-konferenza ġenerali, 28 ta’ Sett, 2016).

  8. Ara Susan Easton Black, Finding Christ through the Book of Mormon (1987), 16–18.

  9. Doctrine and covenants 17:6.

  10. Moroni 10:4; ara wkoll versi 3, 5.

Ipprintja