Il-Mulej Ġesù Kristu Jgħallimna biex Nitolbu
Meta titolbu, intom verament tkunu qed titolbu jew tkunu sempliċiment qed tlissnu l-kliem?
Fl-1977, jiena kont qed inservi bħala missjunarju full-time ġewwa Cusco, il-Peru. Sieħbi u jien konna ngħatajna l-permess biex nieħdu lill-missjunarji kollha fiz-zona ta’ Cusco sal-fdalijiet meraviljużi ta’ Machu Picchu.
Lejn tmiem iż-żjara tagħna qalb dawn il-fdalijiet, xi wħud mill-missjunarji riedu jmorru sal-Pont ta’ Inca, li jifforma parti mit-trejqa fuq il-muntanja. Immedjatament, jien ħassejt ġewwa qalbi l-Ispirtu jwiddibni biex ma mmorrux hemm. It-trejqa kienet tinsab fuq in-naħa ta’ muntanja f’tarf ta’ rdum 2,000 pied fond. F’ ħafna partijiet minnha t-trejqa kienet wiesgħa biss b’ kemm tgħaddi persuna waħda. Jiena u sieħbi għidnielhom li aħjar ma mmorrux fuq il-Pont ta’ Inca.
Madankollu, il-missjunarji nsistew li mmorru xorta waħda. Huma komplew jinsistu b’ qawwa biex immorru, u minkejja dak li kien qed jindikali l-Ispirtu, jiena ċedejt għall-pressjoni ta’ sħabi u għidtilhom li konna se mmorru nżuru l-pont bil-kundizzjoni li kollha kemm aħna noqogħdu verament attenti.
Aħna bdejna mexjin fit-trejqa li twassal sal-Pont ta’ Inca fejn jiena kont ninsab miexi wara kulħadd, u għall-ewwel kulħadd beda jimxi bil-mod, kif konna ftehemna qabel. Imbagħad il-missjunarji bdew jgħaġġlu u saħansitra spiċċaw jiġru. Huma injoraw l-istruzzjoni tiegħi biex jimxu aktar bil-mod. Jiena ħassejtni obbligat biex immur inlaħħaq magħhom, biex ngħidilhom li kien meħtieġ li nduru lura. Jiena kont inqtajt warajhom waħda sew, u kelli nitlaq b’ ġirja biex wasalt fejn kienu huma.
Hekk kif wasalt f’ kisra, f’ passaġġ li kien dejjaq wisq biex jgħaddu tnejn maġenb xulxin, quddiemi rajt missjunarju wieqaf ċass b’ dahru mal-blat. Jiena staqsejtu għalfejn kien jinsab wieqaf hemm. Huwa qalli li kien ħass ġewwa fih li kellu jibqa’ fejn kien għal ftit ħin u li jien stajt nibqa’ sejjer.
Jiena ħassejt il-bżonn urġenti li mmur inlaħħaq ma’ dawk li kienu jinsabu qabilna, għalhekk huwa għeni biex ngħaddi minn ħdejh u jien irnexxieli nimxi daqsxejn aktar lil hemm fit-trejqa. Innutajt li l-art kienet mimlija ħaxix. Hekk kif għamilt pass ‘il quddiem b’ sieqi l-leminija, sieqi niżlet f’ daqqa ‘l isfel u fil-pront intbaħt li taħt il-ħaxix ma kienx hemm art. B’ disperazzjoni żammejt ma’ xi fergħat li kien hemm taħt it-trejqa. Għal mument stajt nara taħti, xi 2, 000 pied ‘l isfel, ix-Xmara Urubamba, li taqsam il-Wied Sagru tal-Incas. Ħassejtni bla saħħa, u ma kontx nafx kemm stajt indum imdendel aktar kif kont. Dak il-ħin, jiena bdejt nitlob b’ intensità kbira. Kienet talba qasira. Jiena ftaħt fommi u għidt, “Missier, għini!”
Il-fergħat ma kinux b’ saħħithom biżżejjed biex jissapportjaw il-piż tiegħi. Kont naf li kont ninsab viċin il-mewt. Propju f’ dak il-mument meta kont wasalt biex naqa’ għal isfel, ħassejt id soda taħtafni minn driegħi u tiġbidni ‘l fuq. Permezz ta’ din l-għajnuna jiena stajt inkompli nissielet u nerġa’ lura fit-trejqa. Il-missjunarju li kien baqa’ warajja kien dak li salvani.
Iżda fil-verità kien Missierna tas-Smewwiet li salvani. Huwa kien sema’ leħni. Jiena leħen l-Ispirtu tliet darbiet kont smajtu jgħidli biex ma mmurx fuq il-Pont ta’ Inca, iżda lil dak il-leħen jien ma kontx obdejtu. Kelli xokk kbir fuqi, kont abjad karti u ma kontx naf x’ se naqbad ngħid. Imbagħad ftakart li l-missjunarji l-oħra kien jinsabu ‘l quddiem waħda sew minna, u għalhekk morna nfittxuhom sakemm sibniehom u għidnielhom x’ kien ġrali.
Aħna morna lura Machu Picchu b’ għajnejna miftuħin beraħ u mingħajr ma lissinna kelma. Meta konna sejrin lura jiena bqajt sieket, u ġie ħsieb f’ moħħi li Huwa kien verament kien ta kas ta’ leħni iżda jiena ma kontx tajt kas ta’ leħnu. Ħassejt għafsa kbira ġewwa qalbi għaliex ma kontx obdejt il-leħen Tiegħu u fl-istess ħin ħassejt fija sens kbir ta’ gratitudni għall-ħniena Tiegħu. Huwa ma kienx eżerċita miegħi l-ġustizzja Tiegħu, iżda fil-ħniena kbira Tiegħu, Huwa salvali ħajti (ara Alma 26:20).
Fi tmiem il-jum, meta kien ħin it-talb personali tiegħi, jiena tlabt minn qalbi lil “Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ” (2 Korintin 1:3). Jiena tlabt “b’ qalb sinċiera u b’ intenzjoni ġenwina, b’ fidi fi Kristu” (Moroni 10:4).
Dakinhar kmieni filgħodu, jiena talbtu permezz ta’ fommi u meta kont f’ tarf il-mewt jiena tlabtu minn qalbi. Bdejt nixtarr dwar il-ħajja tiegħi sa dak inhar. Sibt li ħafna drabi, Missierna tas-Smewwiet kien verament ħanin miegħi. Dak inhar ġewwa Machu Picchu u ġo Cusco, il-Peru, Huwa għallimni bosta lezzjonijiet. Waħda mill-akbar lezzjonijiet kienet li jien dejjem, dejjem għandi nitlob “b’ qalb sinċiera, b’ intenzjoni vera, neżerċita l-fidi fi Kristu.”
Darba waħda l-Mulej Ġesù Kristu “kien qiegħed xi mkien jitlob,” u “kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu, Mulej, għallimna nitolbu” (Luqa 11:1). Imbagħad Huwa għallem lid-dixxipli Tiegħu jitolbu. U llum Huwa jgħallem lilkom u lili biex nitolbu bl-istess mod kif aħna nimmaġinaw lilu jitlob fil-Ġetsemani u jgħid, “Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi” (Luqa 22:42). Meta titolbu, intom verament tkunu tridu li tkun “ir-rieda tiegħek, u mhux tiegħi”?
Pawlu jiddeskrivi kif Ġesù kien jitlob “meta kien jgħix fuq din l-art,” speċjalment fil-Ġetsemani: “Meta Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt, u kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla.” (Lhud 5:7). Meta intom titolbu, verament tkunu qed titolbu jew inkella sempliċiment tkunu qed tlissnu l-kliem? Intom tkunu superfiċjali fit-talb tagħkom?
Ġesù talab b’ qawwa u tkellem ma’ Missieru. “Ġara li Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu” (Luqa 3:21). Meta intom titolbu, tħossuhom is-smewwiet jinfetħu? Meta kienet l-aħħar darba li intom ħassejtukom li tinsabu f’ kuntatt mas-smewwiet?
Ġesù ħejja lilu nnifsu biex jieħu ċerti deċiżjonijiet importanti billi talab lil Missieru.
“Huwa ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob, u għadda l-lejl fit-talb lil Alla.
“Meta sebaħ, sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli” (Luqa 6:12–13).
Intom tħejju lilkom infuskom meta tiġu biex tieħdu xi deċiżjonijiet importanti billi titolbu lil Missierkom tas-Smewwiet? Tħejju lilkom infuskom għall-mument li fih titolbu?
Meta Ġesù mar iżur il-kontinent Amerikan, Huwa għallem in-nies kif jitolbu. “U Ġesù qalilhom: Ibqgħu itolbu; b’ hekk huma ma waqfux jitolbu” (3 Nephi 19:26).
Ġesù jistedinna biex “nitolbu dejjem” (D&C 10:5). Ġesù jaf li Missierna tas-Smewwiet jisma’ talbna u jagħtina dak li hu l-aħjar għalina. Għalfejn xi kultant ma nkunux irridu nirċievu dak li jrid jagħtina? Għalfejn?
Fil-mument propju kif aħna nlissnu, “Missierna tas-Smewwiet,” Huwa jisma’ talbna u jkun sensittiv għal dak li ngħidu u għall-bżonnijiet tagħna. Bl-istess mod għajnejh u widnejh ikunu f’ kuntatt dirett magħkom. Huwa jaqra moħħna u Huwa jħoss qalbna. Intom ma tistgħu taħbu xejn minnu. Issa, il-ħaġa verament meraviljuża hi li Huwa jħares lejkom b’ għajnejn il-ħniena u l-imħabba—ħniena u mħabba li aħna diffiċli nifhmuhom għal kollox. Iżda l-ħniena u l-imħabba huwa jurihom fil-mument propju li intom tgħidu, “Missierna tas-Smewwiet.”
Għalhekk il-mument tat-talb huwa mument mill-aktar sagru. Huwa mhux xi ħadd li se jgħid, “Le, jien mhux se nisimgħek għaliex inti tiġi għandi biss meta tkun fl-inkwiet.” Huma biss in-nies tad-dinja li jagħmlu dan. Huwa mhux wieħed li se jgħid, “Għadek ma tafx kemm għandi x’ nagħmel!” Huma biss in-nies tad-dinja li jgħidu dan.
Li aħna lkoll nitolbu kif għallimna nitolbu Ġesù hija t-tama tiegħi u t-talba tiegħi f’ isem il-Mulej Ġesù Kristu, amen.