Kapitlu 10
Sultan jieħu post sultan ieħor—Uħud mis‑slaten huma nies ġusti; oħrajn huma nies ħżiena—Meta tiddomina s‑sewwa, il‑Mulej isawwab barkietu u jkattar il‑ġid fuq il‑poplu.
1 U ġara li Seż, li kien ġej min‑nisel ta’ Ħet—għax Ħet kien miet bil‑ġuħ flimkien man‑nies kollha ta’ daru minbarra Seż—għalhekk, Seż beda jibni mill‑ġdid poplu mġarraf.
2 U ġara li Seż ftakar fil‑qerda ta’ missirijietu, u huwa bena saltna ġusta; għax huwa ftakar x’kien għamel il‑Mulej meta ġab lil Ġared u ’l ħuh minn n‑naħa l‑oħra tal‑baħar fond; u hu mexa fit‑triqat tal‑Mulej; u huwa wiled subien u bniet.
3 U ibnu l‑kbir, li kien jismu Seż, ħadha kontrih; madankollu, Seż safa maqtul minn wieħed brigant, minħabba l‑ġid kbir li huwa kellu, u dan wassal sabiex missieru jerġa’ jibda jgħix fis‑sliem għal darb’oħra.
4 U ġara li missieru bena bosta bliet fuq wiċċ l‑art, u l‑poplu reġa’ beda jinfirex ma’ wiċċ l‑art kollha. U Seż għex ħajja twila ħafna; u huwa wiled lil Riplakis. U huwa miet, u Riplakis beda jsaltan minfloku.
5 U ġara li Riplakis m’għamilx dak li kien xieraq f’għajnejn il‑Mulej, għax huwa kellu bosta nisa u konkubini, u għabba lin‑nies b’tagħbija mill‑aktar tqila; iva, huwa ntaxxahom b’taxxi ibsin ħafna; u bit‑taxxi tagħhom bena bosta bini spazjuż.
6 U bena għalih tron mill‑isbaħ; u bena ħafna ħabsijiet, u hu xeħet fil‑ħabs lil dawk kollha li ma kinux lesti jħallsu t‑taxxi; u xeħet fil‑ħabs lil dawk kollha li ma kinux jistgħu jħallsu t‑taxxi; u huwa ġiegħelhom jaħdmu bla waqfien biex isostnu lilhom infushom; u lil dawk kollha li ma ridux jaħdmu qatagħhielhom għall‑mewt.
7 Għalhekk huwa ordna biex l‑opri fini kollha li huwa akkwista, iva, kif ukoll id‑deheb fin li kellu, jiġu rraffinati ġewwa l‑ħabs; u ordna wkoll biex fil‑ħabs jinħadem kull xorta ta’ xogħol tas‑sengħa. U ġara li huwa għabba lill‑poplu b’daqstant tbatija minħabba ż‑żína u l‑abominazzjonijiet tiegħu.
8 U wara li huwa kien ilu jsaltan għal tnejn u erbgħin sena l‑poplu qam kontrih; u reġgħet qamet gwerra fil‑pajjiż, li fiha Riplakis safa maqtul, u dawk li kienu ġejjin min‑nisel tiegħu ġew imkeċċijin ’il barra mill‑pajjiż.
9 U ġara li wara bosta snin, Morjanton, (li kien ġej min‑nisel ta’ Riplakis) ġabar flimkien armata ta’ nies maħruba, u mar jiġġieled kontra l‑poplu; u huwa ħa f’idejh bosta bliet; u l‑gwerra qlielet bil‑kbir, u damet sejra għal bosta snin; u huwa kiseb f’idejh il‑poter fuq il‑pajjiż kollu, u għamel lilu nnifsu sultan fuq il‑pajjiż kollu.
10 U wara li għamel lilu nnifsu sultan huwa taffa t‑tagħbija tal‑poplu, u bis‑saħħa t’hekk huwa kiseb il‑fiduċja tal‑poplu, u huma dilkuh biex ikun is‑sultan tagħhom.
11 U huwa mexa mal‑poplu b’ġustizzja, iżda mhux miegħu nnifsu minħabba l‑ħafna atti żienja tiegħu; għalhekk huwa spiċċa nqata’ mill‑preżenza tal‑Mulej.
12 U ġara li Morjanton bena bosta bliet, u taħt saltnatu n‑nies saru mill‑aktar għonja, sew f’dak li hu bini, u sew fid‑deheb u l‑fidda, u fit‑tkabbir tal‑qamħ, u fil‑merħliet u l‑baqar tagħhom, u f’dak kollu li ġie mogħti lura lilhom.
13 U Morjanton għex ħajja mill‑aktar twila, u mbagħad wiled lil Kim; u Kim beda jsaltan minflok missieru; u wara li kien ilu jsaltan tmien snin missieru miet. U ġara li Kim ma bediex isaltan b’mod ġust, għalhekk huwa ma kienx imbierek mill‑Mulej.
14 U ħuh qajjem rewwixta kontrih, u dan wassal biex huwa ħadu fl‑eżilju; u hu dam fl‑eżilju ħajtu kollha; u huwa wiled subien u bniet waqt li kien fl‑eżilju, u fi xjuħitu wiled lil Levi; u mbagħad miet.
15 U ġara li wara l‑mewt ta’ missieru, Levi serva għal tnejn u erbgħin sena fl‑eżilju. U huwa beda gwerra kontra s‑sultan tal‑pajjiż, u permezz t’hekk huwa kiseb f’idejh is‑saltna.
16 U wara li kiseb f’idejh is‑saltna huwa għamel dak li kien xieraq f’għajnejn il‑Mulej; u l‑poplu beda jikber fil‑ġid ġol‑pajjiż; u huwa għex ħajja twila mhux ħażin, u wiled subien u bniet; u wiled ukoll lil Korom, u huwa dilku biex isaltan minfloku.
17 U ġara li tul ħajtu kollha Korom għamel dak li kien xieraq f’għajnejn il‑Mulej; u huwa wiled bosta subien u bniet; u wara li għex ħajja twila huwa għadda għal ħajja oħra, l‑istess bħall‑bqija tad‑dinja; u Kis beda jsaltan minfloku.
18 U ġara li Kis għadda wkoll għal ħajja oħra, u Lib beda jsaltan minfloku.
19 U ġara li anke Lib għamel dak li kien xieraq f’għajnejn il‑Mulej. U fi żmien Lib is‑sriep velenużi spiċċaw inqerdu. Għalhekk huma rħewlha lejn l‑art tan‑nofsinhar biex jikkaċċjaw għall‑ikel għan‑nies tal‑pajjiż, peress li dik l‑art kienet miżgħuda bl‑annimali tal‑foresta. U Lib innifsu sar ukoll kaċċatur mill‑aqwa.
20 U huma bnew belt kbira ħdejn l‑istmu dejjaq li kien hemm f’dik l‑art, qrib il‑post fejn il‑baħar kien jifred l‑art.
21 U l‑art tan‑nofsinhar żammewha bħala xagħri, biex fiha jkunu jistgħu jaqbdu l‑priża. U l‑wiċċ kollu tal‑art tat‑tramuntana kien mimli nies.
22 U huma kienu nies mill‑aktar ħabrieka, u kienu jixtru u jbigħu u jpartu bejniethom, biex ikunu jistgħu jikbru aktar fil‑ġid.
23 U huma kienu jaħdmu f’kull tip ta’ minerali, u minnhom kienu jagħmlu d‑deheb, u l‑fidda, u l‑ħadid, u r‑ram isfar, u kull tip ieħor ta’ metall; u huma kienu jħaffru għalihom fl‑art; għalhekk, huma tellgħu munzelli kbar ta’ ramel biex jieħdu l‑minerali, għad‑deheb u l‑fidda, u l‑ħadid, u r‑ram. U huma kienu jaħdmu kull xorta ta’ opri fini.
24 U huma kellhom il‑ħarir, u għażel mill‑aktar fin; u kienu jaħdmu kull xorta ta’ tessuti, ħalli jkunu jistgħu jilbsuhom biex jaħbu l‑għera tagħhom.
25 U huma għamlu kull tip ta’ għodda biex jaħdmu l‑art, sew biex jaħartu u sew biex jiżirgħu, sew biex jaħsdu u sew biex jagħżqu, kif ukoll biex jidirsu.
26 U huma għamlu kull tip ta’ għodda li permezz tagħha setgħu jaħdmu bil‑bhejjem tagħhom.
27 U huma għamlu kull tip ta’ armi tal‑gwerra. U huma ħadmu kull tip ta’ xogħol b’sengħa liema bħalha.
28 U fuq l‑ebda poplu ieħor il‑Mulej ma sawwab daqstant barkiet u ma kattar daqstant ġid. U huma kienu f’art li kienet aqwa minn kull art oħra, għax kien il‑Mulej li qal dan.
29 U ġara li Lib għex għal bosta snin, u huwa wiled subien u bniet; u wiled ukoll lil Ħartom.
30 U ġara li Ħartom beda jsaltan minflok missieru. U meta Ħartom kien ilu jsaltan erbgħa u għoxrin sena, araw, is‑saltna ttieħdet minn idejh. U huwa serva għal bosta snin fl‑eżilju, iva, sewwasew għall‑bqija ta’ ħajtu.
31 U huwa wiled lil Ħet, u Ħet għex fl‑eżilju ħajtu kollha. U Ħet wiled lil Aron, u Aron għaddha ħajtu kollha fl‑eżilju; u huwa wiled lil Amnigadda, u Amnigadda għadda wkoll ħajtu kollha fl‑eżilju; u huwa wiled lil Kurjantu, u Kurjantu għadda ħajtu kollha fl‑eżilju; u huwa wiled lil Kom.
32 U ġara li Kom ġibed warajh nofs is‑saltna. U huwa saltan fuq nofs is‑saltna għal tnejn u erbgħin sena; u huwa mar għal battalja kontra s‑sultan Amgid, u huma damu jiġġieldu għal bosta snin, li tulhom Kom kiseb is‑setgħa fuq Amgid, u huwa ħa f’idejh il‑bqija tas‑saltna.
33 U fi żmien Kom bdew jitfaċċaw il‑briganti fil‑pajjiż; u huma adottaw il‑pjanijiet ta’ żmien il‑qedem, u bdew imexxu t‑teħid tal‑ġuramenti kif kien isir min‑nies ta’ żmien il‑qedem, u għal darb’oħra huma ppruvaw jeqirdu s‑saltna.
34 Issa Kom dam ħafna jiġġieled kontrihom; madankollu, huwa ma rnexxilux jegħlibhom.