Skrittura
Għeter 1


Il‑Ktieb ta’ Għeter

L‑istorja tal‑Ġarediti, meħuda mill‑erbgħa u għoxrin pjanċa li nstabu min‑nies ta’ Limħi fi żmien is‑sultan Mosija.

Kapitlu 1

Moroni jiġbor fil‑qosor il‑kitbiet ta’ Għeter—Ippreżentat l‑arblu tar‑razza ta’ Għeter—Fit‑Torri ta’ Babel ilsien il‑Ġarediti baqa’ ma tħawwadx—Il‑Mulej iwiegħedhom li hu se jmexxihom lejn art aqwa minn kull art oħra u li se jagħmel minnhom ġens kbir.

1 U issa jiena, Moroni, se nkompli billi nikteb rakkont ta’ dawk l‑abitanti tal‑qedem li kienu jgħammru f’din l‑art tat‑tramuntana li ġiet meqruda permezz ta’ id il‑Mulej.

2 U r‑rakkont tiegħi se nieħdu mill‑erbgħa u għoxrin pjanċa li kienu nstabu min‑nies ta’ Limħi, liema rakkont jissejjaħ il‑Ktieb ta’ Għeter.

3 U għax nassumi li l‑ewwel parti ta’ din l‑istorja tinsab f’idejn il‑Lhud, liema storja titkellem dwar il‑ħolqien tad‑dinja, kif ukoll dwar Adam, u li hi rakkont minn dak iż‑żmien sewwasew sa żmien it‑torri l‑kbir, u dwar dak kollu li seħħ fost ulied il‑bnedmin sa dak inhar—

4 Għalhekk jien m’iniex se nikteb dwar il‑ħwejjeġ li seħħew minn żmien Adam sa dak iż‑żmien; iżda huma ġew miktubin fuq il‑pjanċi; u min isibhom, ikun jista’ jkollu r‑rakkont sħiħ.

5 Iżda araw, jiena m’iniex se nikteb ir‑rakkont sħiħ, iżda se nikteb biss parti mir‑rakkont, minn żmien it‑torri sa żmien il‑qerda tagħhom.

6 U hu sewwasew dwar dan ir‑rakkont li jiena se nikteb. Dak li kiteb din l‑istorja kien Għeter, u hu kien ġej min‑nisel ta’ Kurjantor.

7 Kurjantor kien bin Moron.

8 U Moron kien bin Għetem.

9 U Għetem kien bin Aħa.

10 U Aħa kien bin Set.

11 U Set kien bin Siblon.

12 U Siblon kien bin Kom.

13 U Kom kien bin Kurjantu.

14 U Kurjantu kien bin Amnigadda.

15 U Amnigadda kien bin Aron.

16 U Aron kien ġej min‑nisel ta’ Ħet, li kien bin Ħartom.

17 U Ħartom kien bin Lib.

18 U Lib kien bin Kis.

19 U Kis kien bin Korom.

20 U Korom kien bin Levi.

21 U Levi kien bin Kim.

22 U Kim kien bin Morjanton.

23 U Morjanton kien ġej min‑nisel ta’ Riplakis.

24 U Riplakis kien bin Seż.

25 U Seż kien bin Ħet.

26 U Ħet kien bin Kom.

27 U Kom kien bin Kurjantu.

28 U Kurjantu kien bin Għemer.

29 U Għemer kien bin Omer.

30 U Omer kien bin Sule.

31 U Sule kien bin Kib.

32 U Kib kien bin Oriħa, li kien bin Ġared;

33 Liema Ġared kien ħareġ mit‑torri l‑kbir, flimkien ma’ ħuh u l‑familji tagħhom, u ma’ xi oħrajn u l‑familji tagħhom, fiż‑żmien li fih il‑Mulej kien ħawwad ilsien in‑nies u fil‑qilla tiegħu ħalef li huma kellhom jinxterdu ma’ wiċċ l‑art kollha; u skont il‑kelma tal‑Mulej in‑nies spiċċaw imxerrdin.

34 U Ġared qal lil ħuh, li kien raġel ta’ statura kbira u b’saħħtu, u li kien ukoll bniedem imbierek bil‑kbir mill‑Mulej: Għajjat lill‑Mulej, biex lilna ma jħawwadniex ma mmorrux nispiċċaw lanqas biss kapaċi nifhmu kliemna.

35 U ġara li ħu Ġared għajjat lill‑Mulej, u l‑Mulej kellu ħniena minn Ġared; għalhekk huwa ma ħawwadx ilsien Ġared; u Ġared u ħuh baqgħu ma tħawdux.

36 Imbagħad Ġared qal lil ħuh: Erġa’ għajjat lill‑Mulej, forsi jerġa’ jraġġa’ lura l‑għadab tiegħu minn dawk li huma sħabna, biex huwa ma jħawwadx ilsienhom.

37 U ġara li ħu Ġared għajjat lill‑Mulej, u l‑Mulej kellu ħniena minn sħabhom u l‑familji tagħhom, u huma baqgħu ma tħawdux.

38 U ġara li Ġared reġa’ kellem lil ħuh u qallu: Mur u staqsi lill‑Mulej jekk huwiex se jkeċċina mill‑pajjiż, u jekk hu sejjer ikeċċina ’l barra mill‑pajjiż, staqsieh ’il fejn għandna mmorru. U min jaf jekk il‑Mulej huwiex se jmexxina lejn xi art aqwa minn kull art oħra fid‑dinja? U jekk huwa jagħmel dan, ejjew inkunu fidili lejn il‑Mulej, ħalli nkunu nistgħu nirċievu dik l‑art bħala wirtna.

39 U ġara li ħu Ġared għajjat lill‑Mulej skont il‑kliem li kien ġie mlissen minn fomm Ġared.

40 U ġara li l‑Mulej sema’ lil ħu Ġared, u tħassru, u qallu:

41 Mur u iġbor flimkien merħlietek, ta’ kull għamla, sew irġiel u sew nisa; u iġbor ukoll kull għamla ta’ żerriegħa tal‑art; u iġbor flimkien anke l‑familji tiegħek; kif ukoll lil ħuk Ġared u l‑familja tiegħu; u anke lil sħabek u l‑familji tagħhom, u ’l sħab Ġared u l‑familji tagħhom.

42 U meta tagħmel dan għandek tmur quddiemhom biex lilhom inti tmexxi lejn il‑wied li hemm fin‑naħa tat‑tramuntana. U jien niġi niltaqa’ miegħek hemm, u lilek immexxi lejn art li hija aqwa minn kull art oħra fid‑dinja.

43 U hemmhekk lilek jiena mbierek flimkien ma’ nislek, u jiena nqajjem għalija ġens kbir minn fost nislek u minn fost nisel ħuk, u minn fost dawk li se jmorru miegħek. U l‑ebda ġens fuq wiċċ l‑art kollha mhu se jkun akbar mill‑ġens li jiena se nqajjem minn fost nislek. U jien se nagħmel miegħek dan għax int ilek daż‑żmien kollu ssejjaħli.