Kapitlu 9
Is‑saltna tgħaddi minn persuna għall‑oħra permezz tal‑wirt, l‑intriċċi, u l‑qtil—Għemer ra lil Bin is‑Sewwa—Bosta profeti jxandru l‑indiema—Il‑poplu jiġi tturmentat permezz tal‑ġuħ u s‑sriep velenużi.
1 U issa jiena, Moroni, se nkompli bir‑rakkont tiegħi. Għalhekk, araw, ġara li minħabba l‑alleanzi sigrieti ta’ Akis u sħabu, araw, huma spiċċaw biex waqqgħu s‑saltna ta’ Omer.
2 Madankollu, il‑Mulej wera ħniena ma’ Omer, kif ukoll ma’ wliedu, s‑subien u l‑bniet, li ma ppruvawx jeqirduh.
3 U l‑Mulej wissa lil Omer f’ħolma u qallu biex jitlaq ’il barra mill‑pajjiż; għalhekk Omer telaq ’il barra mill‑pajjiż flimkien ma’ familtu, u għadda bosta jiem jivvjaġġa sakemm wasal u għadda qrib l‑għolja ta’ Sim, u wasal ħdejn il‑post fejn kienu sfaw meqruda n‑Nefiti, u minn hemm ġibed lejn il‑lvant, u wasal f’post ħdejn xatt il‑baħar li kien jismu Ablom, u hemmhekk waqqaf it‑tinda tiegħu, u l‑istess għamlu wliedu, u n‑nies kollha ta’ daru, minbarra Ġared u familtu.
4 U ġara li Ġared kien midluk biex ikun sultan fuq il‑poplu, permezz ta’ id il‑ħażen; u huwa ta ’l bintu lil Akis b’martu.
5 U ġara li Akis ra kif jagħmel biex jinqatel il‑kunjatu tiegħu; u huwa nqeda b’dawk li kien ġegħelhom jaħilfu permezz tal‑ġurament tan‑nies tal‑qedem, u huma marru u qatgħu ras il‑kunjatu tiegħu, hekk kif huwa kien bilqiegħda fuq it‑tron tiegħu, waqt li kien qed jilqa’ għandu lin‑nies tiegħu.
6 Għax din is‑soċjetà sigrieta u kollha ħażen tant bdiet tinfirex bil‑kbir li spiċċat ikkorrompiet il‑qalb ta’ kull bniedem; għalhekk Ġared safa maqtul fuq it‑tron tiegħu, u Akis beda jsaltan minfloku.
7 U ġara li Akis beda jgħir għal ibnu, għalhekk huwa xeħtu f’ħabs, u ħallih hemm bi ftit li xejn ikel, sakemm miet.
8 U issa ħu dak li miet, (u dan kien jismu Nimra) inkorla għal missieru minħabba dak li missieru kien għamel lil ħuh.
9 U ġara li Nimra ġabar flimkien numru żgħir ta’ rġiel, u ħarab ’il barra mill‑pajjiż, u ġie jgħammar flimkien ma’ Omer.
10 U ġara li Akis wiled aktar subien, u huma kisbu l‑fiduċja tan‑nies, minkejja li kienu ħalfu miegħu li huma kienu lesti jwettqu kull xorta ta’ ħażen skont ix‑xewqa tiegħu.
11 Issa n‑nies ta’ Akis kellhom ix‑xewqa li jakkwistaw daqs kemm Akis kellu x‑xewqa għall‑poter; għalhekk, ulied Akis offrewlhom il‑flus, u b’hekk ikkonvinċew lill‑maġġorparti tan‑nies biex jimxu warajhom.
12 U ngħata bidu għal gwerra bejn ulied Akis u Akis, liema gwerra damet sejra għal bosta snin, iva, u kważi wasslet għall‑qerda tan‑nies kollha li kien hemm fis‑saltna, iva, sewwasew għall‑qerda tagħhom kollha, ħlief għal tletin ruħ, u għal dawk li ħarbu flimkien man‑nies ta’ dar Omer.
13 Għalhekk, Omer reġa’ lura għal darb’oħra fl‑art ta’ wirtu.
14 U ġara li Omer beda jixjieħ; madankollu, fi xjuħitu huwa wiled lil Għemer; u huwa dilek lil Għemer biex ikun sultan ħalli jsaltan minfloku.
15 U wara li huwa dilek lil Għemer biex ikun sultan huwa esperjenza sentejn ta’ paċi fil‑pajjiż, imbagħad miet, wara li hu għex ħajja mill‑aktar twila, mimlija niket. U ġara li Għemer beda jsaltan minfloku, u huwa mexa fuq il‑passi ta’ missieru.
16 U l‑Mulej beda biex għal darb’oħra jeħles l‑art mis‑saħta, u d‑dar ta’ Għemer bdiet tistagħna bil‑kbir taħt is‑saltna ta’ Għemer; u fi spazju ta’ tnejn u sittin sena huma saru nies mill‑aktar setgħana, hekk li saru nies mill‑aktar għonja—
17 U huma kellhom kull xorta ta’ frott, u qamħ, u ħarir, u għażel fin, u deheb, u fidda, u ħwejjeġ prezzjużi;
18 U kellhom ukoll kull xorta ta’ bhejjem, u gniedes, u baqar, u nagħaġ, u ħnieżer, u mogħoż, kif ukoll bosta tipi oħra ta’ annimali li kienu essenzjali għall‑ikel tal‑bniedem.
19 U kellhom ukoll żwiemel, u ħmir, kif ukoll iljunfanti u kurelomi u kumomi; u lkoll kemm huma kien essenzjali għall‑bniedem, b’mod speċjali l‑iljunfanti, il‑kurelomi u l‑kumomi.
20 U b’hekk il‑Mulej sawwab barkietu fuq din l‑art, liema art kienet aqwa minn kull art oħra; u hu ordna li dawk kollha li jirtu l‑art kellhom jirtuha għall‑Mulej, għax jekk ma jagħmlux dan jispiċċaw jinqerdu meta huma jkunu misjurin waħda sew fi ħżunithom; għax il‑Mulej jgħid, jiena nsawwab fuqhom il‑milja tal‑qilla tiegħi.
21 U Għemer għadda ħajtu kollha jagħmel ħaqq b’mod ġust, u huwa wiled bosta subien u bniet; u hu wiled lil Kurjantu, u huwa dilek lil Kurjantu biex isaltan minfloku.
22 U huwa għex għal erba’ snin minn meta dilek lil Kurjantu biex isaltan minfloku, u huwa esperjenza l‑paċi fil‑pajjiż; iva, u huwa ra wkoll lil Bin is‑Sewwa, u f’ħajtu huwa thenna u feraħ bil‑kbir; u huwa miet fil‑paċi.
23 U ġara li Kurjantu mexa fuq il‑passi ta’ missieru, u bena bosta bliet setgħana, u hu għadda ħajtu kollha jipprovdi dak kollu li kien tajjeb għall‑poplu tiegħu. U ġara li huwa, sa ma daħal sew fiż‑żmien, ma kellux tfal.
24 U ġara li martu mietet fl‑età ta’ mija u sentejn. U ġara li fi xjuħitu Kurjantu ħa b’martu waħda xebba żagħżugħa, u hu wiled subien u bniet; għalhekk huwa għex sakemm kellu mija u tnejn u erbgħin sena.
25 U ġara li huwa wiled lil Kom, u Kom saltan minfloku; u huwa saltan għal disgħa u erbgħin sena, u huwa wiled lil Ħet; u huwa wiled ukoll subien u bniet oħra.
26 U l‑poplu reġa’ nfirex ma’ wiċċ l‑art kollha, u reġa’ beda jfeġġ ħażen mill‑aktar kbir fuq wiċċ l‑art, u Ħet reġa’ beda jħaddan il‑pjanijiet sigrieti tal‑qedem, sabiex jeqred lil missieru.
27 U ġara li huwa neħħa lil missieru minn fuq it‑tron billi qatlu permezz tax‑xabla tiegħu; u huwa beda jsaltan minfloku.
28 U reġgħu ġew il‑profeti fil‑pajjiż, u bdew ixandrulhom l‑indiema—li kien jeħtieġ li huma jħejju t‑triq tal‑Mulej jew inkella kienet se taqa’ saħta fuq wiċċ l‑art; iva, inkella huma jispiċċaw jintlaqtu minn ġuħ kbir, u b’hekk, jekk jibqgħu ma jindmux, huma jinqerdu.
29 Iżda n‑nies baqgħu ma emmnux kliem il‑profeti, u keċċewhom ’il barra; u lil xi wħud xeħtuhom f’ħofra u ħallewhom imutu fiha. U ġara li dan kollu għamluh skont l‑ordni tas‑sultan Ħet.
30 U ġara li bdiet tqum nixfa kbira mal‑pajjiż, u dawk li kienu jgħammru fih bdew imutu b’rata mgħaġġla minħabba n‑nixfa, għax fuq wiċċ l‑art lanqas qatra xita ma għamlet.
31 U fuq wiċċ l‑art bdew joħorġu bosta sriep velenużi li spiċċaw ivvalenaw ħafna nies. U ġara li l‑merħliet tagħhom bdew jaħarbu ’l bogħod mis‑sriep velenużi lejn l‑art tan‑nofsinhar, liema art in‑Nefiti kienu semmewha Żaraħemla.
32 U ġara li fosthom kien hemm ħafna li mietu waqt li kienu fi triqthom; madankollu, kien hemm xi wħud li ħarbu lejn l‑art tan‑nofsinhar.
33 U ġara li l‑Mulej waqqaf lis‑sriep milli jkomplu jimxu warajhom, u minflok wassalhom biex jagħlqu t‑triq ħalli n‑nies ma jkunux jistgħu jgħaddu, u kull min jipprova jgħaddi jispiċċa jaqa’ vittma tas‑sriep velenużi.
34 U ġara li n‑nies qabdu t‑triq li minnha għaddew il‑bhejjem, u huma spiċċaw jieklu l‑laħam tal‑bhejjem li mietu mat‑triq, u komplew jieklu minnhom sakemm kiluhom kollha. Issa, meta n‑nies raw li kienu se jispiċċaw imutu huma bdew jindmu minn ħżunithom u bdew isejħu lill‑Mulej.
35 U ġara li meta huma umiljaw ruħhom biżżejjed quddiem il‑Mulej huwa bagħat ix‑xita fuq wiċċ l‑art; u n‑nies bdew jieħdu saħħithom lura mill‑ġdid, u reġa’ beda jikber il‑frott fl‑artijiet tat‑tramuntana u fl‑artijiet kollha tal‑madwar. U l‑Mulej wera l‑qawwa tiegħu magħhom hekk kif ħelishom mill‑ġuħ.