Skrittura
Għeter 15


Kapitlu 15

Miljuni ta’ Ġarediti jinqatlu waqt battalja—Siż u Kurjantumir jiġbru lil nieshom kollha flimkien għal ġlieda li twassal għall‑mewt—L‑Ispirtu tal‑Mulej ma jibqax jgħammar magħhom aktar—Il‑ġens Ġaredita jinqered għal kollox—Jibqa’ biss Kurjantumir.

1 U ġara li meta Kurjantumir irkupra mill‑ġrieħi li ġarrab, beda jfeġġ f’moħħu l‑kliem li kien qallu Għeter.

2 Huwa ra li diġà kienu nqatlu kważi żewġ miljun ruħ permezz tax‑xabla, u hu beda jsewwed qalbu; iva, kienu nqatlu sewwasew żewġ miljun raġel qalbieni, flimkien ma’ marthom u wliedhom.

3 Huwa beda jindem mill‑ħażen li kien wettaq; f’moħħu beda jfeġġ il‑kliem li kien ġie mlissen minn fomm il‑profeti kollha, u huwa ra li s’issa kollu kien ġie fis‑seħħ, kollu kemm hu; u ruħu tnikktet u ma riditx titfarraġ.

4 U ġara li huwa kiteb ittra lil Siż, fejn talbu biex ikollu ħniena min‑nies, u qallu li hu kien lest iċedi s‑saltna biex isalva ħajjet in‑nies.

5 U ġara li meta Siż rċieva l‑ittra tiegħu hu kiteb ittra lil Kurjantumir, fejn qallu li jekk huwa jagħti lilu nnifsu f’idejh, ħalli jkun jista’ joqtlu bl‑istess xabla tiegħu, huwa kien lest jeħlisha lin‑nies mill‑mewt.

6 U ġara li n‑nies baqgħu ma nidmux minn ħżunithom; u n‑nies ta’ Kurjantumir spiċċaw imtlew bil‑korla għan‑nies ta’ Siż; u n‑nies ta’ Siż imtlew bil‑korla għan‑nies ta’ Kurjantumir; għalhekk, in‑nies ta’ Siż spiċċaw f’battalja kontra n‑nies ta’ Kurjantumir.

7 U meta Kurjantumir ra li kien wasal biex jitlef il‑battalja huwa reġa’ ħarab għal darb’oħra minn quddiem in‑nies ta’ Siż.

8 U ġara li huwa wasal ħdejn l‑ilmijiet ta’ Riplankum, isem li jfisser kobor, jew li jisboq kollox; għalhekk, meta waslu ħdejn dawn l‑ilmijiet huma waqqfu t‑tined tagħhom; u Siż waqqaf ukoll it‑tined tiegħu qrib tagħhom; b’hekk l‑għada huma spiċċaw jiġġieldu f’battalja.

9 U ġara li huma ġġieldu battalja mill‑aktar qalila, li fiha Kurjantumir safa midrub għal darb’oħra, u spiċċa ħassu ħass ħażin minħabba d‑demm li tilef.

10 U ġara li l‑armati ta’ Kurjantumir komplew jattakkaw b’qawwa lill‑armati ta’ Siż sa ma għelbuhom, u wassluhom biex jaħarbu minn quddiemhom; u huma ħarbu lejn in‑naħa tan‑nofsinhar, u waqqfu t‑tined tagħhom f’post li kien jismu Ogat.

11 U ġara li l‑armata ta’ Kurjantumir waqqfet it‑tined tagħha qrib l‑għolja ta’ Rama; u din kienet l‑istess għolja li fiha missieri Mormon ħeba l‑annali, li kienu sagri, għall‑Mulej.

12 U ġara li huma ġabru flimkien lin‑nies kollha li ma kinux inqatlu, li kien hemm fuq wiċċ l‑art, minbarra Għeter.

13 U ġara li Għeter seta’ jara b’għajnejh l‑għemejjel kollha tal‑poplu; u huwa seta’ jara li n‑nies illi kienu jappoġġjaw lil Kurjantumir kienu nġabru flimkien mal‑armata ta’ Kurjantumir; u n‑nies li kienu jappoġġjaw lil Siż kienu nġabru flimkien mal‑armata ta’ Siż.

14 Għalhekk, huma għaddew erba’ snin sħaħ jiġbru lin‑nies flimkien, fejn ippruvaw jiġbru flimkien lil dawk kollha li kien hemm fuq wiċċ l‑art, u b’hekk ikunu jistgħu jsaħħu kemm jistgħu l‑armati tagħhom.

15 U ġara li meta kienu jinsabu lkoll miġburin flimkien, kull wieħed mal‑armata li ried hu, flimkien ma’ marthom u wliedhom—kemm l‑irġiel, kemm in‑nisa u anke t‑tfal kienu armati bl‑armi tal‑gwerra, u kellhom it‑tarki, u l‑pettorali, u l‑elmi, u kienu lebsin lesti għall‑gwerra—huma bdew jimxu lejn xulxin lesti għall‑battalja; u huma għaddew il‑jum kollu jiġġieldu, u ħadd minnhom ma ħareġ rebbieħ.

16 U ġara li meta wasal il‑lejl waqgħet għeja kbira fuqhom, u huma telqu lejn il‑kampijiet tagħhom; u wara li marru fil‑kampijiet tagħhom huma bdew jibku u jokorbu minħabba nieshom li sfaw maqtula; u tant bdew jibku, jokorbu u jingħu li l‑għajjat tagħhom beda jidwi ma’ kullimkien.

17 U ġara li l‑għada reġgħu marru jiġġieldu, u dan kien jum mill‑aktar importanti u tal‑biża’; madankollu, ħadd minnhom ma ħareġ rebbieħ, u meta reġa’ wasal il‑lejl reġa’ beda jinstama’ ma’ kullimkien l‑għajjat, il‑krib, u l‑biki tagħhom minħabba nieshom li sfaw maqtula.

18 U ġara li Kurjantumir reġa’ kiteb ittra lil Siż, u talbu biex ma jerġax jiġi għall‑ġlied, iżda qallu li huwa seta’ jieħu f’idejh is‑saltna, u talbu biex ikollu ħniena min‑nies.

19 Iżda araw, l‑Ispirtu tal‑Mulej ma baqax jgħammar aktar magħhom, u Satana spiċċa jikkontrolla għal kollox qlub in‑nies; għax huma kienu ċedew għall‑ebusija ta’ qalbhom, u għall‑għama ta’ moħħhom u kienu lesti jeqirdu lil xulxin; għalhekk huma reġgħu marru għall‑ġlied.

20 U ġara li huma għaddew il‑jum kollu jiġġieldu, u meta wasal il‑lejl huma spiċċaw raqdu fuq ix‑xwabel tagħhom.

21 U l‑għada baqgħu jiġġieldu sa ma wasal il‑lejl.

22 U meta wasal il‑lejl huma spiċċaw sikru f’għadabhom, l‑istess kif bniedem jisker bl‑inbid; u huma reġgħu spiċċaw raqdu fuq ix‑xwabel tagħhom.

23 U l‑għada reġgħu bdew jiġġieldu; u sa ma wasal il‑lejl spiċċaw inqatlu lkoll permezz tax‑xabla ħlief għal tnejn u ħamsin ruħ minn fost in‑nies ta’ Kurjantumir, u disgħa u sittin ruħ minn fost in‑nies ta’ Siż.

24 U ġara li dak il‑lejl huma spiċċaw raqdu fuq ix‑xwabel tagħhom, u l‑għada reġgħu bdew jiġġieldu, u għaddew il‑jum kollu jitqabdu bil‑qawwa kollha tagħhom permezz tax‑xwabel u t‑tarki tagħhom.

25 U meta wasal il‑lejl kien għad baqa’ biss tnejn u tletin ruħ min‑nies ta’ Siż, u sebgħa u għoxrin ruħ min‑nies ta’ Kurjantumir.

26 U ġara li huma kielu u raqdu, u ħejjew lilhom infushom biex l‑għada jmutu. U huma kienu nies ta’ statura kbira u b’saħħithom, fejn tidħol is‑saħħa tal‑bniedem.

27 U ġara li għamlu tliet sigħat sħaħ jiġġieldu, sakemm huma ħasshom ħass ħażin minħabba d‑demm li tilfu.

28 U ġara li meta l‑irġiel ta’ Kurjantumir bdew iħossuhom b’saħħithom biżżejjed biex jimxu, huma ppruvaw jaħarbu biex forsi jeħilsuha mill‑mewt; iżda araw, Siż qam fuq saqajh, u qamu wkoll in‑nies tiegħu, u fl‑għadab tiegħu ħalef li jmur u joqtol lil Kurjantumir, għax jekk le huwa jispiċċa jmut permezz tax‑xabla.

29 Għalhekk, huwa telaq għal warajhom, u l‑għada laħaqhom; u huma reġgħu qabdu jiġġieldu permezz tax‑xabla. U ġara li meta huma lkoll, minbarra Kurjantumir u Siż, spiċċaw inqatlu permezz tax‑xabla, araw Siż ħassu ħass ħażin minħabba d‑demm li tilef.

30 U ġara li meta Kurjantumir twieżen fuq ix‑xabla tiegħu biex jistrieħ ftit, huwa darab lil Siż f’rasu.

31 U ġara li wara li darbu f’rasu, Siż qam fuq dirgħajh u waqa’ mal‑art; u mbagħad beda jsibha diffiċli jieħu nifs, u miet.

32 U ġara li Kurjantumir waqa’ mal‑art, u spiċċa bħallikieku raġel bla ħajja.

33 U l‑Mulej kellem lil Għeter u qallu: Mur. U huwa mar, u ra li kliem il‑Mulej kien ġie fis‑seħħ kollu kemm hu; u hekk huwa temm ir‑rakkont tiegħu; (u jien lanqas wieħed fil‑mija ma ktibt) u ħeba kollox b’tali mod li n‑nies ta’ Limħi rnexxielhom isibuhom.

34 Issa l‑aħħar kliem li kiteb Għeter hu dan: Jekk il‑Mulej iridx li jiena nittieħed, jew li noqgħod għar‑rieda tal‑Mulej fil‑ġisem, lili ma tagħmillix differenza, diment li jiena nikseb is‑salvazzjoni fis‑saltna ta’ Alla. Ammen.