Kapitlu 8
Ġlied u tilwim dwar is‑saltna—Akis jifforma alleanza sigrieta biex jinqatel is‑sultan, liema alleanza wieħed seta’ jidħol fiha permezz ta’ ġurament—L‑alleanzi sigrieti ġejjin mix‑xitan u jwasslu għall‑qerda tal‑ġnus—Il‑Ġentili moderni jiġu mwissija kontra l‑alleanza sigrieta li tipprova teqred il‑ħelsien ta’ kull art, ġens, u pajjiż.
1 U ġara li huwa wiled lil Omer, u Omer beda jsaltan minfloku. U Omer wiled lil Ġared; u Ġared wiled subien u bniet.
2 U Ġared ħadha kontra missieru, u hu ġie biex jgħammar fl‑art ta’ Ħet. U ġara li huwa beda jgħid lin‑nies ħafna kliem ħelu u qarrieqi, sakemm irnexxielu jieħdu f’idejh nofs is‑saltna.
3 U meta rnexxielu jieħu f’idejh nofs is‑saltna huwa mar għal battalja kontra missieru, u qabad lil missieru u ħadu fl‑eżilju, u ġiegħlu biex lilu huwa jaqdi fl‑eżilju;
4 U issa, fi żmien is‑saltna ta’ Omer, huwa għadda nofs ħajtu fl‑eżilju. U ġara li huwa wiled subien u bniet, li fosthom kien hemm Ħesron u Kurjantumir;
5 U huma nkurlaw bil‑kbir minħabba l‑għaġir ta’ ħuhom Ġared, hekk li ġabru flimkien armata u marru għal battalja kontra Ġared. U ġara li huma ġġieldu kontrih mal‑lejl.
6 U ġara li meta huma spiċċaw qatlu lil dawk li kienu fl‑armata ta’ Ġared huma marru biex joqtlu lilu wkoll; u hu talabhom bil‑ħerqa biex ma joqtluhx, u li hu kien lest biex jgħaddi s‑saltna f’idejn missieru. U ġara li huma ħelsuhielu mill‑mewt.
7 U issa Ġared ħassu tassew imnikket peress li kien tilef minn idu s‑saltna, għax huwa kien rabat qalbu mas‑saltna u mal‑glorja tad‑dinja.
8 Issa bint Ġared, li kienet mara jilħqilha bil‑kbir, u li rat minn liema dulur kien għaddej missierha, ħasbet biex tfassal pjan li permezz tiegħu setgħet traġġa’ lura s‑saltna f’idejn missierha.
9 Issa bint Ġared kienet mara mill‑isbaħ. U ġara li hija marret tkellem lil missierha, u qaltlu: X’qed iwasslu missieri biex qed iħossu daqstant imnikket? Mela huwa ma qarax l‑istorja ta’ kif missirijietna twasslu hawn min‑naħa l‑oħra tal‑baħar fond? Ara, mela m’hemmx miktub dwar in‑nies ta’ dari, li permezz tal‑pjanijiet sigrieti tagħhom huma kisbu f’idejhom kemm saltniet kif ukoll glorja kbira?
10 U issa, għalhekk, jeħtieġ li missieri jibgħat għal Akis, bin Kimnor; u ara, jiena mara sabiħa, u jien lesta biex niżfen quddiemu, u nagħtih pjaċir, biex tinbet fih ix‑xewqa li jiena nkun martu; għalhekk jekk huwa jurik ix‑xewqa li inti tagħtih lili b’martu, int għandek tgħidlu: Jiena nagħtihielek jekk inti ġġibli ras missieri, is‑sultan.
11 U issa Omer kien ħabib ta’ Akis; għalhekk, meta Ġared bagħat għal Akis, bint Ġared bdiet tiżfen quddiemu u lilu tat pjaċir, hekk li huwa xtaqha tkun martu. U ġara li huwa qal lil Ġared: Agħtini t‑tifla tiegħek b’marti.
12 U Ġared qallu: Jiena nagħtihielek, jekk inti ġġibli ras missieri, is‑sultan.
13 U ġara li Akis ġabar lil qrabatu kollha fid‑dar ta’ Ġared, u qalilhom: Lesti taħilfuli li tkunu leali lejja f’dak kollu li jiena se nitlob minnkom?
14 U ġara li huma lkoll ħalfu miegħu, b’Alla tas‑sema, kif ukoll bis‑smewwiet u l‑art, u b’ħajjithom, li min ma kienx lest li jżomm kelmtu u jgħin lil Akis skont dak li huwa jitlob minnu kellu jispiċċa b’rasu maqtugħa; u min jiżvela xi ħaġa milli qalilhom Akis, jispiċċa jinqatel.
15 U b’hekk ġara li huma qablu lkoll ma’ Akis. U Akis urihom il‑ġuramenti li kienu ngħataw min‑nies tal‑qedem, li kienu raw ukoll li jiksbu s‑setgħa, liema ġuramenti kienu baqgħu jgħaddu minn nisel għall‑ieħor sa minn żmien Kajjin, li kien qattiel sa mill‑bidu.
16 U dawn il‑ġuramenti kienu ġew ippreservati bil‑qawwa tax‑xitan biex huwa jgħaddihom lin‑nies, ħalli lilhom huwa jżomm fid‑dlam, biex lil dawk li jixtiequ jkollhom is‑setgħa jgħinhom jiksbu s‑setgħa, u jwassalhom biex joqtlu, u jisirqu, u jgħidu kliem b’ieħor, u jwettqu kull xorta ta’ ħażen u żína.
17 U bint Ġared wasslet biex tinbet f’qalb missierha x‑xewqa li huwa jirrikorri għal dawn il‑ħwejjeġ tal‑qedem; u Ġared wassal biex tinbet din ix‑xewqa wkoll f’qalb Akis; għalhekk, Akis għaddihom lil qrabatu u lil sħabu, u b’hekk qarraq bihom permezz ta’ wegħdiet sbieħ biex huma jagħmlu dak kollu li jkun jixtieq minnhom.
18 U ġara li huma ffurmaw alleanza sigrieta, bħalma kellhom in‑nies tal‑qedem; liema alleanza hija aktar abominabbli u ħażina minn kull alleanza oħra, f’għajnejn Alla;
19 Għax il‑Mulej ma jagħmel xejn permezz ta’ alleanzi sigrieti, u ma jridx li l‑bniedem ixerred id‑demm, u fl‑ebda ċirkustanza ma ried li jsir dan, sa mill‑bidu tal‑bniedem.
20 U issa jiena, Moroni, m’iniex se nitkellem dwar in‑natura tal‑ġuramenti u l‑alleanzi tagħhom, għax ġie żvelat lili li dawn bdew iseħħu fost il‑poplu kollu, u fost il‑Lamaniti.
21 U huma wasslu sewwasew għall‑qerda ta’ dan il‑poplu li dwaru qed nitkellem, kif ukoll għall‑qerda tal‑poplu ta’ Nefi.
22 U kull ġens li jirrikorri għal dawn l‑alleanzi sigrieti, biex jikseb is‑setgħa u jakkwista, sakemm dawn jinfiltraw il‑ġens kollu, araw, niesu żgur li jispiċċaw jinqerdu; għax il‑Mulej mhux se jħalli demm il‑qaddisin tiegħu, li se jiġi mxerred minnhom, jibqa’ jgħajjatlu minn ġol‑art biex jivvendika ruħu minnhom u hu jibqa’ ma jagħmilx dan.
23 Għalhekk, O Ġentili, huwa għerf f’Alla li dawn il‑ħwejjeġ jiġu żvelati lilkom, biex b’hekk intom tindmu minn dnubietkom, u ma tħallux lilkom infuskom taqgħu vittmi ta’ dawn l‑alleanzi, li jwasslu għall‑qtil, fejn l‑għan tagħhom hu biss li tiksbu s‑setgħa u takkwistaw—u tħallux li l‑ħidma, sewwasew il‑ħidma tal‑qerda, iva, sewwasew ix‑xabla tal‑ħaqq ta’ Alla l‑Etern tinżel fuqkom, u twassal għall‑waqgħa u l‑qerda tagħkom, jekk intom tħallu dal‑ħwejjeġ iseħħu.
24 Għalhekk, il‑Mulej qed jordnalkom, li meta taraw li fostkom qed iseħħu dawn il‑ħwejjeġ, araw li intom tintebħu bis‑sitwazzjoni terribbli tagħkom, minħabba din l‑alleanza sigrieta li se jkun hemm fostkom; għax ħażin se jkun għaliha, minħabba d‑demm ta’ dawk li jisfaw maqtula; għax minn ġot‑trab huma jitolbu biex issir vendetta minnha u minn dawk li waqqfuha.
25 Għax jiġri li dawk li jwaqqfuha jippruvaw jeqirdu l‑ħelsien ta’ kull art, ġens u pajjiż; u hi twassal għall‑qerda tan‑nies kollha; għax hija mwaqqfa mix‑xitan, li huwa missier il‑gideb kollu; sewwasew l‑istess giddieb li qarraq bl‑ewwel ġenituri tagħna, iva, l‑istess giddieb li sa mill‑bidu wassal lill‑bniedem biex joqtol; l‑istess wieħed li webbes qlub il‑bnedmin tant li sa mill‑bidu huma spiċċaw qatlu lill‑profeti, u ħaġġruhom, u keċċewhom ’il barra minn fosthom.
26 Għalhekk, jiena, Moroni, ġejt ordnat biex nikteb dawn il‑ħwejjeġ biex forsi jieqaf il‑ħażen, u jasal iż‑żmien meta Satana ma jkollu l‑ebda qawwa fuq qlub ulied il‑bnedmin, iżda huma jiġu pperswaduti biex dejjem jagħmlu t‑tajjeb, ħalli jkunu jistgħu jaslu fil‑għajn ta’ kull tjieba u jsalvaw.