Skrittura
Għeter 14


Kapitlu 14

Il‑ħażen tal‑poplu jġib saħta fuq il‑pajjiż—Kurjantumir jidħol fi gwerra kontra Gilgħad, imbagħad kontra Lib, u mbagħad kontra Siż—L‑art kollha tispiċċa miksija bid‑demm u bl‑iġsma bla ħajja.

1 U issa l‑pajjiż kollu beda jintlaqat minn saħta kbira minħabba l‑ħażen tal‑poplu, b’tali mod li jekk raġel ipoġġi l‑għodda jew ix‑xabla tiegħu fuq l‑ixkaffa tiegħu, jew fil‑post fejn iżommha s‑soltu, araw, l‑għada huwa ma jsibhiex f’postha, tant kemm kienet kbira s‑saħta fil‑pajjiż.

2 Għalhekk kull raġel beda jżomm sew f’idejh dak li kien tiegħu, u la kien jissellef u lanqas isellef; u kull raġel beda jżomm il‑manku tax‑xabla tiegħu f’idu l‑leminija, biex jipproteġi l‑propjetà tiegħu u jipproteġi wkoll ħajtu u ħajjet in‑nisa u t‑tfal tiegħu.

3 U issa, wara li għaddew sentejn, u wara l‑mewt ta’ Sared, araw, ġie ħu Sared u mar jiġġieled f’battalja kontra Kurjantumir, li fiha Kurjantumir spiċċa biex għelbu u huwa baqa’ jimxi warajh sax‑xagħri ta’ Akis.

4 U ġara li ħu Sared mar jiġġelidlu f’battalja ġewwa x‑xagħri ta’ Akis; u l‑battalja spiċċat waħda mill‑aktar qalila, u fiha mietu eluf kbar ta’ nies permezz tax‑xabla.

5 U ġara li Kurjantumir spiċċa jassedja x‑xagħri; u mal‑lejl ħu Sared mexa ’l barra mix‑xagħri u qatel numru ta’ suldati mill‑armata ta’ Kurjantumir, waqt li huma kienu fis‑sakra.

6 U huwa wasal fl‑art ta’ Moron, u poġġa lilu nnifsu fuq it‑tron ta’ Kurjantumir.

7 U ġara li Kurjantumir dam sentejn sħaħ jgħammar fix‑xagħri flimkien mal‑armata tiegħu, li fihom huwa saħħaħ bil‑kbir l‑armata tiegħu.

8 Issa ħu Sared, li kien jismu Gilgħad, ukoll saħħaħ bil‑kbir l‑armata tiegħu, bis‑saħħa tal‑alleanzi sigrieti.

9 U ġara li huwa nqatel mill‑qassis il‑kbir tiegħu waqt li kien bilqiegħda fuq it‑tron tiegħu.

10 U ġara li dan ukoll spiċċa nqatel ġo passaġġ sigriet minn raġel li kien parti mill‑alleanzi sigrieti, u huwa ħa f’idejh is‑saltna; u dan kien jismu Lib; u Lib kien raġel ta’ statura kbira, aktar minn kull raġel ieħor fost il‑poplu kollu.

11 U ġara li fl‑ewwel sena ta’ Lib, Kurjantumir tela’ fl‑art ta’ Moron, u spiċċa jiġġieled f’battalja kontra Lib.

12 U ġara li huwa spiċċa fi ġlieda kontra Lib, li fiha Lib tah daqqa fi driegħu u darbu; madankollu, l‑armata ta’ Kurjantumir kompliet bl‑attakki tagħha fuq Lib, hekk li huwa spiċċa ħarab lejn il‑fruntieri li kien hemm ma’ xatt il‑baħar.

13 U ġara li Kurjantumir kompla jimxi warajh; u Lib spiċċa f’battalja kontrih ħdejn xatt il‑baħar.

14 U ġara li Lib għeleb għal kollox l‑armata ta’ Kurjantumir, hekk li huma ħarbu għal darb’oħra lejn ix‑xagħri ta’ Akis.

15 U ġara li Lib baqa’ jimxi warajh sakemm huwa wasal fil‑wita ta’ Agos. U meta Kurjantumir ħarab minn quddiem Lib huwa ħa lin‑nies kollha miegħu fin‑naħa tal‑pajjiż fejn ħarab.

16 U meta wasal fix‑xagħri ta’ Agos huwa spiċċa jiġġieled f’battalja kontra Lib, u hu beda jagħtih bix‑xabla sakemm qatlu; madankollu, ħu Lib ġie biex jiġġieled kontra Kurjantumir minfloku, u l‑battalja saret waħda mill‑aktar qalila, li fiha Kurjantumir spiċċa ħarab għal darb’oħra minn quddiem l‑armata ta’ ħu Lib.

17 Issa ħu Lib kien jismu Siż. U ġara li Siż telaq għal wara Kurjantumir, u rnexxielu jieħu f’idejh bosta bliet, u qatel kemm nisa u kemm tfal, u l‑bliet tahom ukoll in‑nar.

18 U madwar il‑pajjiż kollu kulħadd beda jibża’ minn Siż; iva, instemgħet mal‑pajjiż kollu l‑għajta tan‑nies—Min kapaċi jieqaf quddiem l‑armata ta’ Siż? Araw, huwa jispiċċa jiknes l‑art bih!

19 U ġara li n‑nies bdew jinġabru flimkien f’armati madwar il‑pajjiż kollu.

20 U huma nqasmu f’żewġ gruppi; uħud ingħaqdu mal‑armata ta’ Siż, u oħrajn ingħaqdu mal‑armata ta’ Kurjantumir.

21 U tant kienet kbira u damet għaddejja l‑gwerra, u tant ma kienu jaqtgħu xejn ix‑xeni ta’ tixrid ta’ demm u iġsma bla ħajja, li wiċċ l‑art kollha spiċċa miksi bl‑iġsma tal‑mejtin.

22 U l‑gwerra tant kienet spontanja u mgħaġġla li ma kien għad baqa’ ħadd min jidfen il‑mejtin, iżda huma baqgħu għaddejjin minn xena ta’ tixrid ta’ demm għall‑oħra, u jħallu warajhom l‑iġsma tal‑irġiel, nisa, u tfal imferrxin fuq wiċċ l‑art, biex ikunu ta’ priża għad‑dud tal‑ġisem.

23 U r‑riħa tagħhom bdiet tinxtamm madwar il‑pajjiż, sewwasew madwar il‑pajjiż kollu; għalhekk ir‑riħa tagħhom bdiet iddejjaq lin‑nies, kemm binhar u kemm billejl.

24 Madankollu, Siż ma waqafx isegwi lil Kurjantumir; għax hu kien ħalef li jivvendika ruħu minn Kurjantumir talli kien xerred demm ħuh, meta lilu huwa qatel, u jivvendika ruħu wkoll mill‑kelma tal‑Mulej talli żvelat ma’ Għeter li Kurjantumir ma kienx se jaqa’ taħt ix‑xabla.

25 U b’hekk naraw li l‑Mulej żarhom tassew fil‑milja tal‑korla tiegħu, u l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tagħhom ħejjew it‑triq għall‑qerda eterna tagħhom.

26 U ġara li Siż kompla jsegwi lil Kurjantumir lejn in‑naħa tal‑lvant, sewwasew lejn il‑fruntieri ta’ ma’ xatt il‑baħar, u hemmhekk huwa spiċċa f’battalja kontra Siż, li damet sejra tlett ijiem.

27 U tant kienet tal‑biża’ l‑qerda li seħħet fost l‑armati ta’ Siż li n‑nies spiċċaw inħakmu minn biża’ u bdew jaħarbu minn quddiem l‑armati ta’ Kurjantumir; u huma ħarbu lejn l‑art ta’ Koriħor, u bdew jikinsu lil dawk kollha li jsibu quddiemhom li ma ridux jingħaqdu magħhom.

28 U huma waqqfu t‑tined tagħhom fil‑wied ta’ Koriħor; u Kurjantumir waqqaf it‑tined tiegħu fil‑wied ta’ Surr. Issa l‑wied ta’ Surr kien jinsab qrib l‑għolja ta’ Komnor; għalhekk, Kurjantumir ġabar l‑armati tiegħu flimkien fuq l‑għolja ta’ Komnor, u beda jdoqq it‑trombi għall‑armati ta’ Siż biex jistedinhom għall‑battalja.

29 U ġara li huma marru hemm, iżda sfaw imkeċċijin għal darb’oħra; u reġgħu marru għat‑tieni darba, u reġgħu sfaw imkeċċijin għat‑tieni darba. U ġara li huma reġgħu marru għat‑tielet darba, u l‑battalja saret waħda mill‑aktar qalila.

30 U ġara li Siż darab lil Kurjantumir u ħallih b’ħafna ġrieħi fondi; u Kurjantumir, li tilef ħafna demm, ħassu ħass ħażin, u spiċċaw iġorruh bħallikieku kien mejjet.

31 Issa l‑għadd ta’ rġiel, nisa, u tfal li sfaw maqtula tant kien kbir li Siż ordna lin‑nies tiegħu biex ma jkomplux jiġru wara l‑armati ta’ Kurjantumir; għalhekk huma reġgħu lura lejn il‑kamp tagħhom.