Kapitlu 11
Il‑ħajja tal‑Ġarediti ddominata mill‑gwerer, mid‑diżgwid, u l‑ħażen—Il‑profeti jbassru l‑qerda sħiħa tal‑Ġarediti jekk huma jibqgħu ma jindmux—In‑nies jiċħdu kliem il‑profeti.
1 U fi żmien Kom ġew ukoll bosta profeti, u huma bdew iħabbru dwar il‑qerda ta’ dak il‑poplu kbir jekk huma jibqgħu ma jindmux, u ma jdurux lejn il‑Mulej, u ma jieqfux milli jkomplu joqtlu u jagħmlu l‑ħażen.
2 U ġara li n‑nies ma laqgħux għandhom lill‑profeti, u huma telqu b’ħarba għal għand Kom biex huwa jagħtihom kenn, għax in‑nies ippruvaw joqtluhom.
3 U l‑ħwejjeġ li huma ħabbru lil Kom kienu bosta; u hu kien imbierek għall‑bqija ta’ ħajtu.
4 U huwa għex ħajja twila mhux ħażin, u hu wiled lil Siblom; u Siblom beda jsaltan minfloku. U ħu Siblom ħadha kontrih, u fil‑pajjiż ingħata bidu għal gwerra mill‑aktar kbira.
5 U ġara li ħu Siblom ordna li l‑profeti kollha li jħabbru dwar il‑qerda tal‑poplu għandhom jingħataw il‑mewt;
6 U x’diżgrazzja kbira laqtet lill‑pajjiż kollu, għax huma xehdu li saħta kbira kellha tolqot lill‑pajjiż kif ukoll lin‑nies, u li kien se jkun hemm qerda kbira fosthom, li bħalha qatt ma kien deher qabel fuq wiċċ l‑art, u li għadamhom kien se jispiċċa bħal munzell ramel fuq wiċċ l‑art jekk huma jibqgħu ma jindmux minn ħżunithom.
7 U huma baqgħu ma jridux jisimgħu minn kliem il‑Mulej, minħabba l‑alleanzi ħżiena tagħhom; għalhekk, mal‑pajjiż kollu qamu bosta gwerer u qam bosta ġlied, u kien hemm ukoll ġuħ kbir u anke l‑pesta, hekk li huma spiċċaw intlaqtu minn qerda sħiħa, li bħalha qatt ma kien deher qabel fuq wiċċ l‑art; u dan kollu seħħ fi żmien Siblom.
8 U n‑nies bdew jindmu minn ħżunithom; u diment li huma bdew jindmu l‑Mulej kellu ħniena minnhom.
9 U ġara li Siblom safa maqtul, u Set ittieħed fl‑eżilju, u huwa għammar fl‑eżilju ħajtu kollha.
10 U ġara li ibnu Aħa ħa f’idejh is‑saltna; u huwa saltan fuq il‑poplu ħajtu kollha. U f’ħajtu huwa wettaq kull tip ta’ ħażen, u minħabba f’hekk huwa wassal biex jinxtered ħafna demm; u jiemu kienu ftit.
11 U Għetem, li kien ġej min‑nisel ta’ Aħa, ħa f’idejh is‑saltna; u f’ħajtu huwa wkoll wettaq il‑ħażen.
12 U ġara li fi żmien Għetem ġew bosta profeti, u huma reġgħu bdew iħabbru lin‑nies; iva, huma bdew iħabbru li l‑Mulej kien se jeqridhom għal kollox minn fuq wiċċ l‑art jekk huma jibqgħu ma jindmux minn ħżunithom.
13 U ġara li n‑nies webbsu qalbhom, u ma ridux jisimgħu kliemhom; u l‑profeti sewdu qalbhom u telqu minn fost il‑poplu.
14 U ġara li tul ħajtu kollha Għetem għamel ħaqq min‑nies b’mod ħażin; u huwa wiled lil Moron. U ġara li Moron beda jsaltan minfloku; u Moron għamel dak li kien ħażin quddiem il‑Mulej.
15 U ġara li qamet rewwixta fost il‑poplu, minħabba l‑alleanza sigrieta li twaqqfet ħalli huma jkunu jistgħu jiksbu s‑setgħa u jakkwistaw; u fosthom qam raġel ħażin mill‑aktar setgħan, u hu mar jiġġieled f’battalja kontra Moron, u rnexxielu jeħodlu nofs is‑saltna; u huwa dan iżomm nofs is‑saltna f’idu għal bosta snin.
16 U ġara li Moron ħadlu lura s‑saltna minn idejh, u b’hekk reġa’ ħadha f’idejh għal darb’oħra.
17 U ġara li qam raġel ieħor setgħan; u hu kien ġej min‑nisel ta’ ħu Ġared.
18 U ġara li huwa ħareġ rebbieħ fuq Moron u ħa f’idejh s‑saltna; għalhekk, Moron għadda l‑bqija kollha ta’ ħajtu fl‑eżilju; u huwa wiled lil Kurjantor.
19 U ġara li Kurjantor għadda ħajtu kollha fl‑eżilju.
20 U fi żmien Kurjantor ġew ukoll bosta profeti, u bdew iħabbru dwar ħwejjeġ kbar u tal‑għaġeb, u bdew ixandru l‑indiema lin‑nies, u jgħidulhom li jekk huma jibqgħu ma jindmux il‑Mulej Alla kien se jagħmel ħaqq minnhom, li jwassalhom għall‑qerda sħiħa tagħhom;
21 U l‑Mulej Alla kien se jwassal biex jiġi poplu ieħor u bil‑qawwa tiegħu jieħu l‑art f’idejh, bl‑istess mod kif huwa wassal lil missirijiethom f’din l‑art.
22 U huma ċaħdu dak kollu li qalu l‑profeti, minħabba s‑soċjetà sigrieta u l‑abominazzjonijiet ħżiena tagħhom.
23 U ġara li Kurjantor wiled lil Għeter, u huwa miet, wara li għadda ħajtu kollha fl‑eżilju.