Kapitlu 7
Oriħa jsaltan b’ġustizzja—F’ambjent ikkaratterizzat minn usurpazzjoni u ġlied jitwaqqfu s‑saltniet rivali ta’ Sule u Koħor—Il‑profeti jikkundannaw il‑ħażen u l‑idolatrija tan‑nies, liema nies wara jindmu.
1 U ġara li Oriħa għamel ħaqq min‑nies tal‑pajjiż b’mod ġust fil‑jiem kollha ta’ ħajtu, liema jiem kienu bil‑bosta.
2 U huwa wiled subien u bniet; iva, huwa wiled b’kollox wieħed u tletin, li minnhom tlieta u għoxrin kienu subien.
3 U ġara li fi xjuħitu huwa wiled ukoll lil Kib. U ġara li Kib saltan minfloku; u Kib wiled lil Koriħor.
4 U meta Koriħor kellu tnejn u tletin sena huwa ħadha kontra missieru, u mar jgħammar fl‑art ta’ Neħor; u huwa wiled subien u bniet, u huma saru nies mill‑aktar sbieħ; għalhekk Koriħor ġibed bosta nies lejh.
5 U meta ġabar armata flimkien, huwa tela’ fl‑art ta’ Moron fejn kien jgħammar is‑sultan, u ħadu bħala lsir, u dan ġab fis‑seħħ dak li kiteb ħu Ġared li huma kienu se jittieħdu fil‑jasar.
6 Issa l‑art ta’ Moron, fejn kien jgħammar is‑sultan, kienet tinsab qrib l‑art li n‑Nefiti jsejħulha Ħerba.
7 U ġara li Kib kompla jgħammar fl‑eżilju, waqt li n‑nies tiegħu kienu mmexxijin minn ibnu Koriħor, sakemm huwa daħal sew fiż‑żmien; madankollu Kib fi xjuħitu wiled lil Sule, waqt li huwa kien għadu fl‑eżilju.
8 U ġara li Sule ħadha kontra ħuh; u Sule kompla jissaħħaħ, u sar raġel mill‑aktar b’saħħtu fejn tidħol is‑saħħa tal‑bniedem; u hu kien kapaċi jagħmel il‑ħaqq.
9 Għalhekk, huwa wasal ħdejn l‑għolja ta’ Efrajm, u hemm huwa dewweb il‑metall li kien hemm fl‑għolja u għamel xwabel tal‑azzar għal dawk li kien ipperswada biex jimxu warajh; u wara li armahom bix‑xwabel huwa reġa’ lura fil‑belt ta’ Neħor, u mar jiġġieled f’battalja kontra ħuh Koriħor, u b’dal‑mod huwa kiseb għandu s‑saltna u taha lura mill‑ġdid lil missieru Kib.
10 U issa, minħabba dak li għamel Sule, missieru għadda saltna f’idejh; għalhekk huwa beda jsaltan minflok missieru.
11 U ġara li huwa beda jagħmel ħaqq b’mod ġust; u huwa kabbar is‑saltna tiegħu ma’ wiċċ l‑art kollha, għax in‑nies spiċċaw tkattru bil‑kbir.
12 U ġara li Sule wkoll wiled bosta subien u bniet.
13 U Koriħor nidem mill‑bosta għemejjel ħżiena li kien wettaq; għalhekk Sule tah ċerta setgħa fis‑saltna tiegħu.
14 U ġara li Koriħor kellu bosta subien u bniet. U fost ulied Koriħor kien hemm wieħed jismu Noè.
15 U ġara li Noè ħadha kontra Sule, is‑sultan, u anke kontra missieru Koriħor, u ġibed warajh lil ħuh Koħor, kif ukoll lil ħutu kollha u ’l ħafna min‑nies.
16 U huwa mar jiġġieled f’battalja ma’ Sule, is‑sultan, u rnexxielu jieħu f’idejh l‑ewwel art li huma kienu wirtu; u huwa beda jsaltan fuq dik in‑naħa tal‑pajjiż.
17 U ġara li huwa reġa’ mar biex jiġġieled kontra Sule, is‑sultan; u hu ħa għandu lil Sule s‑sultan fl‑eżilju, ġewwa Moron.
18 U ġara li hekk kif hu kien għoddu se joqtlu, daħlu mal‑lejl fid‑dar ta’ Noè wlied Sule u lilu huma qatlu, u mbagħad kissru l‑bieb taċ‑ċella u ħarġu minnha lil missierhom, u poġġewh fuq it‑tron tiegħu f’saltnatu.
19 Għalhekk, bin Noè beda jkabbar is‑saltna tiegħu minfloku; madankollu huma qatt aktar ma reġgħu kisbu s‑setgħa fuq Sule s‑sultan, u n‑nies li kienu taħt is‑saltna ta’ Sule s‑sultan komplew jikbru bil‑kbir fil‑ġid u komplew jissaħħu.
20 U l‑pajjiż inqasam fi tnejn; u kien hemm żewġ saltniet, is‑saltna ta’ Sule, u s‑saltna ta’ Koħor, bin Noè.
21 U Koħor, bin Noè, ordna lin‑nies biex imorru jiġġieldu kontra Sule, f’battalja li fiha Sule ħareġ rebbieħ u qatel lil Koħor.
22 U issa Koħor kellu tifel li kien jismu Nimrod; u Nimrod għadda s‑saltna ta’ Koħor f’idejn Sule, u huwa kiseb il‑fiduċja ta’ Sule; għalhekk Sule sawwab fuqu bosta favuri, u fis‑saltna ta’ Sule hu seta’ jagħmel dak kollu li xtaq.
23 U fost in‑nies li kien hemm fis‑saltna ta’ Sule waslu wkoll profeti, li kienu mibgħuta mill‑Mulej, u huma bdew iħabbru li l‑ħażen u l‑idolatrija tan‑nies kienu se jwasslu biex fuq l‑art taqa’ saħta, u jekk ma jindmux huma kienu se jispiċċaw jinqerdu.
24 U ġara li n‑nies bdew iżebilħu lill‑profeti, u bdew jgħaddu ż‑żmien bihom. U ġara li s‑sultan Sule għamel ħaqq minn dawk kollha li bdew iżebilħu lill‑profeti.
25 U huwa ħareġ liġi mal‑pajjiż kollu, li permezz tagħha lill‑profeti tahom is‑setgħa li setgħu jmorru fejn iridu; u permezz ta’ dan in‑nies spiċċaw twasslu għall‑indiema.
26 U għax in‑nies nidmu minn ħżunithom u mill‑idolatrija tagħhom, il‑Mulej kellu ħniena minnhom, u huma reġa’ beda jkollkom ir‑risq f’arthom. U ġara li fi xjuħitu Sule wiled kemm subien u kemm bniet.
27 U fil‑bqija ta’ ħajtu Sule ma rax aktar gwerer; u huwa ftakar fil‑ħwejjeġ kbar li l‑Mulej kien għamel għal missirijietu fejn huwa wassalhom min‑naħa l‑oħra tal‑baħar fond sal‑art imwiegħda; għalhekk huwa għamel ħaqq b’mod ġust tul ħajtu kollha.