Kapitlu 12
Il‑profeta Għeter iħeġġeġ lin‑nies biex jemmnu f’Alla—Moroni jirrakkonta dwar l‑għeġubijiet u l‑meravilji li seħħew permezz tal‑fidi—Il‑fidi wasslet lil ħu Ġared biex jara ’l Kristu—Il‑Mulej jagħti d‑dgħufija lill‑bnedmin biex huma jkunu umli—Permezz tal‑fidi ħu Ġared ċaqlaq l‑Għolja ta’ Żerin—Il‑fidi, it‑tama, u l‑karità huma essenzjali għas‑salvazzjoni—Moroni ra lil Ġesù wiċċ imb wiċċ.
1 U ġara li Għeter kien jgħix sewwasew fi żmien Kurjantumir; u Kurjantumir kien sultan fuq il‑pajjiż kollu.
2 U Għeter kien profeta tal‑Mulej; għalhekk fi żmien Kurjantumir ġie Għeter u beda jħabbar lin‑nies, għax xejn ma seta’ jżommu minħabba l‑Ispirtu tal‑Mulej li kien jgħammar ġewwa fih.
3 Għax minn sbieħ il‑għodwa sa nżul ix‑xemx huwa beda jħabbar lin‑nies u jħeġġiġhom biex jemmnu f’Alla u jindmu ħalli ma jinqerdux, u hu beda jgħidilhom li permezz tal‑fidi kollox hu possibbli—
4 Għalhekk, min jemmen f’Alla jista’ jittama żgur għal dinja aħjar, iva, sewwasew għal post fuq in‑naħa tal‑lemin ta’ Alla, liema tama tasal permezz tal‑fidi, li sservi bħala ankra għal ruħ il‑bnedmin, u twassalhom biex huma juru fihom determinazzjoni li jżommu sħiħ, u jwettqu dejjem opri tajba u jagħtu glorja lil Alla.
5 U ġara li Għeter ħabbar lin‑nies ħwejjeġ kbar u tal‑għaġeb, liema ħwejjeġ huma m’emmnuhomx, peress li ma rawhomx.
6 U issa, jiena, Moroni, se ngħid xi ħaġa dwar dawn il‑ħwejjeġ; jiena se nuri lid‑dinja li l‑fidi hi dik il‑ħaġa li nittamaw għaliha bla ma nistgħu narawha; għalhekk, toqogħdux targumentaw għax ma tistgħux taraw, għax intom ma tiksbu l‑ebda xhieda qabel mal‑fidi tagħkom tiġi ppruvata.
7 Għax kien permezz tal‑fidi li Kristu wera lilu nnifsu lil missirijietna, wara li huwa qam mill‑imwiet; u hu ma weriex lilu nnifsu lilhom qabel ma huma kellhom il‑fidi fih; għalhekk, kien jeħtieġ li xi wħud ikollhom il‑fidi fih, peress li kien għadu ma weriex lilu nnifsu lid‑dinja.
8 Iżda minħabba l‑fidi tal‑bnedmin huwa wera lilu nnifsu lid‑dinja, u gglorifika isem il‑Missier, u ħejja mezz kif oħrajn setgħu jgawdu d‑don divin, ħalli huma jkunu jistgħu jittamaw għal ħwejjeġ li kienu għadhom ma rawx.
9 Għalhekk, jekk intom ikollkom il‑fidi jista’ jkollkom ukoll it‑tama, u intom tkunu tistgħu tgawdu dan id‑don.
10 Araw, kien permezz tal‑fidi li n‑nies ta’ dari ġew imsejħa permezz tal‑ordni mqaddsa ta’ Alla.
11 Għalhekk, permezz tal‑fidi ġiet mogħtija l‑liġi ta’ Mosè. Iżda permezz tal‑għotja ta’ Ibnu, Alla ħejja mezz ferm aqwa; u dan ġie fis‑seħħ permezz tal‑fidi.
12 Għax jekk ma jkun hemm l‑ebda fidi fost ulied il‑bnedmin Alla ma jista’ jwettaq l‑ebda miraklu fosthom; għalhekk, huwa ma weriex lilu nnifsu lilhom qabel ma huma wrew il‑fidi tagħhom.
13 Araw, kienet il‑fidi ta’ Alma u Amuleki li wasslet biex il‑ħitan tal‑ħabs jikkrollaw.
14 Araw, kienet il‑fidi ta’ Nefi u Leħi li wasslet biex isseħħ bidla fil‑Lamaniti, u huma spiċċaw tgħammdu bin‑nar u bl‑Ispirtu s‑Santu.
15 Araw, kienet il‑fidi ta’ Għammon u ħutu li wasslithom biex iwettqu miraklu daqstant kbir fost il‑Lamaniti.
16 Iva, u sewwasew dawk kollha li wettqu l‑mirakli wettquhom permezz tal‑fidi, sew dawk li għexu qabel Kristu kif ukoll dawk li għexu wara.
17 U kien permezz tal‑fidi li t‑tliet dixxipli ngħataw il‑wegħda li huma mhumiex se jduqu l‑mewt; u l‑wegħda ma ġietx fis‑seħħ qabel ma huma wrew il‑fidi tagħhom.
18 U fl‑ebda żmien ma kien hemm nies li wettqu l‑mirakli qabel ma wrew il‑fidi tagħhom; għalhekk huma l‑ewwel emmnu f’Bin Alla.
19 U kien hemm ħafna li kellhom fidi mill‑aktar qawwija, anke qabel il‑miġja ta’ Kristu, u li ma setgħux jinżammu lil hinn mill‑velu, iżda huma tassew raw b’għajnejhom il‑ħwejjeġ li kienu raw b’għajn ta’ fidi, u huma ferħu bil‑kbir.
20 U araw, f’dan ir‑rakkont aħna rajna li wieħed minnhom kien ħu Ġared; għax il‑fidi tiegħu f’Alla tant kienet kbira, li meta Alla ħareġ sebgħu, huwa ma setax jaħbih u jżomm lil ħu Ġared milli jarah, minħabba l‑wegħda li kien għamel miegħu, liema wegħda raha tiġi fis‑seħħ permezz tal‑fidi.
21 U wara li ħu Ġared ra s‑saba’ tal‑Mulej, minħabba l‑wegħda li raha tiġi fis‑seħħ permezz tal‑fidi, il‑Mulej ma kien hemm xejn xi jżommu milli juri lil ħu Ġared; għalhekk huwa wrieh kull ħaġa, għax huwa ma setax jinżamm aktar lil hinn mill‑velu.
22 U huwa permezz tal‑fidi li l‑wegħda li ngħatat lil missirijieti ġiet fis‑seħħ, li dawn il‑ħwejjeġ kellhom jaslu għand ħuthom permezz tal‑Ġentili; huwa għalhekk li l‑Mulej, l‑istess Ġesù Kristu, tani dan il‑kmandament.
23 U jien għidtlu: Mulej, il‑Ġentili se jispiċċaw iwaqqgħu dawn il‑ħwejjeġ għaż‑żufjett, minħabba d‑dgħufija f’kitbietna; għax Mulej inti lilna tajtna l‑qawwa fil‑kelma permezz tal‑fidi, iżda ma tajtniex il‑qawwa fil‑kitba; għax lil dawn in‑nies kollha tajthom l‑abbiltà li jitkellmu, minħabba l‑Ispirtu s‑Santu li inti sawwabt fuqhom;
24 U inti ridt li aħna nkunu nistgħu niktbu iżda mhux wisq, minħabba d‑dgħufija ta’ jdejna. Ara, inti ma tajtniex il‑qawwa li niktbu bħalma tajt lil ħu Ġared, għax inti ridt li l‑ħwejjeġ li huwa jikteb ikunu setgħana kif inti int, li jwasslu lill‑bniedem biex jaqrahom.
25 Inti rajt ukoll li kliemna jkun mill‑aktar qawwi u setgħan, minkejja li ma nistgħux niktbuh; għalhekk, meta niktbu aħna nagħrfu dgħufitna, u nispiċċaw nitħawdu kif għandna npoġġu kliemna; u nibżgħu li l‑Ġentili jispiċċaw iwaqqgħu kliemna għaż‑żufjett.
26 U meta jiena għidt dan, il‑Mulej kellimni u qalli: Huma l‑boloh li jwaqqgħuh għaż‑żufjett, iżda huma għad jibku; u l‑grazzja tiegħi hi biżżejjed għal dawk ta’ qalbhom ħelwa, għax huma ma jieħdux vantaġġ minn dgħufitkom;
27 U jekk il‑bnedmin jiġu għandi jiena nurihom dgħufithom. Jien nagħti d‑dgħufija lill‑bnedmin biex huma jkunu umli; u l‑grazzja tiegħi hi biżżejjed għal dawk kollha li jumiljaw ruħhom quddiemi; għax jekk huma jumiljaw ruħhom quddiemi u jkollhom il‑fidi fija, imbagħad jien nara li l‑ħwejjeġ dgħajfa jsiru għalihom ħwejjeġ setgħana.
28 Araw, lill‑Ġentili jiena nurihom dgħufithom, u nurihom li l‑fidi, it‑tama u l‑karità jwassluhom lejja—l‑għajn ta’ kull tjieba.
29 U jiena, Moroni, wara li smajt dan il‑kliem, ħassejtni nitfarraġ u għidt: O Mulej, tkun magħmula t‑tjieba tiegħek, għax jiena naf li inti taġixxi għal ulied il‑bnedmin skont il‑fidi tagħhom;
30 Għax ħu Ġared qal lill‑għolja ta’ Żerin, Qed nordnalek tiċċaqlaq minn postok—u hija ċċaqalqet minn postha. U li kieku ma kellux fidi hija ma kenitx tiċċaqlaq minn postha; għalhekk inti taġixxi wara li l‑bnedmin juru l‑fidi.
31 Għax kien b’dan il‑mod li inti wrejt lilek innifsek lid‑dixxipli tiegħek; għax wara li huma wrew il‑fidi tagħhom, u tkellmu f’ismek, inti wrejt lilek innifsek lilhom b’qawwa kbira.
32 U jien niftakar ukoll li int kont għidt li inti ħejjejt dar għall‑bniedem, iva, sewwasew fost l‑abitazzjonijiet ta’ missierek, li fiha l‑bniedem jista’ jkollu tama li tisboq kull tama oħra; għalhekk il‑bniedem għandu jkollu t‑tama, għax inkella huwa ma jista’ jkollu l‑ebda wirt fil‑post li inti ħejjejt.
33 U niftakar li għidt ukoll li inti ħabbejt lid‑dinja tant li inti tajt ħajtek għad‑dinja, sabiex inti tkun tista’ terġa’ teħodha lura biex tkun tista’ tħejji post għal ulied il‑bnedmin.
34 U issa jiena naf li l‑imħabba li inti għandek lejn ulied il‑bnedmin hija l‑karità; għalhekk, jekk il‑bnedmin ma jkollhomx il‑karità huma ma jistgħux jirtu dak il‑post li inti ħejjejt fl‑abitazzjonijiet ta’ missierek.
35 Għalhekk, permezz ta’ dak li inti għidt, jiena naf li jekk il‑Ġentili ma jkollhomx il‑karità, minħabba d‑dgħufija tagħna, lilhom inti ġġarrab, u toħdilhom lura t‑talenti tagħhom, iva, sewwasew dawk li huma ngħataw, u tagħtihom lil dawk li għandhom bil‑kotra.
36 U ġara li jiena tlabt lill‑Mulej biex jagħti lill‑Ġentili l‑grazzja, ħalli huma jkun jista’ jkollhom il‑karità.
37 U ġara li l‑Mulej qalli: Jekk huma ma jkollhomx il‑karità, lilek tagħmillekx differenza, għax fidil inti kont; għalhekk, ilbiesek se jitnaddfu. U għax inti għaraft dgħufitek inti se tingħata l‑qawwa, liema qawwa se twasslek biex tpoġġi bilqiegħda fil‑post li jien ħejjejt fl‑abitazzjonijiet ta’ missieri.
38 U issa jiena, Moroni, se ngħid saħħa lill‑Ġentili, iva, kif ukoll lil ħuti li tant inħobb, sakemm aħna nerġgħu niltaqgħu quddiem it‑tribunal ta’ Kristu, fejn il‑bnedmin kollha għad ikunu jafu li lbiesi mhuwiex imtebba’ b’demmkom.
39 U mbagħad intom tkunu tafu li jiena rajt lil Ġesù, u li huwa tkellem miegħi wiċċ imb wiċċ, u b’umiltà mill‑aktar sempliċi, sewwasew kif bniedem jitkellem ma’ bniedem ieħor, huwa kellimni bl‑ilsien tiegħi dwar dawn il‑ħwejjeġ;
40 U kulma ktibt huwa ftit, minħabba d‑dgħufija f’kitbieti.
41 U issa, se nħallikom biex tmorru tfittxu lil dan Ġesù li dwaru kitbu l‑profeti u l‑appostli, biex il‑grazzja ta’ Alla l‑Missier, u tal‑Mulej Ġesù Kristu, u tal‑Ispirtu s‑Santu, li jixhed għalihom, tkun magħkom u tgħammar fikom għal dejjem. Ammen.