Skrittura
Għeter 13


Kapitlu 13

Għeter jitkellem dwar Ġerusalemm il‑Ġdida li għandha tinbena fl‑Amerika minn nisel Ġużeppi—Huwa jħabbar, jitkeċċa ’l barra, jikteb l‑istorja tal‑Ġarediti, u jbassar il‑qerda tal‑Ġarediti—Il‑gwerra tinfirex mal‑pajjiż kollu.

1 U issa jiena, Moroni, se ngħaddi biex intemm l‑istorja tiegħi dwar il‑qerda tan‑nies li dwarhom kont qed nikteb.

2 Għax araw, huma ċaħdu dak kollu li qal Għeter; għax hu kellimhom tassew dwar kull ħaġa, sa mill‑bidu tal‑bniedem; u li wara li marru l‑ilmijiet minn fuq wiċċ din l‑art hija saret art magħżula, aqwa minn kull art oħra, art magħżula mill‑Mulej; għalhekk il‑Mulej ried li n‑nies kollha li jgħammru fiha jaqdu lilu;

3 U hi kienet il‑post li fih se jkun hemm Ġerusalemm il‑Ġdida, li se tinżel mis‑smewwiet, kif ukoll is‑santwarju mqaddes tal‑Mulej.

4 Araw, Għeter ra żmien Kristu, u huwa tkellem dwar Ġerusalemm il‑Ġdida li se tkun tinsab fuq din l‑art.

5 U huwa tkellem ukoll dwar id‑dar ta’ Iżrael, u dwar Ġerusalemm li minnha għandu jiġi Leħi—u wara li tinqered hija terġa’ tinbena mill‑ġdid bħala belt qaddisa għall‑Mulej; għalhekk, hija ma tistax tkun Ġerusalemm ġdida għax kienet ilha minn żmien il‑qedem; iżda hija għandha tinbena mill‑ġdid, u se tkun belt qaddisa tal‑Mulej; u se tinbena għad‑dar ta’ Iżrael—

6 U Ġerusalemm il‑Ġdida għandha tinbena fuq din l‑art, għall‑fdal ta’ nisel Ġużeppi, għal liema ħwejjeġ kien hemm raffigurazzjoni.

7 Għax kif Ġużeppi wassal biex missieru jinġieb fl‑art tal‑Eġittu, huwa spiċċa biex miet hemmhekk; għalhekk, il‑Mulej wassal biex jinġieb fdal ta’ nisel Ġużeppi mill‑art ta’ Ġerusalemm, biex hu jkun jista’ juri ħniena mal‑fdal ta’ nisel Ġużeppi sabiex huma ma jinqerdux, l‑istess kif huwa wera ħniena ma’ missier Ġużeppi sabiex huwa ma jinqeridx.

8 Għalhekk, il‑fdal ta’ dar Ġużeppi se jwaqqaf daru fuq din l‑art; u din se tkun l‑art ta’ wirthom; u huma sejrin jibnu belt qaddisa għall‑Mulej, l‑istess bħal Ġerusalemm tal‑qedem; u huma mhu se jitħalltu ma’ ħadd aktar, sakemm jasal it‑tmiem, meta d‑dinja tispiċċa.

9 U se jkun hemm sema ġdida u art ġdida; u se jkunu jixbhu lil ta’ qabilhom, bid‑differenza li ta’ qabilhom issa għabu, u kollox sar ġdid.

10 Imbagħad titfaċċa Ġerusalemm il‑Ġdida; u henjin dawk li jgħammru fiha, għaliex dawn huma dawk li bajdu lbieshom permezz ta’ demm il‑Ħaruf; u huma dawk li huma magħduda fost il‑fdal ta’ nisel Ġużeppi, li kienu parti mid‑dar ta’ Iżrael.

11 Imbagħad titfaċċa wkoll Ġerusalemm tal‑qedem; u henjin dawk li jgħammru fiha għax huma ġew maħsula f’demm il‑Ħaruf; u dawn huma dawk li spiċċaw imxerrdin u li nġabru mill‑erba’ rkejjen tad‑dinja, u mill‑artijiet tat‑tramuntana, u li se jgawdu mit‑twettiq tal‑patt li Alla għamel ma’ missierhom Abraham.

12 U meta jseħħu dawn il‑ħwejjeġ, huma jġibu fis‑seħħ l‑iskrittura li tgħid, hemm dawk li kienu l‑ewwel li għad ikunu l‑aħħar; u hemm dawk li kienu l‑aħħar li għad ikunu l‑ewwel.

13 U kont għoddni se nikteb aktar, iżda ġejt miżmum milli nagħmel dan; imma kbar u tal‑għaġeb kienu l‑profeziji ta’ Għeter; iżda lilu qisuh bħallikieku mhu xejn, u keċċewh ’il barra; u mal‑jum mar jistaħba ġo għar, u mal‑lejl mar jara minn xiex kellu jgħaddi l‑poplu.

14 U waqt li kien qed jgħammar ġewwa l‑għar huwa kiteb il‑kumplament ta’ dan ir‑rakkont, fejn mal‑lejl seta’ jara l‑qerda li laqtet lill‑poplu.

15 U ġara li f’dik l‑istess sena li fiha ġie mkeċċi ’l barra minn fost il‑poplu, faqqgħet gwerra kbira fost il‑poplu, fejn kienu ħafna l‑irġiel setgħana li marru biex jippruvaw jeqirdu lil Kurjantumir permezz tal‑pjanijiet sigrieti kollha ħażen li dwarhom tkellimt qabel.

16 U issa Kurjantumir, li hu stess kien studja t‑tattiċi tal‑gwerra u l‑qerq tad‑dinja, spiċċa b’hekk jaffronta lil dawk kollha li ppruvaw jeqirduh.

17 Iżda huwa baqa’ ma nidimx, u l‑istess is‑sbieħ uliedu; u l‑istess is‑sbieħ ulied Koħor; u l‑istess is‑sbieħ ulied Koriħor; f’kelma waħda, ma kien hemm ħadd fuq wiċċ l‑art kollha minn fost is‑sbieħ uliedhom, is‑subien u l‑bniet, li nidem minn dnubietu.

18 Għalhekk, ġara li fl‑ewwel sena li Għeter beda jgħammar ġewwa l‑għar, kien hemm bosta nies li sfaw maqtula permezz tax‑xabla, minn dawk li kienu jagħmlu parti mill‑alleanzi sigrieti, li kienu qed jiġġieldu kontra Kurjantumir biex ikunu jistgħu jieħdu f’idejhom is‑saltna.

19 U ġara li wlied Kurjantumir tqabdu bil‑kbir u tilfu ħafna demm.

20 U fit‑tieni sena Għeter sema’ l‑kelma tal‑Mulej tgħidlu li huwa kellu jmur u jħabbar lil Kurjantumir li jekk huwa jindem, u l‑istess in‑nies kollha ta’ daru, il‑Mulej kien lest jagħtih saltnatu u jkollu ħniena mill‑poplu—

21 Iżda jekk le, huma jispiċċaw jinqerdu lkoll, u l‑istess in‑nies kollha ta’ daru, minbarra hu. U l‑unika raġuni għalfejn hu jibqa’ ħaj hi sabiex huwa jkun jista’ jara l‑profeziji jiġu fis‑seħħ, liema profeziji tkellmu dwar nies oħra li għad jirċievu għandhom l‑art biex jgħammru fiha; u se jkunu huma li jidfnu lil Kurjantumir; u kulħadd se jispiċċa jinqered minbarra Kurjantumir.

22 U ġara li Kurjantumir baqa’ ma nidimx, u l‑istess in‑nies ta’ daru, u l‑poplu; u l‑gwerer ma waqfux; u huma ppruvaw joqtlu lil Għeter, iżda huwa ħarab minn quddiemhom u reġa’ mar jistaħba ġewwa l‑għar.

23 U ġara li qam wieħed jismu Sared, u huwa mar jiġġieled ukoll f’battalja kontra Kurjantumir; u spiċċa għelbu, hekk li fit‑tielet sena huwa qabdu u ħadu fl‑eżilju.

24 U fir‑raba’ sena, ulied Kurjantumir għelbu lil Sared, u huma reġgħu għaddew is‑saltna f’idejn missierhom.

25 Issa ngħata bidu għal gwerra fuq wiċċ l‑art kollha, fejn kull raġel flimkien mat‑tajfa tiegħu beda jiġġieled għal dak li ried.

26 U kien hemm il‑briganti, u fi kliem ieħor, kien hemm kull xorta ta’ ħażen fuq wiċċ l‑art kollha.

27 U ġara li Kurjantumir inkorla bil‑kbir għal Sared, u mar biex jaffrontah f’battalja flimkien mal‑armati tiegħu; u huma affrontaw lil xulxin f’saħna kbira, u affrontaw lil xulxin ġewwa l‑wied ta’ Gilgal; u l‑battalja saret waħda mill‑aktar qalila.

28 U ġara li Sared dam jitqabad miegħu għal tlett ijiem sħaħ. U Kurjantumir spiċċa għelbu, u baqa’ jimxi warajh sakemm wasal fil‑wita ta’ Ħeslon.

29 U ġara li Sared reġa’ beda jiġġieled miegħu f’battalja fuq il‑wita; u araw, huwa għeleb lil Kurjantumir, u ġiegħlu jerġa’ lura lejn il‑wied ta’ Gilgal.

30 U Kurjantumir reġa’ spiċċa f’battalja ma’ Sared fil‑wied ta’ Gilgal, li fiha huwa għeleb lil Sared u qatlu.

31 U Sared darab lil Kurjantumir f’kuxxtejh, u minħabba f’hekk dam sentejn sħaħ ma jmur għall‑battalja, u dan kien żmien fejn in‑nies kollha li kien hemm fuq wiċċ l‑art infexxew joqtlu, u ma kien hemm ħadd min iżommhom.