Kapitlu 2
Il‑Ġarediti jħejju ruħhom għall‑vjaġġ tagħhom lejn l‑art imwiegħda—Art li hi aqwa minn kull art oħra u li fiha l‑bnedmin jeħtieġ li jaqdu lil Kristu, għax jekk le jispiċċaw jinqerdu—Il‑Mulej ikellem lil ħu Ġared għal tliet sigħat sħaħ—Il‑Ġarediti jibnu l‑braken—Il‑Mulej jitlob lil ħu Ġared biex jipproponi mod kif jista’ jdawwal il‑braken.
1 U ġara li Ġared u ħuh, u l‑familji tagħhom, kif ukoll sħab Ġared u ħuh, u l‑familji tagħhom, niżlu fil‑wied li kien hemm fin‑naħa tat‑tramuntana, (u dan il‑wied kien jismu Nimrod, li kien imsemmi għall‑kaċċatur qalbieni) flimkien mal‑merħliet tagħhom ta’ kull għamla li huma ġabru flimkien, sew irġiel u sew nisa.
2 U huma poġġew ukoll in‑nases u qabdu t‑tajr tal‑ajru; u ħejjew ukoll ġarra li fiha ġarrew magħhom il‑ħut tal‑ilmijiet.
3 U huma ġarrew magħhom ukoll deżeret, li nistgħu ninterpretawha li tfisser naħla tal‑għasel; u b’hekk huma ġarrew magħhom frieħ tan‑naħal, u kull xorta ta’ ħwejjeġ li kien hemm fuq wiċċ l‑art, u żerriegħa ta’ kull għamla.
4 U ġara li meta huma niżlu fil‑wied ta’ Nimrod niżel hemm il‑Mulej u mar ikellem lil ħu Ġared; u hu kien jinsab ġo sħaba, u ħu Ġared ma setax jarah.
5 U ġara li l‑Mulej ordnalhom sabiex jerħulha lejn ix‑xagħri, iva, lejn dawk l‑inħawi fejn l‑ebda bniedem qatt ma kien mar qabel. U ġara li l‑Mulej mar quddiemhom biex jiggwidahom, u beda jkellimhom waqt li baqa’ bilwieqfa ġo sħaba, u qalilhom ’il fejn għandhom imorru.
6 U ġara li huma baqgħu mexjin fix‑xagħri, u bnew il‑braken, li permezz tagħhom qasmu għadd ta’ ibħra, u huma kienu mmexxijin kontinwament permezz ta’ id il‑Mulej.
7 U l‑Mulej ma riedhomx li jieqfu fix‑xagħri man‑naħa l‑oħra tal‑baħar, iżda huwa riedhom li jaslu sewwasew fl‑art imwiegħda, li hija art aqwa minn kull art oħra, liema art il‑Mulej Alla baqa’ jħarisha sabiex fiha jgħammar poplu ġust.
8 U fil‑qilla tiegħu huwa ħalef ma’ ħu Ġared li dawk li kienu se jgħammru f’din l‑art imwiegħda, minn dak iż‑żmien ’il quddiem u għal dejjem, jeħtieġ li jaqdu lilu, l‑uniku Alla veru, għax jekk ma jagħmlux dan huma jispiċċaw jinqerdu, hekk kif huma jintlaqtu mill‑milja tal‑qilla tiegħu.
9 U issa, aħna nistgħu nifhmu d‑digrieti ta’ Alla fejn tidħol din l‑art, li hija art imwiegħda; u kull ġens li jgħammar fiha għandu jaqdi lil Alla, għax jekk le, niesu jispiċċaw jinqerdu, hekk kif huma jintlaqtu mill‑milja tal‑qilla tiegħu. U huma jintlaqtu mill‑milja tal‑qilla tiegħu waqt li jkunu misjurin waħda sew fi ħżunithom.
10 Għax araw, din hija art aqwa minn kull art oħra; għalhekk, min jgħammar fiha għandu jaqdi lil Alla, għax jekk le, jispiċċa jinqered; għax dan huwa d‑digriet etern ta’ Alla. U huma mhumiex se jinqerdu qabel mal‑milja tal‑ħażen tkun ħakmet sew lil ulied din l‑art.
11 U dan ir‑rakkont qed jasal għandkom, O Ġentili, biex intom tagħrfu d‑digrieti ta’ Alla—biex intom tindmu, u ma tkomplux għaddejjin fi ħżunitkom sakemm tinħakmu minnhom waħda sew, biex intom ma tistednux fuqkom il‑milja tal‑qilla ta’ Alla kif għamlu s’issa dawk li għammru f’din l‑art.
12 Araw, din hija art aqwa minn kull art oħra, u kull ġens li jgħammar fiha se jkun ħieles mill‑jasar, u mill‑eżilju, u minn kull ġens ieħor mis‑sema ’l isfel, jekk huma jibqgħu jaqdu ’l Alla tal‑art, li huwa Ġesù Kristu li ġie żvelat lilkom permezz tal‑ħwejjeġ li aħna ktibna.
13 U issa jien se nkompli bir‑rakkont tiegħi; għax araw, ġara li l‑Mulej mexxa lil Ġared u lil ħutu sewwasew sa dak il‑baħar il‑kbir li jifred l‑artijiet. U kif waslu ħdejn il‑baħar huma waqqfu t‑tined tagħhom; u semmew il‑post Morjankumer; u huma bdew jgħixu fit‑tined, u damu jgħixu fit‑tined ħdejn xatt il‑baħar għal erba’ snin sħaħ.
14 U ġara li kif għaddew l‑erba’ snin il‑Mulej reġa’ żar lil ħu Ġared, u lilu beda jkellem waqt li kien wieqaf ġo sħaba. U l‑Mulej għadda tliet sigħat sħaħ jitkellem ma’ ħu Ġared, u tah tbeżbiża minħabba li huwa kien nesa jsejjaħ isem il‑Mulej.
15 U ħu Ġared nidem mill‑ħażen li huwa wettaq, u hu beda jsejjaħ isem il‑Mulej f’isem ħutu li kienu miegħu. U l‑Mulej qallu: Jiena se naħfer dnubietek u dnubiet ħutek; iżda araw li ma tidinbux aktar, għax jeħtieġ li intom tiftakru li l‑Ispirtu tiegħi ma jibqax jgħammar dejjem mal‑bniedem; għalhekk, jekk intom tibqgħu tidinbu sakemm tkunu misjurin waħda sew, intom tispiċċaw tinqatgħu mill‑preżenza tal‑Mulej. U dawn huma ħsibijieti dwar l‑art li jien se nagħtikom biex tgħammru fiha; għax hija se tkun art aqwa minn kull art oħra.
16 U l‑Mulej qal: Fittxu morru aħdmu u ibnu l‑braken, bl‑istess mod kif bnejtuhom qabel. U ġara li ħu Ġared mar jaħdem flimkien ma’ ħutu u beda jibni l‑braken bl‑istess mod kif kienu bnewhom qabel, kif kien spjegalhom il‑Mulej. U huma kienu magħmulin żgħar, u kienu ħfief fuq l‑ilma, sewwasew daqs kemm kienet ħafifa tajra fuq l‑ilma.
17 U huma kienu mibnijin b’tali mod li kienu reżistenti sew għall‑ilma, hekk li setgħu jżommu l‑ilma fihom bħallikieku kienu xi bieqja; u l‑qiegħ tagħhom kien reżistenti għall‑ilma daqs bieqja; u l‑ġnub tagħhom kienu reżistenti għall‑ilma daqs bieqja; u ż‑żewġ trufijiet estremi tagħhom kienu ġejjin għall‑ponta; u n‑naħa ta’ fuq tagħhom kienet reżistenti għall‑ilma daqs bieqja; u huma kienu twal daqs siġra; u l‑bieb tagħhom, meta magħluq, kien reżistenti għall‑ilma daqs bieqja.
18 U ġara li ħu Ġared sejjaħ lill‑Mulej u qallu: O Mulej, jiena wettaqt il‑ħidma li inti tlabtni nwettaq, u jiena għamilt il‑braken skont kif urejtni int.
19 U ara, O Mulej, fihom m’hemm l‑ebda dawl; nitolbok tgħidilna ’l fejn għandna mmorru? U aħna żgur se nispiċċaw mmutu, għax ma fihom l‑ebda arja biex nieħdu nifs; għalhekk se nispiċċaw immutu.
20 U l‑Mulej qal lil ħu Ġared: Ara, irridek tagħmel toqba fis‑saqaf, u oħra mal‑art; u meta tħossu li teħtieġu l‑arja, ikxfu t‑toqba u jkollkom l‑arja. U jekk taraw li jibda dieħel l‑ilma fuqkom, ara, intom għandkom tagħlqu t‑toqba, ma tmorrux tmutu mgħarrqin.
21 U ġara li hu Ġared għamel dan skont kif ordnalu l‑Mulej.
22 U huwa reġa’ għajjat lill‑Mulej u qallu: O Mulej, ara, jiena għamilt sewwasew kif ordnajtli int; u jiena ħejjejt id‑dgħajjes għan‑nies tiegħi, u ara ġo fihom m’hemm l‑ebda dawl. Ara! O Mulej, inti tridna naqsmu baħar vast bħal dan fid‑dlam?
23 U l‑Mulej qal lil ħu Ġared: Xi triduni nagħmel biex intom ikollkom id‑dawl fid‑dgħajjes tagħkom? Għax ara, twieqi ma jistax ikollkom, għax jispiċċaw jinqasmu biċċiet; lanqas nar ma tistgħu tieħdu magħkom, għax ma tistgħux tqabbdu n‑nar biex ikollkom id‑dawl.
24 Għax ara, bħal balena f’nofs il‑baħar intom se tkunu; għax il‑mewġ ġgantesk fuqkom sejjer iħabbat. Madankollu, lilkom jiena nerġa’ ntella’ minn qiegħ il‑baħar; għax minn ħalqi l‑irwiefen ħarġu, u kont jiena wkoll li bgħatt ix‑xita u l‑għargħar.
25 U ara, lilkom jiena se nħejjikom kontra dan kollu; għax intom ma tistgħux taqsmu dawn l‑abbissi l‑kbar jekk lilkom jiena ma nħejjix kontra l‑mewġ tal‑baħar, u l‑irwiefen li minn ħalqi ħarġu, u l‑għargħar li tiltaqgħu magħhom. Għalhekk xi triduni nħejjilkom biex intom ikollkom id‑dawl meta intom tinbelgħu f’qiegħ il‑baħar?