Skrittura
Għeter 3


Kapitlu 3

Ħu Ġared jara s‑saba’ tal‑Mulej hekk kif Huwa jmiss sittax‑il ġebla—Kristu juri l‑ġisem spirtu tiegħu lil ħu Ġared—Dawk li għandhom għarfien perfett ma jistgħux jinżammu milli jmorru lil hinn mill‑velu—Jiġu pprovduti l‑interpreti biex tinġieb għad‑dawl l‑istorja tal‑Ġarediti.

1 U ġara li ħu Ġared, (issa l‑għadd ta’ dgħajjes li ġew imħejjija kien tmienja) tela’ fuq il‑muntanja, li semmewha l‑muntanja Selem, minħabba l‑għoli tagħha, u minn blata huwa dewweb sittax‑il ġebla żgħira; u l‑ġebel kien abjad u ċar, qisu ħġieġ ileqq; u hu ġarrhom f’idejh sal‑quċċata tal‑muntanja, u huwa reġa’ sejjaħ lill‑Mulej u qal:

2 O Mulej, inti għidt li aħna se nispiċċaw imdawrin bil‑mewġ minn kull naħa. Issa ara, O Mulej, la turix l‑għadab tiegħek mal‑qaddej tiegħek minħabba d‑dgħufija tiegħu quddiemek; għax aħna nafu li inti qaddis u tgħammar fis‑smewwiet, u nafu li aħna m’aħniex denji quddiemek; minħabba l‑waqgħa, in‑natura tagħna saret ħażina kontinwament; madankollu, O Mulej, inti tajtna kmandament biex aħna lilek insejħu, biex mingħandek nkunu nistgħu nirċievu skont xewqatna.

3 Ara, O Mulej, inti lilna sawwatt minħabba ħżunitna, u lilna keċċejt ’il barra minn artna, u aħna ilna das‑snin kollha fix‑xagħri; madankollu, inti dejjem kellek ħniena minna. O Mulej, ikollok ħniena minni, u raġġa’ lura l‑għadab tiegħek minn dan il‑poplu tiegħek, u tħallihomx imorru jaqsmu dan il‑baħar qalil fid‑dlam; iżda nitolbok tħares lejn dawn il‑biċċiet li jiena dewwibt mill‑blata.

4 U jiena naf, O Mulej, li inti għandek kull qawwa, u li tista’ tagħmel dak kollu li trid għall‑ġid tal‑bniedem; għalhekk nitolbok biex tmiss dawn il‑ġebliet b’subgħajk, O Mulej, u ħejjihom sabiex jiddu fid‑dlam; u biex huma jibdew jiddu ġod‑dgħajjes li aħna ħejjejna, biex aħna jkun jista’ jkollna d‑dawl waqt li nkunu qegħdin naqsmu l‑baħar.

5 Ara, O Mulej, inti tista’ tagħmel dan. Aħna nafu li inti kapaċi turi qawwa daqstant kbira, liema qawwa taf tidher żgħira għal għarfien il‑bniedem.

6 U ġara li meta ħu Ġared qal dan il‑kliem, araw, il‑Mulej medd idu u mess il‑ġebliet b’sebgħu, waħda waħda. U l‑velu ttieħed minn quddiem għajnejn ħu Ġared, u huwa ra s‑saba’ tal‑Mulej; u sebgħu kien jixbah is‑saba’ ta’ bniedem, qisu tad‑demm u l‑laħam; u ħu Ġared inxteħet mal‑art quddiem il‑Mulej, għax huwa nħakem minn biża’.

7 U l‑Mulej ra li ħu Ġared inxteħet mal‑art; u l‑Mulej qallu: Qum, għalfejn inxħett mal‑art?

8 U huwa qal lill‑Mulej: Jiena rajt is‑saba’ tal‑Mulej, u bżajt li ma jmurx jidrobni; għax jien ma kontx naf li l‑Mulej kellu ġisem tad‑demm u l‑laħam.

9 U l‑Mulej qallu: Minħabba l‑fidi tiegħek int stajt tara li jiena se jkolli ġisem tad‑demm u l‑laħam; u l‑ebda bniedem ieħor qatt ma ġie quddiemi b’fidi daqshekk kbira daqs kemm għandek int; u li kieku ma kienx hekk int ma kontx tkun tista’ tara subgħi. Inti rajt aktar minn dan?

10 U huwa wieġeb: Le; Mulej, nitolbok biex turi lilek innifsek lili.

11 U l‑Mulej qallu: Temmen inti l‑kliem li jien se ngħid?

12 U huwa wieġeb: Iva, Mulej, jiena naf li inti tgħid il‑verità, għax inti Alla tal‑verità, u ma tistax tgħid kelma b’oħra.

13 U meta huwa qal dan il‑kliem, araw, il‑Mulej wera lilu nnifsu lilu, u qal: Minħabba l‑għarfien li għandek ta’ dawn il‑ħwejjeġ inti se tkun mifdi mill‑waqgħa; għalhekk inti se tinġieb lura quddiemi; għalhekk jiena se nuri lili nnifsi lilek.

14 Ara, jiena hu dak li ġejt imħejji sa mill‑ħolqien tad‑dinja biex nifdi lill‑poplu tiegħi. Ara, jiena Ġesù Kristu. Jiena l‑Missier u l‑Iben. Fija l‑bnedmin kollha se jkollhom il‑ħajja, il‑ħajja ta’ dejjem, sewwasew dawk kollha li jemmnu f’ismi; u huma jsiru wliedi.

15 U jiena qatt ma wrejt lili nnifsi lil xi bniedem li jiena ħlaqt, għax ma kien hawn ħadd li kellu fidi fija daqs kemm għandek int. Int qed tara li inti ġejt maħluq fi xbieha tiegħi? Iva, il‑bnedmin kollha fil‑bidu ġew maħluqa sewwasew fi xbieha tiegħi.

16 Ara, dan il‑ġisem, li inti qed tara, huwa ġisem l‑ispirtu tiegħi; u l‑bniedem jiena ħlaqt fi xbieha ta’ ġisem l‑ispirtu tiegħi; u bl‑istess mod kif qed nidher quddiemek fl‑ispirtu jiena se nkun qed nidher quddiem il‑poplu tiegħi fil‑ġisem.

17 U issa, kif jiena, Moroni, għidt li ma nistax nikteb rakkont sħiħ ta’ dak kollu li jinsab miktub, għalhekk ikun biżżejjed għalija li ngħid li Ġesù wera lilu nnifsu lil dan il‑bniedem fl‑ispirtu, sewwasew bl‑istess mod, u fi xbieha tal‑istess ġisem, kif huwa wera lilu nnifsu lin‑Nefiti.

18 U lilu beda jaqdi kif huwa qeda lin‑Nefiti; u hu għamel dan kollu biex dan il‑bniedem seta’ jkun jaf li huwa kien Alla, minħabba l‑bosta għemejjel kbar li wrieh il‑Mulej.

19 U minħabba l‑għarfien li kellu dal‑bniedem, huwa ma setax jinżamm lura milli jara lil hinn mill‑velu; u huwa ra s‑saba’ ta’ Ġesù, u hekk kif rah, huwa waqa’ mal‑art bil‑biża’; għax hu kien jaf li kien is‑saba’ tal‑Mulej; u issa ma kellux aktar fidi, għax huwa sar jaf, mingħajr ebda dubju.

20 Għalhekk, minħabba li hu kellu dan l‑għarfien perfett ta’ Alla, huwa ma setax jinżamm lura milli jara lil hinn mill‑velu; għalhekk huwa ra lil Ġesù; u lilu huwa beda jaqdi.

21 U ġara li l‑Mulej qal lil ħu Ġared: Tħallix li dawn il‑ħwejjeġ li inti rajt u smajt issir taf bihom id‑dinja, sa ma jasal iż‑żmien li jiena nigglorifika ismi fil‑ġisem; għalhekk, ara li tħares sewwa dak li inti rajt u smajt, u ma tiżvelah ma’ ħadd.

22 U meta inti tiġi għandi, ara li tikteb dan u tissiġillah, biex ħadd ma jkun jista’ jinterpretah; għax inti għandek tiktbu b’lingwa li ħadd ma jkun jista’ jaqraha.

23 U ara, jien se nagħtik dawn iż‑żewġ ġebliet, u inti għandek tissiġillahom ukoll ma’ dak li se tikteb.

24 Għax ara, jiena ħawwadt il‑lingwa li inti se tikteb biha; għalhekk jiena se nara li fiż‑żmien li nagħżel jien, dawn il‑ġebliet se jwasslu sabiex għajnejn il‑bnedmin jifhmu b’mod ċar il‑ħwejjeġ li inti se tikteb.

25 U meta huwa qal dan il‑kliem, il‑Mulej wera lil ħu Ġared il‑bnedmin kollha li qatt għammru fid‑dinja, kif ukoll il‑dawk li għad iridu jgħammru fiha; u huwa ma baqax lura milli jurihomlu, sewwasew minn tarf sa tarf tad‑dinja.

26 Għax qabel kien qallu li jekk huwa jemmen fih, hu kien sejjer jurih kull ħaġa—hu kien lest jurih kollox; għalhekk il‑Mulej ma kien hemm xejn xi jżommu milli jurih, għax hu kien jaf li l‑Mulej kien lest jurih kollox.

27 U l‑Mulej qallu: Ikteb dawn il‑ħwejjeġ u ssiġillahom; u meta jiena nħoss li jkun il‑waqt jien nurihom lil ulied il‑bnedmin.

28 U ġara li l‑Mulej ordnalu biex jissiġilla ż‑żewġ ġebliet li kien irċieva, u ma jurihom lil ħadd, saż‑żmien li fih il‑Mulej jurihom lil ulied il‑bnedmin.