2010-2019
Barkiet tat-Tempju
April 2015


Barkiet tat-Tempju

Hekk kif nattendu t-tempju, nistgħu niksbu dimensjoni ġdida ta’ spiritwalità u sentimenti ta’ paċi.

Għeżież ħuti, kemm jien grat li ninsab hawn magħkom f’ din l-għodwa sabiħa tal-Għid meta ħsibijietna jduru lejn is-Salvatur tad-dinja. Jiena nilqagħkom ilkoll u nestendi l-imħabba tiegħi lejkom u nitlob li Missierna tas-Smewwiet jispira kliemi.

Din il-konferenza qed tfakkar is-seba’ anniversarju minn meta jiena ġejt sostnut bħala l-President tal-Knisja. Kienu snin ta’ ħidma kbira, fejn esperjenzajna mhux biss xi ftit ta’ sfidi iżda wkoll barkiet bla għadd. Fost il-barkiet l-aktar sbieħ u sagri jien kelli l-opportunità li niddedika u niddedika mill-ġdid numru ta’ tempji.

L-aktar wieħed riċenti, kien f’ Novembru li għadda meta kelli l-privileġġ li niddedika t-Tempju ġdid u sabiħ ta’ Phoenix, Arizona. Flimkien miegħi kien hemm ukoll il-President Dieter F. Uchtdorf, il-Presbiteru Dallin H. Oaks, il-Presbiteru Richard J. Maynes, il-Presbiteru Lynn G. Robbins, u l-Presbiteru Kent F. Richards. F’ lejliet id-dedikazzjoni, ittellgħet ċelebrazzjoni kulturali meraviljuża fejn ’il fuq minn 4,000 żagħżugħ u żagħżugħa mid-distrett tat-tempju taw preżentazzjoni mill-isbaħ. L-għada ġie ddedikat it-tempju fi tliet sezzjonijiet sagri u li jispirawk.

Il-bini ta’ tempji hija indikazzjoni mill-aktar ċara kemm il-Knisja qed tikber. Bħalissa għandna 144 tempju joperaw madwar id-dinja, b’ 5 oħra qed jiġu rrinovati u 13-il tempju ieħor għadu qed jinbena. Barra minn dawn, 13-il tempju ieħor li kienu ġew imħabbra qabel jinsabu fi stadji differenti ta’ tħejjija qabel jibda x-xogħol tal-bini. Din is-sena qed nantiċipaw li se nerġgħu niddedikaw 2 tempji u se niddedikaw 5 tempji ġodda li suppost għandhom ikunu lesti.

Dawn l-aħħar sentejn, hekk kif iddedikajna l-isforzi tagħna li nlestu dawk it-tempji li kienu diġà tħabbru qabel, poġġejna ftit fil-ġenb ċerti pjanijiet għal tempji oħra. Dalgħodu, madankollu, għandi pjaċir inħabbar tliet tempji ġodda li se jinbnew f’ dawn il-postijiet: Abidjan, fil-Kosta tal-Ivorju; Port-au-Prince, f’ Ħaiti; u Bangkok, fit-Tajlandja. X’ barka meraviljuża hemm merfuha għall-membri fidil tagħna f’ dawn l-inħawi u, filfatt, kull fejn jinsabu t-tempji madwar id-dinja.

Il-proċess biex naraw x’ inhuma l-bżonnijiet u li nsibu artijiet għal tempji ġodda ma jieqafx, għax aħna nixtiequ li kemm jista’ jkun membri jkollhom l-opportunità li jattendu t-tempju mingħajr ma’ jissagrifikaw wisq il-ħin u r-riżorsi tagħhom. Hekk kif għamilna fil-passat, aħna nżommukom infurmati hekk b’ kull deċiżjoni li nieħdu f’ dan ir-rigward.

Hekk kif naħseb dwar it-tempji, ħsibijieti jmorru fuq l-għadd ta’ barkiet li nirċievu hemmhekk. Hekk kif nidħlu mill-bibien tat-tempju, aħna nħallu warajna d-distrazzjoni u l-konfużjoni tad-dinja. Ġewwa dan is-santwarju sagru, aħna nsibu s-sbuħija u l-ordni. Insibu l-mistrieħ għal ruħna u serħan mill-problemi ta’ ħajjitna.

Hekk kif nattendu t-tempju, nistgħu niksbu dimensjoni ġdida ta’ spiritwalità u sentimenti ta’ paċi li jittraxxendu kull sentiment ieħor li jista’ jinfiltra l-qalb umana. Hemmhekk nifhmu t-tifsira vera ta’ kliem is-Salvatur meta qal: ”Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi. …Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’.”1

Dan it-tip ta’ sliem jista’ jippenetra kull qalb—qlub li tinsabu mġarrbin, qlub li jinsabu mtaqqlin bin-niket, qlub li jħossuhom konfużi u qlub li qed jitkarrbu għall-għajnuna.

M’ilux sirt naf dwar wieħed żagħżugħ li mar ġewwa t-tempju b’ qalbu titkarrab għall-għajnuna. Xhur qabel huwa rċieva s-sejħa tiegħu biex imur iservi missjoni fl-Amerka t’ Isfel. Madankollu, il-visa tiegħu kienet ġiet miżmuma għal żmien tant twil li reġa’ ġie assenjat għal missjoni fl-Istati Uniti. Għalkemm kien iddiżappuntat li ma setgħax iservi fl-inħawi fejn kien ġie msejjaħ oriġinalment, madankollu huwa ħadem iebes fl-essajnment ġdid tiegħu, fejn kien determinat li jservi bil-qawwa tiegħu kollha. Madankollu, huwa beda jaqta’ qalbu minħabba l-esperjenzi negattivi li kellu ma’ xi missjunarji li f’ għajnejh dehru li aktar kienu interessati li jgawdu milli jaqsmu l-evanġelju.

Ftit xhur wara, dan iż-żagħżugħ sofra attakk serju fuq saħtu li ħallieh nofsu paralizzat, u għalhekk huwa ġie mibgħut d-dar fuq leave mediku.

Xi xhur wara ż-żagħżugħ fieq kompletament, u dak li kellu sparixxa. Huwa ġie nfurmat li kien seta’ jerġa’ jmur iservi bħala missjunarju, barka li kuljum kien jitlob għaliha. L-uniku aħbar diżappuntanti kienet li huwa kellu jerġa’ lura fl-istess missjoni minn fejn kien telaq, fejn kien ħalla warajh missjunarji li kellhom ċerta mġieba u attitudni li ma tantx kienet xierqa.

Huwa kien mar it-tempju biex jikseb il-faraġ u konferma li huwa seta’ jkollu esperjenza tajba bħala missjunarju. Anke l-ġenituri tiegħu talbu li din iż-żjara fit-tempju tipprovdi l-għajnuna li kien tant teħtieġ binhom.

Hekk kif wara s-sezzjoni dan iż-żagħżugħ daħal fil-kamra ċelestjali, huwa poġġa bilqiegħda u beda jitlob lil Missieru tas-Smewwiet biex jiggwidah.

Ftit ħin warajh daħal fil-kamra ċelestjali żagħżugħ li kien jismu Landon. Hekk kif daħal fil-kamra, għajnejh marru dritt fuq iż-żagħżugħ li kien jinsab bilqiegħda, u jitlob b’ għajnejh magħluqin. Landon ħass fih suġġeriment mill-aktar ċar li kellu jmur ikellem lil dak iż-żagħżugħ. Peress li ma xtaqx itellfu, madankollu, iddeċieda li jistena. Wara li kienu għaddew ftit minuti mhux ħażin, iż-żagħżugħ kienu għadu jitlob. Landon kien jaf li ma setax jipposponi aktar biex jagħmel kif ħass ġo fih. Huwa mar fuq iż-żagħżugħ u bil-mod messu fuq spaltu. Iż-żagħżugħ fetaħ għajnejn, fejn ħassu maħsud li xi ħadd kien mar itellfu. B’ leħen sieket Landon qal, ”Ħassejt li kelli bżonn inkellmek, għalkemm mhux ċert għalfejn.”

Hekk kif bdew jitkellmu bejniethom, iż-żagħżugħ fetaħ qalbu ma’ Landon, fejn spjegalu ċ-ċirkustanzi tiegħu u fl-aħħar tkellem miegħu dwar ix-xewqa li kellu li jikseb il-faraġ u l-kuraġġ għall-missjoni tiegħu. Landon, li kien ilu biss sena li ġie lura minn missjoni li temm b’ suċċess, kellmu dwar l-esperjenzi tiegħu fil-missjoni, l-isfidi u l-problemi li ħabbat wiċċu magħhom, il-mod li bih dar fuq il-Mulej għall-għajnuna u l-barkiet li huwa rċieva. Kliemu kien verament ta’ faraġ u ta’ serħan il-moħħ u l-entużjażmu tiegħu għall-missjoni tiegħu kien xi ħaġa li wieħed jixtieqa. Eventwalment, hekk kif dan iż-żagħżugħ bdiet tonqoslu l-biżż’, beda jħossu jinħakem minn sentimenti ta’ paċi. Huwa ħass fih gratitudni kbira hekk kif intebaħ li t-talba tiegħu ġiet imwieġba.

Iż-żewġ żgħażagħ talbu flimkien, u mbagħad Landon ħejja biex jitlaq, kuntent li huwa kien sema’ mill-ispirazzjoni li kien irċieva. Hekk kif kien wasal biex jitlaq, iż-żagħżugħ staqsa lil Landon, ”Fejn qdejt il-missjoni tiegħek?” Sa dak il-ħin, ħadd minnhom ma kien semma’ l-isem tal-missjoni fejn it-tnejn li huma kienu servew. Meta Landon wieġeb x’ kien l-isem tal-missjoni, id-dmugħ beda nieżel ma’ ħaddejn iż-żagħżugħ. Landon kien serva fl-istess missjoni fejn kien se jerġa’ jirritorna ż-żagħżugħ.

F’ ittra li kitibli riċentiment, Landon qasam miegħi l-kliem li lissen iż-żagħżugħ qabel infirdu: ”Jiena kelli fidi li Missierna tas-Smewwiet se jberikni, iżda qatt ma mmaġinajt li kien se jibgħat lil xi ħadd li serva fl-istess missjoni tiegħi. Jiena naf li kollox se jkun sew.”2 It-talba umli ta’ qalb sinċiera kienet ġiet mismugħha u mwieġba.

Għeżież ħuti, f’ ħajjitna se jkollna quddiemna bosta tentazzjoni; se nħabbtu wiċċna wkoll ma’ għadd ta’ sfidi. Hekk kif imorru ġewwa t-tempju, hekk kif niftakru fil-patti li nagħmlu hemm, inkunu kapaċi negħlbu t-tentazzjoni u nħabbtu wiċċna mal-isfidi li jkollna quddiemna. Fit-tempju nistgħu nsibu l-paċi.

Il-barkiet tat-tempju huma imprezzabbli. Waħda mill-barkiet li tagħha jiena grat kuljum f’ ħajti hija dik li l-għażiża marti, Frances, u jien irċevejna hekk kif inżilna għarkubbtejna quddiem l-artal sagru u għamilna ċerti patti li jorbtuna flimkien għall-eternità. Għalija m’hawnx barka aktar prezzjuża mill-paċi u l-faraġ li jiena rċevejt mill-għarfien li għandi li jiena u hi għad nerġgħu nkunu flimkien.

Jalla Missierna tas-Smewwiet iberikkna sabiex ikollna l-ispirtu tal-qima tat-tempju, sabiex inkunu ubbidjenti għall-kmandamenti Tiegħu u ħalli nimxu bir-reqqa wara l-passi tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Jiena nixhed li Hu l-Feddej tagħna. Huwa Iben Alla. Huwa Hu li qam mill-qabar f’ dik l-ewwel għodwa tal-Għid, u miegħu ġab ir-rigal tal-ħajja ta’ dejjem għal ulied Alla kollha. F’ dan il-jum sabiħ, hekk kif niċċelebraw dik il-ġrajja sinifikanti, jalla noffru talba ta’ gratitudni għar-rigali kbar u meraviljużi li tagħna. Li jkun dan, jiena nitlob b’ umiltà fl-isem imqaddes Tiegħu, amen.

Noti

  1. Ġwanni 14:27.

  2. Korrispondenza fil-possessjoni ta’ Thomas S. Monson.