2010-2019
Nitilgħu ’l Fuq Flimkien
April 2015


Nitilgħu ’l Fuq Flimkien

Bħala nisa u rġiel li nżommu l-patti, hemm bżonn li nelevaw lil xulxin u ngħinu lil xulxin sabiex insiru t-tip ta’ nies li jixtieqna nsiru l-Mulej.

Wara d-diskors, il-mużika u t-talb li verament jispirawk u li dejjem iqanqlu l-qlub waqt din il-konferenza ġenerali, ħafna sisters qaluli li l-aktar ħaġa li jieħdu gost biha hi li jaraw lill-membri tal-Ewwel Presidenza u tal-Kworum tat-Tnax ħerġin minn wara dan il-podju flimkien mas-sieħba eterni tagħhom. U mhux kollha kemm aħna nieħdu pjaċir nisimgħu lill-Aħwa jesprimu b’ tant ħlewwa l-imħabba tagħhom għalihom?

Immaġni
President Boyd K. Packer and his wife, Donna, at the Brigham City Utah Temple cornerstone ceremony, 23 September 2012.

Meta kien qed jitkellem dwar il-mara tiegħu Donna, il-President Boyd K. Packer qal, ”Minħabba l-uffiċju li jiena nħaddan, jiena għandi l-obbligu solenni li ngħid il-verità: Hija hi perfetta.”1

Immaġni
President Dieter F. Uchtdorf and his wife.

“Hija l-ferħ ta’ ħajti,”2 qal il-President Dieter F. Uchtdorf dwar martu, Harriet.

Immaġni
President Henry B. Eyring and Sister Eyring at their wedding.

Il-President Henry B. Eyring, meta kien qed jirreferi għal martu, Kathleen, qal, ”Hija persuna li dejjem wasslitni biex inkun l-aqwa li nista’ nkun.”3

Immaġni
LDS Church President Thomas S. Monson gives his wife, Frances, a kiss at their 60th anniversary celebration, 10/6/2008, at the Lion House. The two met in 1944 and were married in the Salt Lake Temple on Oct. 7, 1948.

U l-President Thomas S. Monson, meta kien qed jitkellem dwar il-maħbuba martu Frances, qal, ”Hija kienet l-imħabba ta’ ħajti, il-persuna li kont nafda fiha, u l-akbar ħabiba tiegħi. Li ngħid li nimmissjaha ma jiġġustifikax biżżejjed il-profondità tas-sentimenti tiegħi.”4

Jiena wkoll nixtieq nesprimi l-imħabba tiegħi għas-sieħeb għażiż tiegħi, Craig. Huwa hu rigal prezzjuż li ngħatali! B’ referenza għar-raġel tiegħi, frażi mill-aktar għażiża u sagra li hemm fil-barka patrijarkali tiegħi twiegħed li ħajti u l-ħajja ta’ wliedi se jkunu ”protetti taħt il-protezzjoni tiegħu.” Hija ħaġa mill-aktar ċara għalija li Craig ġab fis-seħħ dik il-wegħda. Fi kliem Mark Twain, jien ngħid li ”ħajja mingħajr [Craig] mhix ħajja.”5 Jien inħobbu, b’ ruħi u qalbi kollha!

Irwoli u Responsabbiltajiet Divini

Illum nixtieq nonora lill-irġiel tagħna, lill-missirijiet, l-aħwa, l-ulied subien u z-zijiet li jafu min huma u li qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iwettqu l-irwoli tagħhom mogħtija minn Alla kif deskritti fil-proklamazzjoni tal-familja, fosthom li jippresiedu fis-sewwa u jipprovdu għall-familji tagħhom u jipproteġuhom. Jekk jogħġobkom nixtieqkom tkunu tafu li jiena, b’ ċertu niket f’ qalbi, konxja li s-suġġett dwar li tkun missier, u tkun omm u dwar iż-żwieġ jaf għal xi wħud ikun diffiċli. Jiena naf li xi membri tal-Knisja jħossu li l-familji tagħhom qatt ma jistgħu jkunu t-tip ta’ familji li huma jaraw bħala ideali. Hawn ħafna li jinsabu mweġġgħin minħabba li jinsabu mwarrbin, abbużati, minħabba xi vizzji fil-familja jew ċerti tradizzjonijiet u kulturi. Mhux se niskuża l-għemejjel ta’ dawk l-irġiel u nisa li, għax riedu jew għax ma kinux jafu aħjar, ikkawżaw l-uġigħ, id-diqa ta’ qalb u d-disperazzjoni fil-familji tagħhom. Iżda llum se nitkellem fuq xi ħaġa oħra.

Jiena konvinta li l-mara tkun miġbuda l-aktar lejn żewġha meta hu jkun qed jaqdi lil Alla fl-irwol tiegħu bħala raġel li jħaddan is-saċerdozju b’ dinjità—speċjalment fil-familja. Jogħġobni ferm u nemmen dan il-kliem li qal il-President Packer lil dawk l-irġiel u missirijiet denji: ”Intom għandkom il-qawwa tas-saċerdozju direttament mingħand il-Mulej sabiex tipproteġu darkom. Ikun hemm mumenti meta l-unika tarka li jkollkom bejn il-familja tagħkom u l-ħsara li jrid jagħmlilkom l-avversarju tkun dik il-qawwa.”6

Mexxejja Spiritwali u Għalliema fid-Dar

Aktar kmieni din is-sena jiena attendejt funeral ta’ raġel ordinarju iżda mill-aktar straordinarju—Don, li jiġi z-ziju ta’ żewġi. Wieħed mit-tfal taz-Ziju Don irrakkonta esperjenza li huwa kellu meta kien għadu tifel ċkejken, ftit wara li l-ġenituri tiegħu kienu xtraw l-ewwel dar tagħhom. Peress li kellhom ħamest itfal x’ jitimgħu u jlibbsu, ma kienx hemm biżżejjed flus biex jinbena ħajt madwar il-ġnien. Peress li kien jieħu b’ serjetà kbira wieħed mill-irwoli divini tiegħu bħala l-protettur tal-familja tiegħu, iz-Ziju Don ħawwel ftit bsaten tal-injam ġo l-art, ħa ftit spag, u rabat l-ispag minn bastun għall-ieħor madwar il-ġnien kollu. Imbagħad huwa sejjaħ ħdejh lil uliedu. Huwa wriehom il-bsaten u l-ispag u spjegalhom li jekk huma jibqgħu ’l ġewwa minn dan is-speċi ta’ ħajt, huma kienu se jkunu ’l bogħod minn kull periklu.

Darba waħda l-għalliema taż-żjajjar bilkemm riedu jemmnu l-għajnejhom hekk kif, waqt li kienu resqin lejn id-dar, huma raw ħamest itfal weqfin ubbidjenti wara l-ispaga, iħarsu b’ xenqa kbira lejn ballun li kien qabeż lil hinn mill-fruntiera tagħhom u spiċċa fit-triq. Wieħed tifel ċkejken mar jiġri jgħajjat lil missieru li, fil-pront, mar jiġri u ġab lura l-ballun.

Aktar tard fil-funeral, it-tifel il-kbir bid-dmugħ f’ għajnejh esprima li kull ma kien jixtieq f’ din il-ħajja hu li jsir bħal missieru l-għażiż.

Immaġni
Sister Burton's son and grandson reading together.

Il-President Ezra Taft Benson qal:

”O, irġiel miżżewġa u missirijiet f’ Iżrael, hemm wisq x’tistgħu tagħmlu għas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni tal-familji tagħkom! …

”Ftakru fis-sejħa sagra tagħkom bħala missirijiet f’ Iżrael—l-aktar sejħa importanti tagħkom f’ din il-ħajja u fl-eternità—sejħa li minnha qatt m’intom se tinħallu.”

Immaġni
Sister Burton's son and grandson on a bed together.

”Għandkom tgħinu biex toħolqu dar li fiha jgħammar l-Ispirtu tal-Mulej.”7

Kemm japplika dak il-kliem profetiku llum il-ġurnata.

Żgur hu diffiċli, biex l-irġiel tal-patt jgħixu f’ dinja li mhux biss iċċekken l-irwoli u r-responsabbiltajiet divini tagħhom iżda wkoll tibgħat messaġġi foloz dwar xi tfisser li tkun ”raġel ta’ veru.” Wieħed minn dawn il-messaġġi foloz hu ”L-importanti jien.” Mill-banda l-oħra nsibu l-messaġġ degradanti u li jżeblaħ li m’hemmx aktar bżonn ta’ raġel u missirijiet fil-familja. Nitlobkom bil-ħerqa sabiex ma tagħtux kas tal-gideb ta’ Satana. Huwa tilef iċ-ċans li jkollu l-privileġġ sagru li qatt jiżżewweġ jew isir missier. Peress li hu jgħir għal dawk li għandhom l-irwoli sagri li hu qatt ma jista’ jkollu, l-intenzjoni tiegħu hi li jagħmel ”il-bnedmin kollha … miżerabbli bħalu”!8

Nelevaw u Ngħinu fl-Irwoli Tagħna li Jikkumplimentaw lil Xulxin

Ħuti, għandna bżonn xulxin! Bħala nisa u rġiel li nżommu l-patti, hemm bżonn li nelevaw lil xulxin u ngħinu lil xulxin sabiex insiru t-tip ta’ nies li jixtieqna nsiru l-Mulej. U hemm bżonn li naħdmu flimkien biex nelevaw lil dawk li jagħmlu parti mill-ġenerazzjoni li għadha tiela’ u ngħinuhom jilħqu il-potenzjal divin tagħhom bħala werrieta tal-ħajja eterna. Nistgħu nagħmlu kif għamlu l-Presbiteru Robert D. Hales u martu, Mary, u nimxu wara l-proverbju ”Inti għolli lili u jiena ngħolli lilek, u nitilgħu ’l fuq flimkien.”9

Aħna nafu mill-iskrittura li ”mhux sewwa li r-raġel jibqa’ waħdu.” Huwa għalhekk li Missierna tas-Smewwiet għamillu ”għajnuna tgħodd għalih.”10 Il-frażi għajnuna tgħodd tfisser ”li dan li jgħin ikun jixraq, ikun den jew jaqbel miegħu.”11 Per eżempju, iż-żewġ idejn tagħna huma simili ħafna ta’ xulxin iżda mhux eżattament l-istess. Fil-fatt, huma eżattament l-oppost, iżda huma jikkumplimentaw lil xulxin u jixirqu lil xulxin. Meta jaħdmu flimkien, ikunu aktar b’ saħħithom.12

F’ kapitlu dwar il-familji fil-manwal tal-Knisja insibu din id-dikjarazzjoni: ”In-natura tal-ispirti tal-irġiel u tan-nisa twassalhom biex jikkompletaw lil xulxin.”13 Jekk jogħġobkom innutaw li ma tgħidx ”jikkompetu ma’ xulxin” iżda ”jikkompletaw lil xulxin”! Aħna qegħdin hawn biex ngħinu, nelevaw lil xulxin u nifirħu b’ xulxin hekk kif nippruvaw noħorġu l-aħjar ta’ ġo fina. Sister Barbara B. Smith għallmet b’ mod għaqli, ”Jista’ jkollna ferm aktar hena meta aħna mhux biss nifirħu bis-suċċessi tagħna iżda b’ dawk ta’ ħaddieħor.”14 Meta nfittxu li ”nikkompletaw” u mhux ”nikkompetu,” ikun ferm aktar faċli li nifirħu b’ xulxin!

Meta jiena kont għadni omm żagħżugħa ta’ bosta tfal żgħar, fit-tmiem jum nibdel il-ħrieqi, naħsel il-platti u niddixxiplina t-tfal, ħadd daqsi ma kien ikanta b’ daqstant onestà l-għanja tal-Primarja ”Kemm nieħu gost meta l-papà jasal id-dar.”15 B’ niket ikolli nammetti li, madankollu, jiena mhux dejjem kont inkun ferħana meta Craig ifeġġ fil-bieb wara ġurnata iebsa fuq ix-xogħol. Huwa dejjem kien jilqagħna b’ tgħanniqa u bewsa u kien jibdilli ġranet xi kultant diżastrużi f’ mumenti mill-isbaħ kif kien jaf jagħmel il-papà. Nixtieq li kont inkun anqas preokkupata bil-lista ma tieqaf qatt ta’ ħwejjeġ li kien ikolli nagħmel u b’ mod aktar għaqli iffukajt, kif għamel hu, fuq ħwejjeġ ta’ aktar valur. Messni, aktar ta’ spiss, waqaft milli kont qed nagħmel u gawdejt aktar il-ħin sagru mal-familja u rringrazzjajtu ferm aktar spiss għall-barkiet ta’ ħajjitna!

Ejjew Inlissnu Kliem Ħelu lil Xulxin

M’ilux wisq, waħda oħt fidila fil-Knisja qasmet miegħi xi ħaġa li kienet qed tinkwetaha u li kienet ilha żmien mhux ħażin titlob dwarha. Kienet qed tinkwieta dwar xi wħud mis-sisters fil-qasam tagħha. Hija qaltli kemm kienet titnikket meta kienet tosserva li xi kultant huma kienu jitkellmu bla ebda rispett ma’ żwieġhom jew dwar żwieġhom, saħansitra quddiem uliedhom. Imbagħad qaltli kif bħala mara żagħżugħa b’ ħerqa kbira kellha x-xewqa u talbet li ssib u tiżżewweġ raġel den li jħaddan is-saċerdozju u tibdni familja flimkien miegħu. Hija kienet trabbiet ġo dar fejn ommha kienet ”tikkmanda kollox” u missierha kien jobdi lil ommha kollu biża’ sabiex iżomm il-paċi fid-dar. Hija kienet tħoss li dan ma kienx l-aħjar mod. Hija ma kenitx rat dan il-mudell fid-dar li trabbiet fiha, iżda hekk kif hija talbet b’ mod ferventi għall-gwida, il-Mulej berikha li tkun taf kif setgħet toħloq flimkien mar-raġel tagħha dar li fiha jgħammar l-Ispirtu. Jiena dħalt f’ dik id-dar u nista’ nixhed li hija post qaddis!

Ħuti, kemm ta’ spiss, b’ mod intenzjonat aħna ”nlissnu kliem ħelu lil xulxin”?16

Nistgħu neżaminaw lilna nfusna billi nistaqsu xi ftit mistoqsijiet. Jekk nadattawhom xi ftit, dawn il-mistoqsijiet jistgħu japplikaw għal ħafna minna, kemm jekk aħna miżżewġin, kemm jekk le, hi x’inhi s-sitwazzjoni tagħna fid-dar.

  1. Meta kienet l-aħħar darba li jiena b’ mod sinċier għaddejt kumpliment lis-sieħeb tiegħi, kemm meta konna weħidna jew fil-preżenza ta’ wliedna?

  2. Meta kienet l-aħħar darba li jiena rringrazzjajtu, esprimejt imħabbti lejh jew tlabt bil-ħerqa għalih jew għaliha?

  3. Meta kienet l-aħħar darba li jiena waqqaft lili nnifsi milli ngħid xi ħaġa li naf li setgħet tweġġgħu?

  4. Meta kienet l-aħħar darba li jiena tlabt skuża u b’ umiltà tlabt għall-maħfra—mingħajr ma’ żidt il-kliem ”li kieku int għamilt” jew ”iżda li kieku inti m’għamiltx”?

  5. Meta kienet l-aħħar darba li jiena għażilt li nkun ferħana minflok li ridt nikseb ”raġun”?

Issa, jekk xi waħda minn dawn il-mistoqsijiet iwassluk biex tkemmex xufftejk jew tħossok ħatja, ftakar li l-Presbiteru David A. Bednar għallem li ”il-ħtija hija għall-ispirtu dak li l-uġigħ huwa għall-ġisem—twissija kontra l-periklu u protezzjoni biex ma ssirx aktar ħsara.”17

Nistedinkom sabiex tagħtu kas tat-talba mqanqla tal-Presbiteru Jeffrey R. Holland: ”Ħuti, f’ din it-tfittxija twila u eterna tagħna biex inkunu nixbhu aktar lis-Salvatur tagħna, jalla nippruvaw inkunu rġiel u nisa ’perfetti’ għallinqas f’din il-ħaġa—billi ma noffendux bil-kelma, jew biex inpoġġiha b’ mod aktar pożittiv, billi nitkellmu b’ ilsien ġdid, b’ ilsien l-anġli.”18

Hekk kif jiena kont qed inħejji għal din l-opportunità li ġejt mogħtija llum, l-Ispirtu għallimni, u jiena ddeċidejt li għandi ntenni iktar ta’ spiss kliem ħelu kemm mas-sieħeb għażiż tiegħi kif ukoll dwaru, li ngħolli l-irġiel li għandi fil-familja tiegħi u nesprimi l-gratitudni tiegħi għal modi diversi li fihom huma jwettqu l-irwoli divini u komplimentari tagħhom. U kkommettejt ruħi li nimxi wara l-proverbju ”Inti għolli lili u jiena ngħolli lilek, u nitilgħu ’l fuq flimkien.”

Lesti tingħaqdu miegħi u flimkien infittxu l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex jgħallimna kif l-aħjar nistgħu ngħollu lil xulxin fl-irwoli komplimentari tagħna bħala wlied tal-patt ta’ ġenituri tas-smewwiet li tant iħobbuna?

Jiena naf li permezz tal-qawwa li ssaħħaħna tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu u l-fidi tagħna fih, aħna dan nistgħu nagħmluh. Nitlob li aħna nafdaw fih biex jgħinna ngħinu lil xulxin ħalli ngħixu kuntenti u għal dejjem hekk kif nitilgħu ’l fuq flimkien, f’ isem Ġesù Kristu, amen

Noti

  1. Boyd K. Packer, f’ “Donna Smith Packer Receives Family History Certificate from BYU,” news.byu.edu/archive12-jun-packer.aspx.

  2. Dieter F. Uchtdorf, f’ Jeffrey R. Holland, “Elder Dieter F. Uchtdorf: On to New Horizons,” Ensign, Mar. 2005, 12; Liahona, Mar. 2005, 10.

  3. Henry B. Eyring, f’ Gerald N. Lund, “Elder Henry B. Eyring: Molded by ‘Defining Influences,’” Ensign, Sett. 1995, 14; Liahona, Apr. 1996, 31.

  4. Thomas S. Monson, “I Will Not Fail Thee, nor Forsake Thee,” Ensign jew Liahona, Nov. 2013, 85.

  5. Mark Twain, Eve’s Diary (1905), 107.

  6. Boyd K. Packer, “The Power of the Priesthood,” Ensign jew Liahona, Mejju 2010, 9.

  7. Ezra Taft Benson, “To the Fathers in Israel,” Ensign, Nov. 1987, 51, 50.

  8. 2 Nephi 2:27.

  9. Ara Robert D. Hales, “Strengthening Families: Our Sacred Duty,” Ensign, Mejju 1999, 34; Liahona, Lulju 1999, 40; ara wkoll LaRene Gaunt, “Elder Robert D. Hales: ‘Return with Honor,’” Ensign, Lulju 1994, 51; Liahona, Apr. 1995, 31.

  10. Ġenesi 2:18.

  11. Ġenesi 2:18, nota f’ qiegħ il-paġna b.

  12. Ara Bruce K. Satterfield, “The Family under Siege: The Role of Man and Woman” (preżentazzjoni mogħtija waqt il-Ġimgħa Edukazzjoni fil-Kulleġġ ta’ Ricks, 7 ta’ Ġunju, 2001), 4; emp.byui.edu/SATTERFIELDB/PDF/RoleManWoman2.pdf.

  13. Handbook 2: Administering the Church (2010), 1.3.1.

  14. Barbara B. Smith, “Hearts So Similar,” Ensign, Mejju 1982, 97.

  15. “Daddy’s Homecoming,” Children’s Songbook, 210.

  16. “Let Us Oft Speak Kind Words,” Hymns, no. 232.

  17. David A. Bednar, “We Believe in Being Chaste,” Ensign jew Liahona, Mejju 2013, 44.

  18. Jeffrey R. Holland, “The Tongue of Angels,” Ensign jew Liahona, Mejju 2007, 18.

Ipprintja