2010-2019
Is-Saċerdozju—Rigal Sagru
April 2015


Is-Saċerdozju—Rigal Sagru

Ilkoll kemm aħna ġejna fdati b’ wieħed mill-aktar rigali prezzjużi li qatt ingħataw lill-umanità.

Fost l-aktar memorji li baqgħu stampati f’ moħħi hemm dik ta’ meta kont nattendi l-laqgħa tas-saċerdozju bħala tfajjel għadu kemm ġie ordnat djaknu u konna nkantaw l-innu tal-ftuħ, Ejjew, intom ilkoll ulied Alla li rċevejtu s-saċerdozju.”1 Illejla, lilkom kollha li tinsabu miġburin hawn fiċ-Ċentru għall-Konferenza u, sewwasew, madwar id-dinja, jiena ntenni l-ispirtu ta’ dak l-innu speċjali u ngħidilkom: Ejjew, intom ilkoll ulied Alla li rċevejtu s-saċerdozju, ejjew nikkunsidraw s-sejħiet tagħna; ejjew nirriflettu dwar ir-responsabbiltajiet tagħna; ejjew niddeterminaw id-dmir tagħna; u ejjew nimxu wara Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna. Għalkemm hemm differenzi fl-etajiet tagħna u fid-drawwiet tagħna u n-nazzjonalità tagħna, aħna ħaġa waħda magħqudin fis-sejħiet tagħna tas-saċerdozju.

Għalina lkoll, hija mill-aktar sinifikanti r-restawrazzjoni tas-Saċerdozju Aroniku lil Oliver Cowdery u Joseph Smith minn Ġwanni l-Battista. Kif inhi wkoll il-ġrajja għażiża tar-restawrazzjoni tas-Saċerdozju Melkisedeku lil Joseph u lil Oliver minn Pietru, Ġakbu u Ġwanni.

Ejjew nieħdu b’ serjetà kbira s-sejħiet, ir-responsabbiltajiet u d-dmirijiet li jiġu mas-saċerdozju li aħna nħaddnu.

Verament kont ħassejt responsabbiltà kbira fuqi meta kont ġejt imsejjaħ bħala segretarju tal-kworum tiegħi tad-djakni. Kont ħejjejt kuxjenzjożament ir-reġistri li kont qed inżomm, għaliex ridt li nwettaq din is-sejħa bl-aħjar mod li kont naf kif. Kont kburi ħafna bil-ħidma tiegħi. Li nagħmel dak kollu li nista’, bl-aħjar mod li naf kif, minn dejjem kien l-għan tiegħi f’ kwalunkwe pożizzjoni li qatt kelli.

Nittama li kull ġuvni li ġie ordnat għas-Saċerdozju Aroniku jħossu spiritwalment konxju tal-karattru sagru tas-sejħa li hu ordant fiha, kif ukoll tal-opportunitajiet li jkollu biex ikabbar dik is-sejħa. Jiena rċevejt opportunità bħal din bħala djaknu meta l-membri tal-veskovat talbuni li mmur nieħu s-sagrament lil membru li ma kienx jista’ joħroġ mid-dar u li kien joqogħod xi mil ’il bogħod mill-kappella tagħna. Dik l-għodwa tal-Ħadd mill-aktar speċjali, hekk kif ħabbatt fuq il-bieb ta’ Brother Wright u smajt il-vuċi dgħajfa tiegħu tgħidli, ”Idħol,” jiena mhux biss kont dħalt fl-għarix umli tiegħu iżda wkoll f’ kamra mimlija bl-Ispirtu tal-Mulej. Jiena rsaqt lej is-sodda ta’ Brother Wright u bir-reqqa kollha ressaqt biċċa ħobż ma’ xufftejh. Imbagħad żammejt tazza ilma, sabiex ikun jista’ jixrob. Hekk kif kont tielaq minn ħdejh, rajt li kellu d-dmugħ f’ għajnejh hekk kif qalli, ”Alla jbierkek, ibni.” U Alla verament berikni—b’ apprezzament għall-emblemi sagri tas-sagrament u għas-saċerdozju li jiena kont inħaddan.

L-ebda djaknu, għalliem jew qassis mill-qasam tagħna qatt ma jista’ jinsa ż-żjarat memorabbli li aħna konna għamilna f’ Clarkston, Utah, fuq il-qabar ta’ Martin Harris, wieħed mit-Tliet Xhieda tal-Ktieb ta’ Mormon. Hekk kif konna nkunu ninsabu mdawrin mal-monument għoli tal-granit li kien juri l-qabar tiegħu, u hekk kif wieħed mill-mexxejja tal-kworum kien jaqralna dan il-kliem penetranti mit-”Testimonjanza tat-Tliet Xhieda,” kif tinsab fil-Ktieb ta’ Mormon, aħna żviluppajna mħabba lejn dak ir-reġistru sagru u lejn il-veritajiet li jinsabu fih.

Matul dawk iż-żminijiet l-oġġettiv tagħna kien li nsiru bħal ulied Mosija. Dwarhom intqal:

”Huma baqgħu dejjem jikbru fl-għarfien tal-verità; għaliex huma kienu nies ta’ ċertu għarfien u fittxew l-iskrittura b’ diliġenza, sabiex ikunu jafu l-kelma ta’ Alla.

”Iżda dan mhux kollox; huma għamlu ħafna ħin jitolbu u jsumu; għalhekk huma kellhom l-ispirtu tal-profezija, u l-ispirtu tar-rivelazzjoni, u meta għallmu, huma għallmu b’ qawwa u b’ awtorità minn Alla.”2

Ma nistax naħseb f’ għan aktar den li żagħżugħ jista’ jikseb milli jiġi deskritt kif ġew deskritti l-ulied qalbiena u ġusti ta’ Mosija.

Hekk kif jiena kont wasalt biex nagħlaq it-tmintax u kont qed inħejji lili nnifsi biex nidħol fis-servizz tal-militar, li kien mandatorju għall-ġuvintur ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, jiena ġejt rakkomandat biex nirċievi s-Saċerdozju Melkisedeku, iżda l-ewwel kien jeħtieġ li nċempel lill-president tiegħi tal-wited, Paul C. Child, biex jintervistani. Huwa kien bniedem li kien iħobb u jifhem sew l-iskrittura mqaddsa, u kienet l-intenzjoni tiegħu li kulħadd kellu jħobb u jifhimha bħalu. Peress li kont smajt mingħand xi ħbieb tiegħi dwar l-intervisti mill-aktar iddettaljati u twal tiegħu, xtaqt li ftit li xejn nesponi l-għarfien skritturali tiegħi; għalhekk, meta ċempiltlu ssuġġerejtlu li kien ikun tajjeb jekk niltaqgħu l-Ħadd ta’ wara f’ ħin li kont naf li kien biss siegħa qabel il-ħin tal-laqgħa tiegħu tas-sagrament.

It-tweġiba tiegħu: ”Imma, Brother Monson, hekk ma jkollniex ħin biżżejjed biex nagħtu ħarsa lejn l-iskrittura.” Imbagħad issuġġerixxa ħin li kien tliet sigħat qabel il-laqgħa sagramentali tiegħu, u huwa talabni sabiex nieħu miegħi s-sett tiegħi tal-iskrittura, bil-marki u r-referenzi fuqha.

Meta l-Ħadd wasalt fid-dar tiegħu, huwa laqagħni bil-ħlewwa u mbagħad beda bl-intervista. Il-President Child qalli, ”Brother Monson, inti tħaddan is-Saċerdozju Aaroniku. Qatt ġew jamministrawlek l-anġli?” Jiena weġibtu li le. Meta huwa staqsieni jekk kontx naf li kont intitolat għal dan, jiena erġajt weġibtu li ma kontx naf.

Huwa talabni, ”Brother Monson, irrepeti minn moħħok it-13 is-sezzjoni tad-Duttrina u Patti.”

Jiena bdejt, ”’Lilkom qaddejja tiegħi, f’isem il-Messija jiena nagħti s-Saċerdozju ta’ Aaron, li jħaddan fih il-qadi tal-anġli—’”

”Ieqaf,” ordnali l-President Child. Imbagħad, b’ vuċi kalma u ħelwa, huwa għallimni, ”Brother Monson, qatt tinsa li bħala wieħed li tħaddan is-Saċerdozju Aroniku inti ntitolat għall-qadi tal-anġli.”

Dak inhar ħassejtni bħallikieku fil-kamra kien hemm preżenti anġlu. Qatt ma nsejt dik l-intervista. Għadni nħoss l-ispirtu ta’ dik l-okkażżjoni solenni hekk kif flimkien konna qrajna dwar ir-responsabbiltajiet, id-dmirijiet u l-barkiet tas-Saċerdozju Aroniku u tas-Saċerdozju Melkisedeku—barkiet li ma nirċevuhomx aħna biss iżda wkoll il-familji tagħna u dawk kollha li għandna l-privileġġ li nservu.

Jiena ġejt ordnat presbiteru, u fil-jum li fih tlaqt biex immur inservi fin-nejvi, membru mill-veskovat tal-qasam tiegħi ngħaqad mal-familja u l-ħbieb tiegħi fl-istazzjon tal-ferrovija biex isellmuli għall-aħħar darba. Ftit qabel ma waslet il-ferrovija, huwa għaddieli f’ idejja ktieb żgħir bl-isem Manwal Missjunarju. Jiena tbissimt u kkummentajt li jiena mhux missjoni kont sejjer naqdi.

Huwa wieġeb, ”Ħudu xorta waħda. Taf tiġi bżonnu.”

U hekk ġara. Kelli bżonn xi ħaġa iebsa u rettangolari biex inpoġġieha fil-qiegħ tal-basket tiegħi ħalli l-ħwejjeġ tiegħi jkunu jistgħu joqogħdu aħjar u b’ hekk jitkemmxu anqas. Il-Manwal Missjunarju kien dak li verament kelli bżonn, u nista’ ngħid li żammli sewwa l-basket tiegħi għal 12-il ġimgħa sħaħ.

Il-lejl ta’ qabel ma bdejna bil-vaganzi tal-Milied, ħsibijieti kienu f’tad-dar. Kien hemm ħemda kbira fil-kwartieri fejn konna stazzjonati, iżda mbagħad is-silenzju inkiser minn sieħbi li kien jinsab fil-banker ta’ ħdejja—tfajjel Mormon, Leland Merrill—li beda jokrob bl-uġigħ. Mort nara x’ kien ġralu, u huwa qalli li kien qed iħossu verament ma jiflaħx. Huwa ma riedx imur fl-ispiżjerija li kellna fil-bażi, għax kien jaf li jekk jagħmel dan kien jispiċċa li l-għada ma kienx ikunx jista’ jitlaq lejn id-dar.

Aktar ma beda jgħaddi l-ħin aktar kien jidher li kien sejjer għall-agħar. Finalment, peress li kien jaf li jiena kont presbiteru, huwa talabni sabiex nagħtih barka saċerdotali.

Qatt ma kont tajt barka saċerdotali qabel, u qatt ma kont irċevejt barka qabel u qatt ma kont preżenti waqt li ġiet mogħtija barka. Hekk kif bdejt nitlob fil-kwiet għall-għajnuna, ftakart li kelli l- Manwal Missjunarju fil-qiegħ tal-basket tiegħi. Żvujtajt malajr il-basket u mort bil-ktieb ħdejn id-dawl baxx ta’ matul il-lejl. Hemm qrajt kif wieħed jista’ jbierek lill-morda. Quddiem bosta baħrin kurjużi li bdew iħarsu lejja, jiena tajtu barka. Lanqas kont għadni poġġejt l-affarijiet lura fil-basket li Leland Merrill ma kienx rieqed bħal tarbija. Huwa qam l-għada filgħodu qisu mhux hu. Il-gratitudni li t-tnejn li aħna ħassejna għall-qawwa tas-saċerdozju kienet waħda kbira.

L-opportunitajiet li kelli matul is-snin biex nipprovdi barkiet lil dawk fil-bżonn ma ngħoddhomx. Kull opportunità wasslitni biex inkun aktar grat li Alla fdani b’ dan ir-rigal sagru. Jiena verament inqim is-saċerdozju. Rajt il-qawwa tiegħu għal tant drabi f’ ħajti. Jiena rajt il-qawwa tiegħu. Immeraviljajt ruħi bil-mirakli li rajt f’ ħajti.

L-aħwa, iIkoll kemm aħna ġejna fdati b’ wieħed mill-aktar rigali prezzjużi li qatt ingħataw lill-umanità. Hekk kif nonoraw is-saċerdozju tagħna u ngħixu ħajjitna b’ tali mod li nkunu denji f’ kull mument, permezz tagħna jiġu fis-seħħ għadd kbir ta’ barkiet tas-saċerdozju. Kemm jogħġobni l-kliem li nsibu f’ Duttrina u Patti, sezzjoni 121, vers 45, li jgħidilna x’ għandna nagħmlu biex inkunu denji: ”Araw li qalbkom tkun mimlija karità lejn il-bnedmin kollha, u lejn dawk kollha li jħaddnu l-fidi, u ħallu ħsibijietkom jiġu ddominati mill-virtù kontinwament; imbagħad timtlew b’kunfidenza kbira quddiem Alla; u d-duttrina tas-saċerdozju tinżel fuq ruħkom bħan-nida mis-sema.”

Bħala rġiel li nħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla, aħna ninsabu ngaġġati fil-ħidma tal-Mulej Ġesù Kristu. Aħna lqajna s-sejħa Tiegħu; ninsabu ngaġġati fil-ħidma Tiegħu. Ejjew nitgħallmu minnu. Ejjew nimxu wara l-passi Tiegħu. Ejjew ngħixu skont il-preċetti Tiegħu. Jekk nagħmlu dan, aħna nkunu mħejjijin għal kwalunkwe servizz li jitlobna nwettqu. Din hi l-ħidma Tiegħu. Din hi l-Knisja Tiegħu. Verament, Huwa l-kaptan tagħna, is-Sultan kollu Glorja, sewwasew Iben Alla. Jiena nixhed li Huwa jgħix u naqsam magħkom din ix-xhieda fl-isem imqaddes Tiegħu, l-isem ta’ Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. “Come, All Ye Sons of God,” Hymns, no. 322.

  2. Alma 17:2–3.

Ipprintja