2010-2019
Verament Twajba u mingħajr Ħażen
April 2015


Verament Twajba u mingħajr Ħażen

L-aħbar it-tajba tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu hi li x-xewqat tal-qalbna jistgħu jittrasformaw ruħhom u l-mottivi tagħna nistgħu nedukawhom u nirraffinawhom.

Sfortunatament, f’ ħajti kien hemm żmien meta kont inħossni nimmotiva ruħi jekk nakkwista ċerti titli u awtorità. Dan kollu beda b’ mod mill-aktar innoċenti. Hekk kif kont qed inħejji biex inservi missjoni full-time, ħija l-kbir ġie msejjaħ bħala mexxej taz-zona fil-missjoni tiegħu. Kont smajt bosta ħwejjeġ pożittivi dwaru li spiċċajt nibtet fija x-xewqa li dwari jingħadu l-istess ħwejjeġ. Bdejt nittama, u saħansitra forsi anke tlabt, biex jiena jkolli l-istess pożizzjoni.

Fortunatament, hekk kif bdejt inservi l-missjoni tiegħi, tgħallimt lezzjoni mill-aktar qawwija. Fl-aħħar konferenza, ħassejtni nerġa’ niftakar dwar dik il-lezzjoni.

F’ Ottubru, il-President Dieter F. Uchtdorf: ”Tul ħajti, jiena kelli l-opportunità li nagħmilha ma’ wħud mill-aktar nies kompetenti u intelliġenti li hawn fid-dinja. Meta kont għadni iżgħar, kont nimpressjona ruħi b’ dawk in-nies li kienu edukati, u li fid-dinja għamlu isem, irnexxew u saru popolari. Iżda meta għadda żmien, bdejt nirrealizza li sirt aktar nimpressjona ruħi b’ dawk l-erwieħ meraviljużi u mbierka li huma verament twajba u mingħajr ħażen.”1

L-eroj tiegħi fil-Ktieb ta’ Mormon huwa eżempju perfett ta’ ruħ meraviljuża u mbierka li kienet verament twajba u mingħajr ħażen. Xiblon kien wieħed minn ulied Alma ż-Żgħir. Aħna forsi aktar familjari ma’ ħutu Ħilaman, li mexa wara missieru fejn żamm ir-reġistri u sar il-profeta ta’ Alla, u Kurjantun, li kiseb ċerta fama bħala missjunarju li kellu bżonn ċertu kunsill mingħand missieru. Alma kiteb lil Ħilaman 77 vers (ara Alma 36–37). Alma ddedika 91 vers lil Ħilaman (ara Alma 39–42). Lil Xiblon, it-tifel fustani tiegħu, Alma kitiblu biss 15-il vers (ara Alma 38). Madankollu, il-kliem li hemm f’ dawk il-15-il vers huma mill-aktar qawwija u ta’ min jitgħallem minnhom.

”U issa, ibni, inħoss li għandi nkun kuntent ħafna bik, minħabba l-fermezza u l-fedeltà tiegħek lejn Alla; għax kif inti ilek miż-żgħożija tiegħek tħares lejn il-Mulej Alla tiegħek, bl-istess mod jiena nittama li inti tkompli żżomm il-kmandamenti tiegħu; għaliex imbierek hu dak li jibqa’ sod sat-tmiem.

”Jiena ngħidlek, ibni, li jiena diġà nħossni verament kuntent bik, minħabba l-fedeltà u d-diliġenza tiegħek, u l-paċenzja u s-sabar li inti wrejt mal-poplu” (Alma 38:2–3).

Barra li tkellem ma’ Xiblon, Alma tkellem ukoll dwaru ma’ Kurjantun. Alma qal: ”Inti m’ osservajtx il-fermezza ta’ ħuk, il-fedeltà tiegħu u d-diliġenza tiegħu biex iżomm il-kmandamenti ta Alla? Ara, ma wriekx huwa eżempju tajjeb?” (Alma 39:1).2

Jidher li Xiblon kien iben li ried verament jogħġob lil missieru u għadda ħajtu jwettaq dak li huwa sewwa, f’ ġieħ is-sewwa u mhux biex jikseb tifħir, pożizzjoni, qawwa, titli jew awtorità. Jidher li Ħilaman kien jaf dan kollu dwar ħuh u rrispettah ta’ dan, għaliex huwa għadda lil Xiblon il-kustodja tar-reġistri sagri li huwa rċieva mingħand missieru. Ċertament li Ħilaman afda f’ Xiblon minħabba li ”huwa kien bniedem ġust, u huwa mexa sewwa quddiem Alla; u huwa ra li dejjem jagħmel dak li hu tajjeb kontinwament, li jżomm il-kmandamenti tal-Mulej Alla tiegħu” (Alma 63:2). Kif x’akartx huwa karatteristiku rigward Xiblon, ftit li xejn inkiteb dwaru miż-żmien li huwa ħa f’ idejh r-reġistri sagri sakemm għaddiehom lil Ħilaman, iben Ħilaman (ara Alma 63:11).

Xiblon kien verament twajjeb u mingħajr ħażen. Huwa kien bniedem li ssagrifika ħinu, it-talenti tiegħu u l-isforzi kollha tiegħu biex jgħin u jeleva lil oħrajn minħabba l-imħabba tiegħu lejn Alla u lejn għajru (ara Alma 48:17–19; 49:30). Huwa ġie deskritt perfettament mill-President Spencer W. Kimball permezz ta’ dan il-kliem: ”Nisa u rġiel kbar huma dejjem aktar anzjużi li jservu milli li jkollhom xi setgħa.”3

F’ dinja fejn kulħadd ifittex li jikseb it-tifħir, il-pożizzjoni, il-qawwa, it-titli u l-awtorità, jiena nonora lil dawk l-erwieħ meraviljużi u mbierka li huma verament twajba u mingħajr ħażen, dawk li huma motivati permezz tal-imħabba ta’ Alla u ta’ għajrhom, dawk in-nisa u rġiel kbar li huma aktar anzjużi li jservu milli li jkollhom xi setgħa.”

Illum niltaqgħu ma’ xi wħud li jriduna nemmnu li aħna nistgħu nħossuna sodisfatti biss jekk niksbu xi pożizzjoni jew qawwa. Madankollu, fortunatament, hawn ukoll ħafna li ma jinfluwenzawx ruħhom minn din il-perspettiva. Huma jħossuhom sodisfatti meta jfittxu li jkunu verament twajba u mingħajr ħażen. Jiena ltqajt magħhom fl-oqsma kollha tal-ħajja u f’ħafna mit-tradizzjonijiet differenti ta’ twemmin. U nsibhom ħafna fost id-dixxipli konvertiti vera ta’ Kristu.4

Jiena nonora lil dawk li b’ mod altruwista jservu kull ġimgħa fl-oqsma u l-fergħat madwar id-dinja billi jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iwettqu s-sejħa tagħhom. Iżda s-sejħiet jiġu u jmorru. Jiena saħansitra nimpressjona ruħi aktar personalment bil-ħafna li mingħajr ebda sejħa formali isibu modi kif huma jservu u jelevaw lil ħaddieħor konsistentament. Wieħed minn dawn ħutna jasal kmieni l-knisja biex jirranġa s-siġġijiet u wara jibqa’ aktar tard minn ħaddieħor biex jirranġa l-kappella. Waħda minn ħutna minn jeddha tagħżel li tpoġġi ħdejn oħt għamja li hemm fil-qasam tagħha mhux biss biex turiha l-ħbiberija tagħha iżda wkoll ħalli tkun tista’ tkanta l-innijiet b’ vuċi għolja biżżejjed sabiex din l-oħt għamja tisma’ l-kliem u tkanta mal-kongregazzjoni. Jekk tagħtu ħarsa tajba lejn il-qasam jew il-fergħa tagħkom, żgur li taraw fostkom eżempji bħal dawn. Dejjem se ssibu membri li jidhru li jkunu jafu minn għandu verament bżonn l-għajnuna u meta jkun il-waqt li joffruha.

Naħseb li l-ewwel lezzjoni li jiena tgħallimt dwar Qaddisin verament twajba u mingħajr ħażen kienet meta jiena kont għadni missjunarju żagħżugħ. Lili kienu bagħtuni f’ inħawi ġodda flimkien ma’ wieħed presbiteru li jiena ma kontx naf. Kont smajt ċerti missjunarji jitkellmu kif huwa qatt ma kien ingħata xi essajnmet ta’ tmexxija u kemm huwa kien qed isibha diffiċli jitgħallem il-lingwa Korejana minkejja l-fatt li kien ilu fil-pajjiż. Iżda meta sirt naf lill dan il-presbiteru aħjar, sibt li kien wieħed mill-aktar missjunarji ubbidjenti u fidili li qatt iltqajt magħhom. Huwa kien jistudja meta kien ikun il-mument li jistudja; kien jaħdem meta kien ikun ħin ta’ ħidma. Huwa kien joħroġ mill-appartament fil-ħin u jidħol fil-ħin. Huwa kien diliġenti ferm fl-istudju tiegħu tal-lingwa Korejana minkejja li l-lingwa kienet diffiċli għalih.

Meta ndunajt li l-kummenti li kont smajt ma kinux vera, ħassejt li dan il-missjunarju kien qed jiġi ġġudikat b’ mod żbaljat bħala wieħed bla suċċess. Ridt inxandar mal-missjoni kollha dak li kont skoprejt dwar dan il-presbiteru. Qsamt mal-president tal-missjoni tiegħi x-xewqa tiegħi li nikkoreġi din l-idea żbaljata. It-tweġiba tiegħu kienet, ”Missierna tas- Smewwiet jaf li dan iż-żagħżugħ huwa missjunarju ta’ suċċess, u l-istess naf jien.” Huwa kompla, ”U issa anke inti taf dan, għalhekk x’ jimporta x’ jaħseb ħaddieħor?” Dan il-president tal-missjoni għaqli għallimni x’ kienet l-aktar ħaġa importanti meta aħna nservu, u din ma kenitx it-tifħir, xi pożizzjoni, is-setgħa, l-unur jew l-awtorità. Din kienet lezzjoni importanti għal missjunarju żagħżugħ li kien jimpurtah wisq mit-titli li jagħtuk in-nies.

B’ din il-lezzjoni f’ moħħi, jiena bdejt inħares lura lejn ħajti u rajt kemm-il darba jiena kont ġejt influwenzat minn irġiel u nisa li f’ dak il-mument kellhom xi titlu jew pożizzjoni għolja. Wieħed minn dawn in-nies li kien jixbah lil Xiblon kien l-għalliem tiegħi tas-Seminarju meta jiena kont għadni fl-ewwel sena tal-iskola sekondarja. Dan ir-raġel twajjeb għallimni s-seminarju għal xi sentejn jew tliet snin biss, iżda huwa messli qalbi b’ tali mod li għenni nikseb testimonjanza. Jista’ jkun li ma kienx l-aktar għalliem popolari fl-iskola, iżda huwa dejjem kien ikun preparat u l-influwenza tiegħu fuqi kienet waħda qawwija u dejjiema. Waħda mill-ftit drabi li jiena rajt lil dan ir-raġel fl-40 sena ta’ wara li huwa kien jgħallimni kienet meta ġie jarani fil-funeral ta’ missieri. Verament, kien att żgur mhux motivat minn xi titlu jew setgħa.

Jiena nonora lil dan l-għalliem dedikat u ħafna oħrajn li bħalu huma verament twajba u mingħajr ħażen. Jiena nonora lil dak l-għalliem tal-Iskola tal-Ħadd li mhux biss jgħallem lill-istudenti tiegħu waqt il-klassi tal-Ħadd iżda wkoll jgħallem u jinfluwenza lil dawn l-istess studenti billi jistedinhom sabiex jingħaqdu mal-familja tiegħu għal kolazzjon ta’ filgħodu. Jiena nonora lill-mexxejja taż-żgħażagħ li jattendu l-attivitajiet sportivi u kulturali flimkien mal-ġuvintur u t-tfajliet tal-oqsma tagħhom. Jiena nonora lil dak ir-raġel li jikteb kliem ta’ nkuraġġiment lil ġirien tiegħu u lil dik il-mara li mhux biss timposta l-kartolini tal-Milied iżda toħodhom hija stess lil dawk il-membri tal-familja u lil dawk il-ħbieb li hemm bżonn li jmur jarahom xi ħadd. Jiena nonora lil dak ħuna li b’ mod regolari kien joħroġ dawra lil ġar tiegħu fi żmien diffiċli tal-marda tiegħu tal-Alzheimer—fejn kien jibdel ir-rutina ta’ kuljum ta’ dan il-ġar u ta’ martu.

Dawn il-ħwejjeġ ma jsirux biex wieħed jikseb tifħir jew xi premju. Dawn l-irġiel u n-nisa ma jiġux motivati minħabba l-possibiltà li forsi jirċievu xi titlu jew awtorità. Huma dixxipli ta’ Kristu, jgħixu ħajjithom jagħmlu t-tajjeb kontinwament, u bħal Xiblon, huma qed jippruvaw jogħġbu lil Missierhom fis-Smewwiet.

Nitnikket meta nisma’ xi wħud li jieqfu jservu jew saħansitra jattendu l-knisja peress li ġew imħollija minn xi sejħa jew iħossu li ma ġewx mogħtija xi pożizzjoni jew titlu. Nittama li xi darba huma jitgħallmu l-istess lezzjoni li tgħallimt jiena bħala missjunarju żagħżugħ—li s-servizz li jgħodd l-aktar ħafna drabi jagħrfu biss Alla. Fil-mixja tagħna biex niksbu dak li huwa tiegħi, aħna ninsew Lilek u dak li huwa Tiegħek?

Xi wħud jafu jgħidu, ”Iżda jiena jonqosni ħafna biex inkun bħal dawk li inti ddeskrivejt.” L-aħbar it-tajba tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu hi li x-xewqat tal-qalbna jistgħu jittrasformaw ruħhom u l-mottivi tagħna nistgħu nedukawhom u nirraffinawhom. Meta aħna nitgħammdu fil-merħla vera ta’ Alla, aħna nibdew il-proċess li nsiru ħlejjaq ġodda (ara 2 Corinthians 5:17; Mosiah 27:26). Kull darba li nġeddu l-patt tal-magħmudija billi nieħdu sehem fis-sagrament, aħna nersqu pass aktar viċin lejn dak l-għan aħħari.5 Hekk kif nibqgħu sodi f’ dak il-patt, aħna naċċessaw il-qawwa li nibku ma’ dawk li jibku u nfarrġu li dawk li għandhom bżonn il-faraġ (ara Mosiah 18:9). F’ dak il-patt, aħna nisbu l-grazzja li twassalna biex naqdu lil Alla u nżommu l-kmandamenti Tiegħu, fosthom li nħobbu lil Alla b’ qalbna kollha u nħobbu lil għajrna bħalna nfusna.6 F’ dak il-patt, Alla u Kristu jassistuna ħalli aħna nkunu nistgħu nassistu lil dawk li għandhom bżonn l-assistenza tagħna (ara Mosiah 4:16; ara wkoll versi 11–15).

Kull ma rrid f’ ħajti hu li nogħġob lil missieri—kemm dak fl-art kif ukoll dak tas-smewwiet—u nkun nixbah aktar lil Xiblon.7

Nirringrazzja lil Missierna tas-Smewwiet għal nies bħal Xiblon li l-eżempju tagħhom offra lili—u lilna lkoll—it-tama. F’ ħajjithom, aħna naraw xhieda ta’ Missier tas-Smewwiet lil tant iħobbna, u ta’ Salvatur kollu kompassjoni li jimpurtah minna lkoll. Inżid it-testimonjanza tiegħi ma’ tagħhom billi nwiegħed li nagħmel l-almu tiegħi biex inkun aktar bħalhom, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Dieter F. Uchtdorf, ”Jaqaw jien, Mulej?” Ensign or Liahona, Nov. 2014, 58; enfażi miżjuda.

  2. Ħilaman ma marx jgħallem liż-Żoramiti, għalhekk nafu li Alma kien qed jitkellem dwar Xiblon meta qal ”ħuk” (ara Alma 31:7; 39:2).

  3. Spencer W. Kimball, “The Role of Righteous Women,” Ensign, Nov. 1979, 104.

  4. ”Il-Mulej għallimna li meta aħna nikkonvertu verament għall-evanġelju Tiegħu, f’ qalbna sseħħ bidla li ma nibqgħux aktar naħsbu fina nfusna iżda niddedikaw ruħna għas-servizz biex ngħinu lill-oħrajn fil-mixja tagħhom lejn il-ħajja eterna. Biex nikkonvertu b’ dak il-mod, nistgħu nitolbu u naħdmu bil-fidi sabiex aħna nsiru kreaturi ġodda, possibbli biss permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu Nistgħu nibdew billi nitolbu li jkollna l-fidi biex nindmu mill-egoiżmu tagħna u li niksbu d-don li naħsbu aktar f’ ħaddieħor milli fina nfusna. Nistgħu nitolbu għall-qawwa li nkunu kapaċi nwarrbu l-kburija u l-għira” (Henry B. Eyring, “Testimony and Conversion,” Ensign jew Liahona, Frar 2015, 4–5).

  5. ”Alla huwa immortali u perfett. Aħna mortali u imperfetti. Madankollu aħna nfittxu modi anke fil-mortalità fejn inkunu nistgħu ningħaqdu miegħu spiritwalment. Waqt li nagħmlu dan aħna niksbu ftit aċċess għall-grazzja u l-majestà tal-qawwa Tiegħu. Dawk il-mumenti speċjali jinkludu … l-magħmudija u l-konferma … u li nieħdu sehem fl-emblemi tal-ikla tal-Mulej” (Jeffrey R. Holland, To My Friends [2014], 80).

  6. ”Il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem li jaraw lilhom infushom f’ dak kollu li jagħmlu bħala wlied Alla jsibuha ħaġa naturali li huma jagħmlu u jżommu l-impenji tagħhom. Il-pjan tas-salvazzjoni huwa mmarkat permezz tal-patti. Aħna nwiegħdu li nobdu l-kmandamenti. Talli nagħmlu dan, Alla jwegħidna ċerti barkiet kemm f’ din il-ħajja kif ukoll fl-eternità. Huwa dejjem eżatt f’ dak li jeħtieġ minna, u huwa dejjem perfett meta jiġi biex iżomm il-kelma tiegħu. Peress li huwa ħabbna u peress li l-għan tal-pjan hu li nsiru bħalu, huwa jeħtieġ minna li dak li nagħmlu nagħmluh b’ eżattezza. U l-wegħdiet li huwa jagħmel magħna dejjem jinkludu fihom il-qawwa li aħna nikbru fil-kapaċità tagħna li nżommu l-patti tagħna. Huwa jagħmilha possibbli għalina li nkunu nafu r-regoli tiegħu. Meta nippruvaw b’ qalbna kollha biex nilħqu l-istandards tiegħu, huwa jagħtina s-sħubija tal-Ispirtu s-Santu. Permezz ta’ dan aħna nkabbru kemm il-qawwa tagħna li nżommu l-impenni li dħalna għalihom kif ukoll nkunu kapaċi nagħrfu x’inhu tajjeb u veru. U din hija l-qawwa li permezz tagħha nitgħallmu, kemm fl-istudji temporali tagħna kif ukoll fit-tagħlim li neħtieġu għall-eternità” (Henry B. Eyring, “A Child of God” [Brigham Young University devotional, 21 ta’  Ott, 1997], 4–5; speeches.byu.edu). Ara wkoll David A. Ara wkoll David A. Bednar, “Bear Up Their Burdens with Ease,” Ensign jew Liahona, Mejju 2014, 87–90.

  7. Minn meta kont għadni żgħir, dejjem ippruvajt nogħġob lil missieri. Hekk kif jien kbirt u ksibt testimonjanza, jiena wkoll ksibt ix-xewqa li nogħġob lil Missierna tas- Smewwiet. Aktar tard f’ ħajti, tgħallimt dwar Xiblon u mal-għanijiet ta’ ħajti żidt ukoll l-għan li nsir kemm jista’ jkun nixbhu.