2010-2019
Nistennew l-Iben il-Ħali
April 2015


Nistennew l-Iben il-Ħali

Jalla intom u jiena nirċievu r-rivelazzjoni li minnha nsiru nafu l-aħjar mod biex navviċinaw lil dawk li jinsabu mitlufin.

Is-Salvatur għadda l-ministeru Tiegħu fid-dinja jgħallem dwar il-fejqan u l-qawwa tal-fidwa Tiegħu. F’ okkażżjoni minnhom f’ Luqa kapitlu 15 fit-Testment il-Ġdid, Huwa ġie kkritikat talli kiel u qatta’ ħin ma’ nies midinba (ara Luqa 15:2). Is-Salvatur uża din il-kritikà lejh bħala opportunità biex jgħallimna lkoll kif għandna naġixxu ma’ dawk li tilfu t-triq.

Huwa wieġeb lill-kritiċi Tiegħu billi staqsiehom żewġ mistoqsijiet importanti.

”Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha?” (Luqa 15:4).

”Min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha?” (Luqa 15:8).

Is-Salvatur imbagħad għallem il-parabbola tal-iben il-ħali. Din il-parabbola mhijiex dwar 100 nagħġa jew 10 biċċiet fidda; hija dwar iben wieħed prezzjuż li kien jinsab mitluf. Permezz tal-parabbola, x’ jgħallimna s-Salvatur dwar kif għandna naġixxu meta xi membru tal-familja jitlef it-triq tiegħu?

L-iben il-ħali informa lil missieru li riedu dak il-mument jagħtih is-sehem tiegħu tal-wirt . Huwa ried iħalli s-sigurtà ta’ daru u tal-familja tiegħu u jmur ifittex il-ħwejjeġ tad-dinja (ara Luqa 15:12–13). Jekk jogħġobkom innutaw li fil-parabbola tas-Salvatur il-missier b’imħabba kbira wieġeb għat-talba ta’ ibnu billi tah sehmu. M’hemmx dubju li l-missier kien għamel dak kollu li seta’ biex jikkonvinċi lil ibnu biex jibqa’ miegħu. Madankollu, la darba ibnu adult għamel l-għażla tiegħu, il-missier għaqli ħallieh imur. Il-missier imbagħad wera l-imħabba sinċiera tiegħu, u baqa’ dejjem jistennieh (ara Luqa 15:20).

Fil-familja tiegħi għaddejna minn esperjenza simili. Iż-żewġ ħuti subien mill-aktar fidili, it-twajba oħti u jiena konna trabbejna minn ġenituri mill-aktar eżemplari. Aħna ġejna mgħallmin l-evanġelju f’ darna, bqajna għaddejjin fit-triq it-tajba sakemm kbirna, u l-erba’ li aħna ġejna ssiġillati fit-tempju fiż-żwieġ tagħna. Madankollu, fl-1994 oħtna, Susan, ma baqgħetx sodisfatta aktar bil-Knisja u b’ xi tagħlim tagħha. Hija ħalliet jipperswaduha lil dawk li għaddew biż-żmien u kkritikaw lill-mexxejja tal-bidu tal-Knisja. Hija ħalliet il-fidi tagħha fil-profeti u fl-appostli ħajjin tiddgħajjef. Maż-żmien, id-dubji tagħha għelbu l-fidi tagħha, u hija għażlet li titlaq mill-Knisja. Susan tagħtni l-permess sabiex naqsam l-istorja tagħha magħkom bit-tama li tista’ tgħin lil ħaddieħor.

Ħuti s-subien, jiena u l-armla ommna xxokkjajna ruħna. Ma stajniex nimmaġinaw x’ kien dak li wassal lil oħti biex tabbanduna l-fidi tagħha. Kien jidher ċar li l-għażliet ta’ oħti kienu qasmu qalb ommi.

Ħuti s-subien u jiena servejna bħala isqfijiet u presidenti tal-kworum, u esperjenzajna l-ferħ tas-suċċess flimkien mal-membri tal-qasam u tal-kworum hekk kif aħna ħallejna warajna lid-disgħa u disgħin u morna nfittxu lill-waħda. Madankollu, fil-kas ta’ oħti, l-isforzi persistenti tagħna li nsalvawha u nistednuha tiġi lura wasslu biex begħduha aktar.

Hekk kif tlabna lil Alla biex jiggwidana liema kien l-aħjar mod kif kellna naġixxu magħha, sar aktar evidenti għalina li kellna nimxu wara l-eżempju tal-missier fil-parabbola tal-iben il-ħali. Susan kienet għamlet għażla, u aħna, b’ mod figurattiv, kellna nħalluha titlaq—iżda mhux qabel ma ridnieha tkun taf u tħoss l-imħabba sinċiera tagħna lejha. U b’hekk, b’ imħabba mġedda u bi tjubija, aħna bqajna nistennewha.

Ommi qatt ma waqfet tħobb u tagħti kas Susan. Kull darba li ommi kienet tattendi t-tempju, hija kienet tpoġġi isem Susan fuq ir-reġistru tat-talb, u qatt ma qatgħet qalbha. Ħija l-kbir u l-mara tiegħu, li kienu jgħixu l-aktar viċin Susan ġewwa Kalifornja, bdew jistednuha għall-avvenimenti kollha li kien ikollhom fil-familja. Kull sena f’ għeluq snin Susan, huma kienu jħejju ikla fid-dar tagħhom. Huma kienu jaraw li jibqgħu dejjem f’ kuntatt magħha u li hi kienet tħossha ċerta mill-imħabba ġenwina li kellhom għaliha.

Ħija ż-żgħir u martu kienu baqgħu viċin ta’ wlied Susan ġewwa Utah u kienu jieħdu ħsiebhom u jħobbuhom. Huma kienu dejjem jaraw li uliedha jiġu mistednin kull darba li l-familja tinġabar flimkien, u meta kien wasal iż-żmien biex in-neputija ta’ Susan titgħammed, ħija kien hemm biex iwettaq l-ordinanza. Susan kellha wkoll għalliema tad-dar u għalliema taż-żjajjar li kienu jħobbuha u li qatt ma qatgħu qalbhom minnha.

Hekk kif uliedna marru jservu missjoni u żżewġu, Susan ġiet mistiedna biex tattendi dawn iċ-ċelebrazzjonijiet tal-familja. Aħna ppruvajna b’ diliġenza sabiex norganizzaw ċerti avvenimenti fil-familja sabiex Susan u wliedha setgħu jkunu magħna u jkunu jafu li konna nħobbuhom u li huma kienu parti mill-familja tagħna. Meta Susan irċeviet lawrja avvanzata mill-università ta’ Kalifornja, ilkoll kemm aħna konna hemm biex nissapportjawha fil-gradwazzjoni tagħha. Għalkemm ma stajniex inħaddnu l-għażliet kollha li għamlet f’ ħajjitha, ċertament li stajna nħaddnu lilha. Aħna ħabbejnieha u stennejnieha.

Fl-2006, wara li kienu għaddew 12-il sena minn meta Susan telqet mill-Knisja, it-tifla tagħna Katy marret toqgħod Kalifornja flimkien mar-raġel tagħha biex hu jkun jista’ jattendi l-iskola tal-liġi. Kienu jinsabu fl-istess belt fejn kien hemm Susan. Din il-koppja żagħżugħa kienu jfittxu liz-zija tagħhom Susan biex tgħinhom u tissapportjahom, u huma kienu jħobbuha. Susan bdiet tgħinhom billi tieħu ħsieb lin-neputija tagħna ta’ sentejn, Lucy, u Susan spiċċat tgħin lil Lucy fit-talb tagħha ta’ filgħaxija. Darba waħda Katy ċemplitli u staqsietni jekk kontx naħseb li Susan qattx kienet se terġa’ lura fil-Knisja. Jiena żgurajtha li kont inħoss li kienet se terġa’ lura u li kien hemm bżonn li nibqgħu nżommu aktar paċenzja. Għaddew tliet snin oħra u, b’ imħabba kontinwa, bqajna nistennew.

Bħal din il-ġimgħa sitt snin ilu, jiena u marti, Marcia, konna ninsabu bilqiegħda fir-ringiela ta’ quddiem ta’ dan iċ-Ċentru tal-Konferenza. Dak inhar kelli niġi sostnut bħala Awtorità Ġenerali ġdid. Marcia, li dejjem tkun f’ kuntatt mal-Ispirtu, kienet kitbitli nota li tgħid, ”Naħseb wasal iż-żmien li Susan terġa’ lura.” Binti Katy issuġġeriet li jiena noħroġ barra u nċempel lil Susan biex nistedinha sabiex dak inhar hija ssegwi l-konferenza ġenerali.

Hekk kif ġejt imnebbaħ minn dawn iż-żewġ nisa twajbin, jiena mort fil-kuritur u ċempilt lil oħti. Kelmitni vuċi awtomatika u jiena sempliċiment stedintha sabiex issegwi dik is-sezzjoni tal-konferenza ġenerali. Il-messaġġ tiegħi ratu. Bi pjaċir kbir għalina, hija ħasset li kellha ssegwi s-sezzjonijiet kollha tal-konferenza. Hija semgħet mingħand il-profeti u l-appostli li snin qabel tant kienet tħobb. Hija sabet li kien hemm ismijiet li qatt ma kienet semgħet bihom qabel, bħal President Uchtdorf u l-Presbiteri Bednar, Cook, Christofferson u Andersen. Waqt din l-esperjenza u esperjenzi divini oħra, oħti—bħall-iben il-ħali—ġiet lura għal li kienet (ara Luqa 15:17). Il-kliem tal-profeti u l-appostli u l-imħabba tal-familja tagħha wassluha biex iddur u tibda miexja lura lejn d-dar. Wara 15-il sena bintna u oħtna li kienet mitlufa reġgħet instabet. Ma bqajniex aktar nistennew.

Susan tiddeskrivi din l-esperjenza kif jiddeskriviha Leħi fil-Ktieb ta’ Mormon. Hija ma baqgħetx iżżomm sod mal-bastun tal-ħadid u spiċċat f’ dalma ċpar (ara 1 Nephi 8:23). Hija tiddikjara li hi ma kenitx taf li kienet mitlufa sa dak il-mument meta l-fidi tagħha reġgħet stenbħet permezz tad-Dawl ta’ Kristu, li b’ qawwa wrieha l-kuntrast kbir li kien hemm bejn dak li kienet qed tesperjenza hi fid-dinja u dak li kienu qed joffrulha l-Mulej u l-familja tagħha.

F’ dawn l-aħħar sitt snin kien seħħ miraklu. Susan reġgħet ġeddet it-testimonjanza tagħha tal-Ktieb ta’ Mormon. Hija rċeviet rakkomandazzjoni tat-tempju. Hija serviet bħala ħaddiema tal-ordinanzi fit-tempju, u bħalissa hi qed tgħallem il-klassi tad-Duttrina tal-Evanġelju fil-qasam tagħha. Bwieb is-smewwiet infetħu għal uliedha u n-neputijiet tagħha, u għalkemm kien hemm ċerti konsegwenzi diffiċli, kollox deher bħallikieku qatt ma kienet telqet.

Xi wħud minnkom, bħall-familja Nielson, għandkom membri tal-familja li temporanjament tilfu t-triq tagħhom. L-istruzzjoni tas-Salvatur lil dawk kollha li għandhom 100 nagħġa hi li jħallu d-disgħa u disgħin u jmorru jsalvaw lil waħda. L-istruzzjoni Tiegħu lil dawk li għandhom 10 biċċiet fidda u jitilfu waħda hi li jkomplu jfittxuha sakemm isibuha. Meta n-nagħġa l-mitlufa tkun ibnek jew bintek, ħuk jew oħtok, u tagħżel li titlaq, aħna tgħallimna fil-familja tagħna li, wara dak kollu li stajna nagħmlu, aħna bqajna nħobbu lil dik il-persuna b’ qalbna kollha u bqajna nitolbu u nistennew biex naraw id il-Mulej.

Forsi l-aktar lezzjoni importanti li għallimni l-Mulej tul dan il-proċess seħħet waqt l-istudju tal-iskrittura li kellna flimkien bħala familja wara li oħti telqet mill-Knisja. Ibni David kien qed jaqra waqt l-istudju tagħna flimkien Luqa 15. Hekk kif spiċċa jaqra l-parabbola tal-iben il-ħali, dak inhar bħal qisha smajtha differenti milli qatt kont smajtha qabel. Għal xi raġuni, jien dejjem stajt inqabbel ruħi mal-iben li baqa’ d-dar. Hekk kif f’ dik l-għodwa David qara l-iskrittura, jiena rrealizzajt li f’ ċertu sens, jiena kont l-iben il-ħali. Ilkoll kemm aħna niċċaħħdu mill-glorja tal-Missier (ara Rumani 3:23). Ilkoll kemm aħna għandna bżonn l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur biex tfejjaqna. Ilkoll kemm aħna ninsabu mitlufin u hemm bżonn li niġu misjubin. Dak inhar din ir-rivelazzjoni għenitni nkun naf li kemm oħti kif ukoll jiena, it-tnejn kellna bżonn l-imħabba tas-Salvatur u l-Att tal-Fidwa Tiegħu. Fil-fatt, jiena u Susan konna ninsabu fl-istess triq lura d-dar.

Kliem is-Salvatur fil-parabbola hekk kif Huwa ddeskriva l-missier qed jilqa’ lil ibnu l-ħali huwa mill-aktar qawwi, u jiena nemmen li tista’ fil-fatt tkun deskrizzjoni tal-esperjenza li intom u jiena jista’ jkollna meta nerġgħu lura fid-dar tagħna fis-smewwiet. Kliemu jgħallimna dwar missier li jħobbna u jistenniena. Dan huwa kliem is-Salvatur: ”Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu” (Luqa 15:20).

Jalla intom u jiena nirċievu r-rivelazzjoni li minnha nsiru nafu b’liema mod l-aħjar li navviċinaw lil dawk li jinsabu mitlufin u, meta jkun neċessarju, ikollna l-paċenzja u l-imħabba li għandhom Missierna tas-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu, hekk kif aħna nħobbu u nistennew lill-iben il-ħali. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja