Nerġgħu Lura għall-Fidi
Ilkoll kemm aħna nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu fil-vjaġġ individwali tagħna u nsibu l-ferħ.
F’ din l-għodwa tal-Għid, President Monson, aħna verament grati li nistgħu nisimgħu leħen il-profeta ħaj tagħna. Aħna ngħożżu kliemek, inkluż il-kunsill sabiex ”Insibu l-ferħ fil-vjaġġ”1 u ”Il-futur jiddi daqs il-fidi tagħkom.”2
Din is-sena t-tfal tal-Primarja qed jaqsmu ma’ xulxin il-ferħ u d-dija tal-fidi tagħhom f’ Ġesù Kristu meta huma jkantaw l-għanja ”Jien Naf li s-Salvatur Tiegħi Jħobbni.” Huma jkantaw il-verità ”Jiena naf li Huwa jgħix! ... Qalbi jiena nagħtih.”3 Bħat-tfal tal-Primarja, ilkoll kemm aħna nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu fil-vjaġġ individwali tagħna u nsibu l-ferħ.
Waqt laqgħa riċenti tal-Ħadd tas-Soċjetà tal-Għajnuna, jiena smajt waħda omm żagħżugħa taqsam magħna parti mill-vjaġġ tagħha tal-konverżjoni. Hija trabbiet fil-Knisja, b’ ġenituri li għallmuha l-evanġelju. Hija attendiet il-Primarja, it-Tfajliet, u s-seminarju. Hija tħobb titgħallem u tiskopri l-verità. F’ ħajjitha kienet qed tfittex kontinwament li tkun taf għaliex. Il-Presbiteru Russell M. Nelson qal, ”Il-Mulej jista’ jgħallem biss moħħ li jixtieq ikun jaf.”4 U din il-mara żagħżugħa verament riedet issir taf.
Wara li spiċċat l-iskola sekondarja hija marret l-università, ġiet issiġillata fit-tempju ma’ raġel li kien serva missjoni, u tbierket bi tfal ħelwin.
Bi spirtu ta’ waħda li xtaqet tkun taf, din l-omm kompliet tistaqsi l-mistoqsijiet. Iżda aktar mal-mistoqsijiet bdew isiru diffiċli, aktar bdew isiru diffiċli t-tweġibiet. U xi kultant ma bdiet issib l-ebda tweġiba—jew l-ebda tweġiba li kienet iġġibilha l-paċi. Eventwalment, hekk kif bdiet tipprova ssib dawn it-tweġibiet, beda jkollha aktar u aktar mistoqsijiet, u bdiet tiddubita f’uħud mis-sisien l-aktar importanti tal-fidi tagħha.
Tul dan iż-żmien mill-aktar konfuż, xi wħud minn dawk li kien hemm madwarha qalulha, ”Serraħ fuq il-fidi tiegħi.” Iżda hija kienet qalet lilha nfisha, ”Ma nistax. Intom mhux qed tifhmu; intom m’intomx titħabtu mal-istess ħwejjeġ li qed itaqqlu lili.” Hija spjegat, ”Kont lesta nuri korteżija ma’ dawk li ma kellhomx dubji jekk huma kienu lesti li juru korteżija miegħi.” U ħafna hekk għamlu.
Hija qalet, ”Il-ġenituri tiegħi kienu jafu x’ hemm f’ qalbi u tawni l-ispazju tiegħi. Huma għażlu li jħobbuni waqt li kont qed nipprova nifhem x’ kien għaddej.” Bl-istess mod, l-isqof ta’ din l-omm żagħżugħa ltaqa’ magħha ta’ spiss u qalilha li kellu fiduċja fiha.
Anke l-membri tal-qasam tagħha ma qagħdux lura biex juruha l-imħabba tagħhom u b’ hekk hija ħassitha parti minnhom. Il-qasam tagħha ma kienx post fejn wieħed irid jippretendi li hu perfett; kien post fejn wieħed jitrawwem.
”Ġrat xi ħaġa verament interessanti,” ftakret hi. ”Tul dak iż-żmien jiena ħassejt kuntatt mill-aktar reali man-nanniet tiegħi li kienu mejtin. Huma kienu qed jissapportjawni u jħeġġuni sabiex inkompli nipprova. Ħassejt li kienu qed jgħiduli, ’Iffoka fuq dak li taf.’”
Minkejja dawn il-forzi li kienu qed jissapportjawha, hija ma baqgħetx aktar attiva. Hija qalet, ”Ma sseparajtx ruħi mill-Knisja minħabba xi mġieba ħażina, xi apatija spiritwali, għax kont qed infittex xi skuża biex ma ngħixx il-kmandamenti jew għax kont qed infittex it-triq il-faċli. Ħassejt li ridt tweġiba għall-mistoqsija ’Fil-verità jiena x’ nemmen?’”
F’ dawk iż-żminijiet hija qrat ktieb bil-kitbiet ta’ Madre Teresa, li tkelmet dwar ċerti sentimenti simili għal tagħha. F’ ittra mill-1953, Madre Teresa kitbet: ”Jekk jogħġbok itlob speċjalment għalija li jiena ma nittraskurax il-ħidma Tiegħu u sabiex il-Mulej Tagħna juri lilu Nnifsu lili—għax ġo fija hemm dalma terribbli, bħallikieku kollox jinsab mejjet. Ilni nħossni hekk bażikament minn meta bdejt ’il-ħidma.’ Itlob lill-Mulej sabiex jagħtini l-kuraġġ.”
L-Arċisqof Périer wieġeb: ”Alla jiggwidak, għażiża Madre; inti ma tinsabx fid-dlam daqs kemm taħseb. It-triq li rridu ngħaddu minnha taf ma tkunx dejjem ċara mill-ewwel. Itlob għad-dawl; tiħux deċiżjonijiet ta’ mument, isma’ x’ għandu xi jgħid ħaddieħor, ikkunsidra dak li jgħidulek. Dejjem issib xi ħaġa li tgħinek. … Iggwida ruħek permezz tal-fidi, permezz tat-talb u billi tixtarr b’ intenzjoni ġusta.”5
Ħabibti ħasbet li jekk Madre Teresa setgħet tgħix ir-reliġjon tagħha mingħajr ma kellha t-tweġibiet kollha u mingħajr ma kienet taf kollox b’ ċarezza, forsi mela anke hi setgħet tagħmel l-istess. Setgħet tagħmel pass żgħir ’il quddiem bil-fidi—imbagħad pass ieħor. Hija setgħet tiffoka fuq il-veritajiet li kienet temmen fihom u tħalli dawk il-veritajiet jimlewlha moħħha u qalbha.
Hekk kif bdiet tirrifletti fuq dak iż-żmien, hija qalet, ”It-testimonjanza tiegħi kienet saret qisha munzell irmied. Kienet inħarqet kollha. Dak li kien baqa’ kien Ġesù Kristu.” Hija kompliet, ”Iżda huwa ma jħallikx meta inti jkollok ċerti mistoqsijiet. Meta xi ħadd ikun qed jipprova jżomm il-kmandamenti, il-bieb ikun dejjem miftuħ. It-talb u l-iskrittura kienu saru mill-aktar importanti.”
L-ewwel pass tagħha biex tibni l-fidi tagħha kien li tibda bil-veritajiet bażiċi tal-evanġelju. Hija xtrat ktieb bl-għanjiet tal-Primarja u bdiet taqra l-kliem tal-għanjiet. Għaliha kienu bħal teżor. Hija talbet biex ikollha l-fidi ħalli ġġorr it-toqol li kienet qed tħoss.
Hija sabet li meta kienet issib quddiemha xi dikjarazzjoni li kienet twassalha biex tiddubita, ”kont nieqaf, inħares lejn l-istampa sħiħa u nagħmel l-evanġelju xi ħaġa personali għalija.” Hija qalet, ”Kont nistaqsi, ’Tgħid din hija l-aħjar triq għalija u għall-familja tiegħi?’ Xi kultant kont nistaqsi lili nnifsi, ’Xi rrid minn uliedi?’ Sibt li ridt kien li huma jiżżewġu fit-tempju. Kien hemm meta erġajt ksibt f’ qalbi t-twemmin.”
Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland qal, ”L-umiltà, il-fidi u l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu dejjem se jkunu elementi għal kull tfittxija għall-verità.”6
Għalkemm hija kellha ċerti mistoqsijiet dwar kif ġie fis-seħħ il-Ktieb ta’ Mormon, hija ma setgħetx tiċħad il-veritajiet li kienet taf li kien hemm fil-Ktieb ta’ Mormon. Hija ffukat li tistudja t-Testment il-Ġdid biex tifhem aħjar is-Salvatur. ”Iżda eventwalment,” qalet hi, ”Sibt lili nnifsi lura fil-Ktieb ta’ Mormon għaliex verament kont inħobb is-sentiment li kont inħoss meta naqra dwar Ġesù Kristu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu.”
Hija temmet tgħid, ”Hemm bżonn li jkollkom l-esperjenzi spiritwali tagħkom stess bil-veritajiet li hemm f’ dak il-ktieb,” u hi hekk kien qed ikollha. Hija spjegat, ”Qrajt f’ Mosiah u ħassejt verament li sibt id-direzzjoni: ’Emmnu f’ Alla; emmnu li huwa jeżisti, u li hu ħoloq kollox … ; emmnu li hu għandu l-milja tal-għerf, u tal-qawwa, kemm fis-sema u kemm fl-art; emmnu li l-bniedem ma jistax jifhem dak kollu li jista’ jifhem il-Mulej.’7”
F’ dak iż-żmien irċeviet sejħa biex isservi bħala pjanista fil-Primarja. ”Ma kienx hemm problema,” hija qalet. ”Ridt li wliedi jattendu l-Primarja, u issa stajt inkun magħhom. U kont għadni mhux lesta biex ngħallem.” Hekk kif bdiet isservi, hija kompliet tħoss minn dawk ta’ madwarha l-istedina ”Ejja; għandna bżonnok, tinsab fejn tinsab, u niltaqgħu miegħek hemm. Agħtina dak kollu li għandek x’ toffri.”
Waqt li kienet tkun qed iddoqq l-għanjiet tal-Primarja, ħafna drabi kienet tgħid bejna u bejn ruħha, ”Din hi l-verità li jiena nħobb. Għadni nista’ naqsam it-testimonjanza tiegħi. Nista’ ngħid biss dawk il-ħwejjeġ li jiena naf u għandi fiduċja fihom. Jaf ma tkunx xi testimonjanza perfetta, iżda tkun it-testimonjanza tiegħi. Dak li niffoka fuqu nħossu jikber ġo fija. Ħaġa mill-isbaħ li mmur lura għall-assenza tal-evanġelju u nħoss ċerta ċarezza.”
F’ dik l-għodwa tal-Ħadd, hekk kif bdejt nisma’ lil din l-oħt żagħżugħa taqsam l-istorja tal-vjaġġ tagħha, ġie f’ moħħi li ”huwa fuq il-blata tal-Feddej tagħna” li aħna għandna nibnu l-pedament tagħna.8 Ġie f’ moħħi wkoll il-kunsill tal-Presbiteru Jeffrey R. Holland: ”Żommu sod ma’ dak li diġà tafu u ieqfu sodi sakemm tiksbu aktar għarfien.”9
Matul il-lezzjoni tagħha, sirt naf b’ mod ferventi li t-tweġibiet għall-mistoqsijiet sinċiera tagħna niksbuhom meta aħna nfittxu b’ ħerqa u ngħixu l-kmandamenti. Ġie f’ moħħi li l-fidi tagħna tista’ tespandi lil hinn mil-limitu tal-mument.
U, kemm nixtieq inkun bħal dawk li daru ma’ din l-omm żagħżugħa, li ħabbewha u ssapportjawha. Kif qal il-President Dieter F. Uchtdorf: ”Aħna lkoll pellegrini li qed infittxu d-dawl ta’ Alla hekk kif qed nivvjaġġaw fit-triq tagħna bħala dixxipli. Ma nikkundannawx lil oħrajn għal kemm għandhom jew m’għandhomx dawl; minflok, għandna nsostnu u ninkuraġġixxu d-dawl kollu li hemm sakemm jikber fiċ-ċarezza, fid-dija u fil-verità.”10
Meta t-tfal tal-Primarja jkantaw ”It-Talba ta’ Tifel,” huma jistaqsu: ”Missier tas-Smewwiet, inti veru tinsab hemm? U veru tisma’ u twieġeb kull talba ta’ kull tifel?”11
Aħna wkoll nafu nistaqsu, ”Missierna tas-Smewwiet verament jinsab hemm?” nimtlew bil-ferħ biss—kif għamlet ħabibti—meta t-tweġibiet tagħna nirċevuhom permezz ta’ sentimenti siekta u sempliċi. Jiena nixhed li aħna nħossu dawk is-sentimenti sempliċi hekk kif Huwa jsir tagħna. Jiena nixhed li l-verità tinsab fid-dinja llum u l-evanġelju Tiegħu jinsab fil-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. F’ isem Ġesù Kristu, amen.