2010-2019
Il-Perspettiva Eterna tal-Evanġelju
April 2015


Il-Perspettiva Eterna tal-Evanġelju

Meta niġu biex nieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw l-eternità, huwa importanti li npoġġu quddiem għajnejna l-perspettiva tal-evanġelju.

F’ rivelazzjoni mogħtija lil Mosè, aħna ġejna mgħarrfin bl-intenzjoni ta’ Missierna tas-Smewwiet kif inhi ddikjarata: ”Għax araw, din hija l-ħidma tiegħi u l-glorja tiegħi—li nġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”1 Skont dik id-dikjarazzjoni, ix-xewqa tal-Missier hi li jagħti lil kull persuna l-opportunità li tirċievi l-milja tal-ferħ. Ir-rivelazzjonijiet tal-aħħar jiem jiżvelaw li Missierna tas-Smewwiet fassal pjan kbir ta’ hena għall-uliedu kollha, pjan mill-aktar speċjali ħalli nkunu nistgħu nerġgħu lura biex ngħixu Miegħu.

Li aħna nifhmu dan il-pjan ta’ hena jagħtina perspettiva eterna u jgħinna napprezzaw verament il-kmandamenti, l-ordinanzi, il-patti, u l-isfidi u t-tribulazzjonijiet.

Prinċipju ewlieni nitgħallmuh minn Alma: ”“Għalhekk Alla tahom il-kmandamenti, wara li wriehom il-pjan tal-fidwa.”2

Interessanti li ninnutaw is-segwenza fil-proċess tat-tagħlim. Missierna tas-Smewwiet l-ewwel għallem lil Adam u Eva l-pjan ta’ fidwa, u mbagħad tahom il-kmandamenti.

Din hija l-kbira verità. Li n-nies l-ewwel jifhmu sew il-pjan jgħinhom biex huma jżommu l-kmandamenti, jieħdu deċiżjonijiet aħjar u jkollhom il-motivazzjoni xierqa.

Matul iż-żmien li ili nservi fil-Knisja, jiena rajt b’ għajnejja d-devozzjoni u l-fedeltà tal-membri tal-Knisja f’ għad ta’ pajjiżi differenti, li wħud minnhom jinsabu f’ kunflitt politiku, soċjali u ekonomiku. Fattur ewlieni li spiss rajt f’ dawn il-membri fidili huwa l-perspettiva li huma għandhom tal-eternità. Il-perspettiva eterna tal-evanġelju twassalna biex nifhmu x’ post nokkupaw aħna fil-pjan ta’ Alla, li naċċettaw id-diffikultajiet u permezz tagħhom nimxu ’l quddiem, u li f’ ħajjitna niffukaw dejjem fuq il-potenzjal divin tagħna.

Perspettiva hija l-mod kif inħarsu lejn xi ħaġa meta nkunu qed inħarsu lejha minn ċerta distanza, u tagħtina ċ-ċans napprezzaw il-veru valur tagħha.

Qisu bħal meta nkunu ġo foresta u jkollna siġra quddiemna. Sakemm ma nimxux pass lura, ma nkunux kapaċi napprezzaw x’inhi verament foresta. Darba jiena mort inżur il-Ġungla tal-Amażonja ġewwa Leticia, fil-Kolumbja, ħdejn il-fruntieri mal-Brażil u l-Peru. Il-kobor veru tagħha stajt napprezzah meta tlajt biex inħares lejha fuq ajrupjan u minn hemm stajt nara l-vera perspettiva.

Meta t-tfal tagħna kienu għadhom żgħar, huma kienu jsegwu stazzjoni tat-televiżjoni li kien juri programm jismu What Do You See? Id-direzzjoni kienet tiffoka fil-viċin ħafna fuq xi ħaġa, u t-tfal kienu jkunu jridu jaqtgħu x’ kienet hekk kif il-kamera kienet tiftaħ ftit ftit l-imaġini tal-oġġett. Ladarba kont tista’ tara l-oġġett sħiħ, kien ikun faċli biex tgħid jekk kienx ikun qattus, pjanta, biċċa frotta, eċċ.

Niftakar darba huma kienu qed isegwu dan il-programm u bdew juru xi ħaġa li tant kienet mill-qrib li bdew jarawha verament kerha, saħasnitra kważi diżgustanti; iżda hekk kif l-imaġini bdiet tiftaħ ’il barra, indunaw li l-oġġett kien pizza li verament tiftaħlek l-aptit. Imbagħad huma qaluli, ”Pa, ixtrilna waħda bħal dik!” Wara li fehmu x’ kienet, xi ħaġa li għall-ewwel ma dehret xejn sabiħa spiċċaw jarawha bħala xi ħaġa mill-aktar attraenti.

Ippermettuli naqsam magħkom esperjenza oħra. Fid-dar tagħna, it-tfal kienu jħobbu jagħmlu l-jigsaw puzzles. Ilkoll kemm aħna probabbilment kellna l-opportunità li nagħmlu waħda. Uħud minnhom huma magħmulin minn biċċiet mill-aktar żgħar. Niftakar li wieħed mit-tfal tagħna (mhux se nsemmi ismu biex nipproteġi l-identità tiegħu) kien iħobb jiffoka fuq kull biċċa individwali, u meta waħda minnhom ma kenitx tidħol tajjeb fil-post fejn kien jaħseb li kellha tidħol, kien jaqbad jirrabja u kien jassumi li ma kenitx tajba u jkun irid jarmiha. Huwa finalment tgħallem jagħmel il-puzzle meta fehem li kull biċċa żgħira kienet importanti fl-istampa finali, anke meta kien jiġi ħin li ma kienx ikun jaf fejn kellha titpoġġa.

Dan huwa wieħed mill-modi kif nistgħu nħarsu lejn il-pjan tal-Mulej. M’għandniex noqogħdu niffukaw wisq fuq kull waħda mill-partijiet separati iżda pjuttost għandna nippruvaw inġibu quddiem għajnejna l-istampa sħiħa, filwaqt li nżommu f’ moħħna x’ se jkun ir-riżultat finali. Il-Mulej jaf fejn għandha titpoġġa kull biċċa ħalli tiffittja sew fil-pjan. Il-kmandamenti kollha huma ta’ importanza eterna fil-kuntest tal-pjan kbir ta’ ferħ.

Huwa importanti immens li aħna ma nieħdu l-ebda deċiżjoni ta’ valur etern mill-perspettiva tal-mortalità. Meta niġu biex nieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw l-eternità, huwa importanti li npoġġu quddiem għajnejna l-perspettiva tal-evanġelju.

Il-Presbiteru Neal A. Maxwell għallem: ”Għalkemm ’ankrati’ fit-tama kbira u aħħarija, xi wħud mit-tamiet tattiċi tagħna huma xi ħaġa oħra. Aħna nistgħu nittamaw li jkollna żieda fil-paga, li noħorġu ma’ xi ħadd speċjali, li niksbu xi rebħa elettorali jew li jkollna dar akbar—ħwejjeġ li nistgħu jew ma nistgħux niksbuhom. Il-fidi fil-pjan tal-Missier tagħtina l-kuraġġ nibqgħu għaddejjin anke meta dawn il-ħwejjeġ li nkunu ttamajna għalihom ma jseħħux. It-tama żżommna ’okkupati b’ ħerqa’ għal kawża tajba anke meta kollox ikun qed jidher li dik il-kawża ma tantx tidher li se tirnexxi (ara D&C 58:27 ).”3

Jekk ma jkollniex perspettiva eterna, jew forsi kellna iżda tlifnieha, jista’ jwassalna sabiex aħna jkollna perspettiva mortali bħala l-istandard personali tagħna u nispiċċaw nieħdu d-deċiżjonijiet li ma jkunux f’ armonija mar-rieda ta’ Alla.

Il-Ktieb ta’ Mormon jitkellem dwar l-attitudni li Nefi ħa u l-attitudni ta’ Laman u Lemwel. Ilkoll kemm huma soffrew bosta sofferenzi u diffikultjiet; madankollu, l-attitudni tagħhom lejn dan kollu kienet waħda mill-aktar differenti. Nefi qal, ”U tant kienu kbar il-barkiet tal-Mulej fuqna, li filwaqt li fid-deżert bqajna ngħixu billi konna nieklu l-laħam nej, in-nisa tagħna kellhom ħafna xi jreddgħu lil uliedhom, u kienu b’ saħħithom, iva, sewwasew daqs l-irġiel; u huma bdew jissaportu l-vjaġġi tagħhom mingħajr ebda tgergir.”4

Laman u Lemwel, mill-banda l-oħra, bdew jilmentaw bil-kbir. ”U b’ hekk, Laman u Lemwel, li kienu l-kbar fost l-aħwa, bdew igergru kontra missierhom. U huma bdew igergru peress li ma kinux jafu l-ħwejjeġ ta’ Alla li kien ħalaqhom.”5 Li ma tkunx taf jew ma tagħtix kas ”il-ħwejjeġ ta’ … Alla” huwa mod kif tista’ titlef il-perspettiva eterna, u t-tgergir huwa wieħed mis-sintomi. Avolja Laman u Lemwel raw b’ għajnejhom stess bosta mirakli flimkien ma’ Nefi, huma ddikjaraw u qalu: ”U aħna ilna niġġerrew fid-deżert għal ħafna snin; u n-nisa tagħna tħabtu ħafna, peress li kellhom bosta xhur tqala; u huma weldu t-tfal fid-deżert u spiċċaw daqu kollox ħlief il-mewt; u kien ikun aħjar li kieku mietu qabel telqu minn Ġerusalemm milli kellhom jgħaddu minn dan kollu.”6

Dawn kienu żewġ attitudnijiet mill-aktar differenti, avolja d-diffikultajiet u s-sofferenza li ħabbtu wiċċhom magħha kienu l-istess. Ovvjament, il-perspettiva tagħhom kienet għal kollox differenti.

Il-President Spencer W. Kimball kiteb hekk: “Jekk inħarsu lejn il-mortalità bħala l-unika eżistenza tagħna, mela għandna biex inkunu verament pessimisti minħabba l-uġigħ, in-niket, il-falliment u l-ħajja qasira li ngħixu. Iżda jekk inħarsu lejn il-ħajja bħala xi ħaġa eterna li tmur lura fil-passat primortali u tibqa’ sejra fil-futur etern ta’ wara l-mewt, hemm inkunu nistgħu naraw kollox mill-perspettiva xierqa.”7

Il-Presbiteru David B. Haight irrakkonta storja dwar l-iskultur Michelangelo biex jagħti eżempju dwar l-importanza li tħares lejn kull ħaġa minn perspettiva xierqa: ”Hekk kif l-iskultur kien qed jiskolpi blokka rħam, kien hemm wieħed tifel misħti li kuljum kien imur joqgħod iħares lejh. Meta minn dik il-blokka rħam bdiet tfeġġ il-figura ta’ David, lesta biex tiġi ammirata mid-dinja kollha, it-tifel staqsa lil Michelangelo, ’Kif kont taf li kien jinsab hemm ġew?’”8

Il-perspettiva li minnha l-iskultur kien qed iħares lejn il-blokka rħam kienet differenti minn tat-tifel li kien qed jarah jaħdem. Il-viżjoni tal-artist dwar il-possibiltajiet li seta’ joħroġ mill-irħam tawh iċ-ċans joħloq biċċa xogħol tal-arti.

Il-Mulej jaf xi jrid iwettaq b’ kull wieħed u waħda minna. Huwa jaf x’ tip ta’ riforma Huwa jrid li jikseb minn ħajjitna, u aħna m’għandniex dritt nagħtuh il-pariri. Ħsibijietu huma ogħla minn ħsibijietna.9

Jiena nixhed li aħna għandna Missier tas-Smewwiet ġust u ħanin li verament iħobbna, u li fassal pjan għall-ferħ etern tagħna. Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa Ibnu u s-Salvatur tad-dinja. Jiena naf li l-President Thomas S. Monson huwa profeta ta’ Alla. Jiena ngħid dan kollu fl-isem imqaddes ta’ Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja