L-Aqwa Ġenerazzjoni ta’ Adulti Żgħażagħ
Issa li neħtieġu minnkom hu li intom tkunu l-aqwa ġenerazzjoni ta’ adulti żgħażagħ fl-istorja tal-Knisja. Neħtieġu qalbkom u ruħkom kollha.
Waħda mill-aktar ħwejjeġ li nieħu gost bihom waqt li nivvjaġġa madwar id-dinja hi li jkolli l-opportunità li niltaqa’ u nsellem lill-missjunarji tagħna. Wiċċ dawn il-presbiteri u s-sisters twajba jiddi d-Dawl ta’ Kristu, u jiena dejjem nispira ruħi mill-imħabba tagħhom għall-Mulej Ġesù Kristu u mis-servizz devot tagħhom lejh. Kull darba li noħdilhom b’ idejhom u nħoss l-ispirtu u l-fidi mill-aqwa tagħhom, jiena ngħid lili nnifsi, ”Dawn uliedna mill-aktar meraviljużi huma verament miraklu!”
Matul il-laqgħa ġenerali tas-saċerdozju ta’ Ottubru 2002, jiena sfidajt lill-isqfijiet, lill-ġenituri u lill-missjunarji prospettivi sabiex ”jgħollu l-istandard” għal dawk li jservu bħala missjunarji full-time.
Dak iż-żmien kont għedt li ”neħtieġu minnkom … hu li intom tkunu l-aqwa ġenerazzjoni ta’ adulti żgħażagħ fl-istorja tal-Knisja. Neħtieġu missjunarji denji, kwalifikati, u mimlijin spiritu. …
”… Neħtieġu li toffru qalbkom u ruħkom kollha. Neħtieġu missjunarji mimlijin entużjażmu, intelliġenti u li jafu kif jisimgħu u jwieġbu għall-vuċi siekta tal-Ispirtu s-Santu.”1
Id-dinja llum, f’ diversi modi, hija ferm aktar diffiċli milli kienet 13-il sena ilu. Iż-żgħażagħ tagħna għandhom wisq aktar ħwejjeġ xi jtellfuhom fit-tħejjija tagħhom kemm biex iservu missjoni kif ukoll biex fil-futur jgħixu ħajja hienja. It-teknoloġija kibret, u kważi kulħadd għandu aċċess għal xi teblit jew telefon ċellulari, li faċilment iżżommhom f’ idejk, li jistgħu jintużaw minn ulied Alla kemm biex jagħmlu ħafna ġid kif ukoll biex iwettqu l-ħażin, anke jekk ma jkunux konxji tiegħu.
Illejla se nindirizza lil dawk il-missjunarji li qed iservu bħalissa, lill-missjunarji tal-futur, lil dawk li diġà temmu l-missjoni tagħhom u lill-irġiel adulti żgħażagħ kollha fil-Knisja. Nitlob sabiex tifhmu u bir-reqqa tikkunsidraw dak li se ngħidilkom waqt li intom tivvjaġġaw tul dawn is-snin eċċitanti ta’ ħajjitkom fejn tant huwa mistenni minnkom.
Fiż-żminijiet bikrin tal-Knisja, il-missjunarji kienu jiġu intervistati minn xi Awtorità Ġenerali qabel ma jitilqu għall-missjoni tagħhom. Illum intom tiġu intervistati biex isservu bħala missjunarji mill-isqfijiet u l-presidenti tal-wited tagħkom, u ħafna minnkom tgħaddu ħajjitkom kollha mingħajr qatt ma tiġu intervistati minn xi Awtorità Ġenerali. Dan huwa sempliċiment riflessjoni tar-realtà fi knisja dinjija ta’ aktar minn 15-il miljun membru. Naf li nkun qiegħed nitkellem f’ isem ħuti meta ngħidilkom li nixtiequ li hi ħaġa possibbli għalina li nsiru nafukom ilkoll personalment u li nkunu kapaċi ngħidulkom li nħobbukom u li nissapportjawkom.
Fortunatament il-Mulej ipprovda modi għalina kif nistgħu nilħqukom. Per eżempju, membru tal-Kworum tat-Tnax jassenja lil kull missjunarju fil-missjoni tiegħu jew tagħha. Għalkemm dan ma jsirx bil-mod tradizzjonali, jiġifieri permezz ta’ intervista wiċċ imb’wiċċ, it-teknoloġija u r-rivelazzjoni flimkien iwasslu għal esperjenza mill-aktar intima u personali. Ippermettuli nispjegalkom kif iseħħ dan.
Ir-ritratt tagħkom jitla’ fuq l-iskrin tal-kompjuter, flimkien ma’ ċerta informazzjoni importanti li tkun ġiet ipprovduta mill-isqof u mill-president tal-wited tagħkom. Meta jidher ir-ritratt tagħkom, aħna nħarsu f’ għajnejkom u nagħtu ħarsa lejn it-tweġibiet tagħkom għall-mistoqsijiet tar-rakkomandazzjoni ta’ missjunarju. Għal dak il-ftit ħin, intom tkunu qiskom tinsabu preżenti magħna u qed tweġbuna direttament.
Hekk kif inħarsu lejn ir-ritratt tagħkom, aħna nafdaw li intom għamiltu dak kollu li tistgħu biex ”tgħollu l-istandard” li hu meħtieġ minnkom illum sabiex tkunu missjunarji fidili u ta’ suċċess. Imbagħad, bil-qawwa tal-Ispirtu tal-Mulej u taħt id-direzzjoni tal-President Thomas S. Monson, aħna nassenjawkom f’ waħda mill-406 missjonijiet li l-Knisja għandha madwar id-dinja.
Le, mhux l-istess bħal intervista personali u wiċċ imb wiċċ. Iżda viċin biżżejjed.
Il-konferenzi permezz tal-vidjo huwa mod ieħor li jgħinna nilħqu lill-mexxejja u l-membri tal-Knisja li jgħixu ’l bogħod ħafna mill-kwartieri ewlenin tal-Knisja.
Filwaqt li żżommu dan kollu f’ moħħkom, nixtieq lil dawk fostkom li qed jitħejjew biex iservu missjoni, dawk li ġew lura, u intom l-adulti żgħażagħ kollha sabiex tqattgħu ftit minuti miegħi bħallikieku qed ikollna konverżazzjoni personali permezz tal-vidjo issa stess. Jekk jogħġobkom ħarsu lejja għal ftit minuti bħallikieku intom u jiena aħna l-uniċi nies fil-kamra, tinsabu fejn tinsabu bħalissa.
Min-naħa tiegħi, se nimmaġina li qed inħares f’ għajnejkom u qed nisma’ bir-reqqa t-tweġibiet tagħkom għal ftit mistoqsijiet li nemmen li jistgħu juruni b’ mod tajjeb kemm hi qawwija t-testimonjanza tagħkom u d-devozzjoni tagħkom lejn Alla. Jekk nista’ nipparafraża dak li għedt lill-missjunarji 13-il sena ilu, li neħtieġu minnkom illum hi li intom tkunu l-aqwa ġenerazzjoni ta’ adulti żgħażagħ fl-istorja tal-Knisja. Neħtieġu li toffru qalbkom u ruħkom kollha. Neħtieġu adulti żgħażagħ mimlijin entużjażmu, intelliġenti u li jafu kif jisimgħu u jwieġbu għall-vuċi siekta tal-Ispirtu s-Santu hekk kif ta’ kuljum intom tħabbtu wiċċkom mal-isfidi u t-tentazzjoni bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem żgħażagħ u moderni.
Fi kliem ieħor, wasal iż-żmien li jogħla l-istandard mhux biss għall-missjunarji iżda wkoll għal dawk li temmew il-missjoni tagħhom u għall-ġenerazzjoni sħiħa tagħkom. Għalhekk, jekk jogħġobkom xtarru f’ qalbkom it-tweġibiet tagħkom għal dawn il-mistoqsijiet:
-
Tfittxu fl-iskrittura regolarment?
-
Tinżlu għarkubbtejkom fit-talb kull filgħodu u kull filgħaxija biex titkellmu ma’ Missierkom tas-Smewwiet?
-
Issumu u toffru l-offerta tas-sawm kull xahar—anke jekk intom studenti foqra, titħabtu mal-ħajja, li ma taffordjawx li tagħtu ħafna?
-
Taħsbu fil-fond dwar is-Salvatur u s-sagrifiċċju tat-tpattija Tiegħu għalikom meta tiġu mitlubin sabiex tħejju, tbierku, tgħaddu jew tieħdu sehem fis-sagrament?
-
Tattendu l-laqgħat tagħkom u tagħmlu l-almu tagħkom biex tqaddsu jum is-Sabbath?
-
Intom onesti fid-dar, fl-iskola, fil-knisja u fuq ix-xogħol?
-
Tinsabu mentalment u spiritwalment safjin? Tevitaw li taraw il-pornografija jew tħarsu lejn ċerti websajts, rivisti, films, jew applikejxins, fosthom Tinder u Snapchat, li timbarazzaw ruħkom kieku kellhom jarawkom il-ġenituri tagħkom, il-mexxejja tagħkom tal-Knisja jew is-Salvatur innifsu?
-
Toqogħdu attenti kif tqattgħu ħinkom—tevitaw ċerta teknoloġija u midja soċjali mhux xierqa, inkluż ċertu logħob tal-kompjuter li jistgħu jdallmu is-sensittività spiritwali tagħkom?
-
Hemm xi ħaġa f’ ħajjitkom li hemm bżonn li tibdlu u tirranġaw, u tibdew mil-lejla stess?
Grazzi għal din iż-żjara personali qasira. Nittama li weġibtu kull mistoqsija b’ onestà u bi ħsieb. Jekk issibuha diffiċli biex timxu ma’ xi wieħed minn dawn il-prinċipji sempliċi, jiena nitlobkom sabiex b’ kuraġġ tindmu u taraw li ħajjitkom terġa’ tkun f’ armonija mal-istandards tal-evanġelju li għandhom iżommu d-dixxipli twajba kollha.
Issa, ħuti, tippermettuli noffrilkom ftit aktar kunsill li jista’ jgħinkom tiżirgħu fil-fond ta’ qalbkom u ta’ ruħkom it-testimonjanza tal-evanġelju?
Irrid infakkar lilkom li ġejtu lura minn missjoni li t-tħejjija tagħkom għall-ħajja u għall-familja għandha tkun waħda kontinwa. Intom mhux Mormoni li rtirajtu. Bħala missjunarji li temmejtu l-missjoni tagħkom intom għandkom ”tkunu anzjużi li taħdmu għal kawża tajba, u tagħmlu ħafna ħwejjeġ minn jeddkom, u ġġibu fis-seħħ bosta għemejjel tajba.” 2
Jekk jogħġobkom użaw il-ħiliet li tgħallimtu fil-missjoni tagħkom biex tbierku l-ħajja tan-nies ta’ madwarkom kuljum. L-enerġija tagħkom taħluhiex biss fuq l-istudju, fuq ix-xogħol jew fuq l-attivitajiet soċali tagħkom u ma ssibux ħin biex sservu lil ħaddieħor. Minflok, ibbilanċjaw ħajjitkom permezz ta’ esperjenzi spiritwali li jfakkrukom u jħejjukom biex kuljum tkomplu tamministraw lil ħaddieħor.
Matul il-missjoni tagħkom intom titgħallmu l-importanza li żżuru n-nies fi djarhom. Nittama li l-adulti żgħażagħ kollha tagħna, sew jekk servejtu missjoni full-time sew jekk le, tifhmu l-importanza li żżuru n-nies li huma weħidhom, morda jew għandhom bżonn il-faraġ— u dan tagħmluh mhux biss bħala xi essajnment iżda wkoll minħabba l-imħabba ġenwina tagħkom lejn Missierna tas-Smewwiet u lejn uliedu.
Intom li qegħdin fl-iskola sekondarja li qed tħejju għal missjoni, inħeġġiġkom sabiex tipparteċipaw u tiggradwaw fis-seminarju. Intom l-adulti żgħażagħ għandkom tinkitbu f’ istitut tar-reliġjon.3 Jekk tinsabu tattendu skola tal-Knisja, araw li b’ mod konsistenti intom ikollkom lezzjonijiet fl-edukazzjoni reliġjuża kull term tal-iskola. Matul dan iż-żmien importanti ta’ tħejjija għall-missjoni, għal żwieġ etern u għal ħajja bħala adulti, intom għandkom tkomplu ssibu modi kif titgħallmu u tikbru u tirċievu l-ispirazzjoni u l-gwida permezz tal-Ispirtu s-Santu. L-istudju bir-reqqa tal-evanġelju, fi spirtu ta’ talb, permezz tal-lezzjonijiet tagħkom tas-seminarju, tal-istitut jew tal-edukazzjoni reliġjuża, jista’ jgħinkom f’ dan il-għan.
Tattendux skola tal-Knisja jew le, tattendux l-università jew le, qatt tgħidu li għandkom wisq x’ tagħmlu biex tistudjaw l-evanġelju. Is-seminarju, l-istitut jew il-klassijiet tar-reliġjon jipprovdu bilanċ f’ ħajjitkom u jżidu mal-edukazzjoni sekulari tagħkom billi jagħtukom opportunità oħra li fiha tistgħu tqattgħu ħin tistudjaw l-iskrittura u t-tagħlim tal-profeti u l-appostli. Hemm erba’ korsijiet ġodda mill-aqwa li nħeġġeġ lill-adulti żgħażagħ kollha biex jikkunsidraw u jattendu.4
U tinsewx li dawn il-lezzjonijiet u l-attivitajiet offruti fl-istitut lokali tagħkom jew permezz tal-qasam jew tal-wited tagħkom tal-adulti żgħażagħ single huma wkoll post fejn tistgħu tqattgħu ħin ma’ żgħażagħ oħra u fejn tistgħu televaw u tispiraw lil xulxin hekk kif titgħallmu u tikbru spiritwalment u tissoċjalizzaw ruħkom flimkien. L-aħwa, jekk tneħħu ftit minn idejkom il-telefon ċellulari u tħarsu ħarsa madwarkom, tafu anke ssibu s-sieħba tagħkom fl-istitut.
U dan iwassalni biex nagħtikom parir ieħor u naf żgur li tafu biex ġej: Intom l-adulti single hemm bżonn li tinnamraw u tiżżewġu. Jekk jogħġobkom tibqgħux taħsbuha! Naf li hawn minnkom li tibżgħu tiffurmaw familja. Madankollu, jekk tiżżewġu l-persuna xierqa fil-ħin xieraq u fil-post xieraq, m’hemmx minn xiex tibżgħu. Fil-fatt, ħafna mill-problemi li normalment tħabbtu wiċċkom magħhom tispiċċaw tevitawhom jekk intom tkunu ”okkupati b’ ħerqa kbira” fl-innamrar u ż-żwieġ xieraq. Tibagħtulhiex sms! Semmgħu leħinkom biex tintroduċu lilkom infuskom mal-ulied nisa twajba ta’ Alla li jkunu jinsabu madwarkom. Li tisma’ fil-fatt leħen uman jaf jaħsadha—u forsi taf tgħidilkom iva.
Issa, l-aħwa, jiena nixhed magħkom li l-Mulej Ġesù Kristu jista’ jgħinna nsewwu kull ħaġa li f’ ħajjitna għandha bżonn it-tiswija permezz tas-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu.
Il-lejla, hekk kif inħejju sabiex għada niċċelebraw Ħadd il-Għid, jekk jogħġobkom ieqfu għal ftit ħin miegħi biex flimkien niftakru r-rigal tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu. Ftakru li Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, huma l-aktar nies li jafukom u li jħobbukom.
Permezz tal-Att tal-Fidwa, il-Feddej ħa fuqu nnifsu l-inkwiet, l-uġigħ u d-dnubiet tagħna. Is-Salvatur tad-dinja ġie hawn biex jifhem lil kull wieħed u waħda minna b’ mod individwali billi esperjenza t-tamiet tagħna li taru mar-riħ, l-isfidi tagħna u t-traġedji tagħna permezz tas-sofferenza Tiegħu fil-Ġetsemani u fuq is-salib.5 U fl-aħħar att finali tal-imħabba Tiegħu għalina Huwa miet u ndifen f’ qabar ġdid f’ dik il-lejla deċiżiva.
Il-Ħadd filgħodu, Ġesù qam mill-imwiet—bil-wegħda li lkoll kemm aħna niksbu ħajja ġdida. Il-Mulej imqajjem mill-imwiet imbagħad talab lid-dixxipli Tiegħu sabiex jgħallmu lil kulħadd ħalli jkollom il-fidi fi Kristu, jindmu minn dnubiethom, jitgħammdu, jirċievu don tal-Ispirtu s-Santu, u jibqgħu sodi sat-tmiem. L-aħwa, aħna nafu li Alla Missierna u Ibnu l-Għażiż dehru lill-Profeta Joseph Smith u rrestawrat permezz tiegħu l-milja tal-evanġelju etern ta’ Ġesù Kristu.
Ibqgħu sodi, l-aħwa. Żommu l-kmandamenti ta’ Alla. Il-Mulej Ġesù Kristu jwegħidna li dak kollu li aħna nixtiequ nagħmlu fis-sewwa ikun tagħna. Il-mexxejja tal-Knisja jiddependu minnkom. Aħna rridu lil kull wieħed minnkom l-adulti żgħażagħ sabiex titħejjew biex tiżżewġu, isservu u tkunu intom li tmexxu fiż-żmien li ġej, u għal dan jiena nitlob f’ isem Ġesù Kristu, amen.