2010-2019
Jum is-Sabbath Hu l-Għaxqa Tagħna
April 2015


Jum is-Sabbath Hu l-Għaxqa Tagħna

Kif tista’ ssir taf li l-imġieba tiegħek ta’ Jum is-Sabbath twasslek biex ikollok il-ferħ u l-hena?

Għeżież ħuti, dawn il-jumejn ta’ konferenza kienu jiem mill-aktar glorjużi. Aħna ġejna edifikati permezz ta’ mużika ispirata u talb elokwenti. L-ispirtu tagħna ġie edifikat permezz ta’ messaġġi mimlijin dawl u verità. F’ dan Ħadd il-Għid, aħna flimkien nerġgħu b’ mod sinċier nirringrazzjaw lil Alla li tana profeta!

Il-mistoqsija għal kull wieħed u waħda minna hija: bis-saħħa ta’ dak li jiena smajt u ħassejt waqt din il-konferenza, kif nista’ ninbidel? Tkun xi tkun it-tweġiba tagħkom, nistedinkom ukoll sabiex teżaminaw is-sentimenti tagħkom u l-imġieba tagħkom f’ konnessjoni ma’ Jum is-Sabbath.

Jiena nħossni naffaxxina ruħi bi kliem Isaija, li ddeskriva Jum is-Sabbath bħala ”l-għaxqa tagħna.”1 Iżda jiena nistaqsi, Jum is-Sabbath huwa verament l-għaxqa tiegħi u tiegħek?

L-ewwel darba li kkunsidrajt Jum is-Sabbath bħala l-għaxqa tiegħi kien ħafna snin ilu meta, bħala kirurgu dejjem bieżel, kont naf li Jum is-Sabbath sar għalija jum ta’ fejqan personali. Meta kienet tkun waslet l-aħħar tal-ġimgħa, idejja kienu jkunu verament juġgħuni riżultat ta’ kemm-il darba kont nogħrokhom bis-sapun, bl-ilma u bl-ixkupilja tal-lanżit. U verament kien ikolli bżonn daqsxejn tan-nifs mit-toqol li jġib miegħu impjieg daqshekk diffiċli. Jum il-Ħadd kien għalija l-jum ta’ serħan li veru kien ikolli bżonn.

X’ ried ifisser is-Salvatur meta Huwa qal li ”is-Sabbath kien magħmul għall-bniedem, u mhux il-bniedem għas-Sabbath”?2 Jien nemmen li Huwa riedna nifhmu li Jum is-Sabbath kien rigal għalina, fejn jagħtina ċ-ċans li nistrieħu mit-toqol tal-ħajja ta’ kuljum kif ukoll ikun għalina opportunità li fih niġġeddu b’ mod spiritwali kif ukoll fiżiku. Alla tana dan il-jum speċjali, mhux biex fih niddevertu jew nagħmlu l-ħidma ta’ kuljum iżda biex nistrieħu mix-xogħol tagħna, permezz ta’ mistrieħ fiżiku u spiritwali.

Bil-Lhudi, il-kelma Sabbath tfisser ”mistrieħ.” L-għan ta’ Jum is-Sabbath imur lura sal-Ħolqien tad-dinja, meta wara sitt ijiem ta’ ħidma l-Mulej straħ mill-ħidma tal-ħolqien.3 Meta aktar tard Huwa żvela l-Għaxar Kmandamenti lil Mosè, Alla kkmandana ”Ftakar f’jum is-Sibt u qaddsu.”4 Aktar tard, Jum is-Sabbath beda jiġi osservat bħala tifkira tal-ħelsien ta’ Israel mill-jasar fl-Eġittu.5 Forsi l-aktar ħaġa importanti hi li Jum is-Sabbath ġie mogħti bħala patt għal dejjem, tifkira kostanti li l-Mulej jista’ jqaddes lill-poplu Tiegħu.6

Barra minn hekk, issa aħna nieħdu sehem fis-sagrament f’ Jum is-Sabbath b’ tifkira tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.7 Għal darb’ oħra, aħna nagħmlu patt li aħna lesti li nieħdu fuqna l-isem imqaddes Tiegħu.8

Is-Salvatur identifika lilu nnifsu bħala l-Mulej tas-Sabbath.9 Huwa l-jum Tiegħu! Ripetutament, Huwa talabna sabiex inżommu Jum is-Sabbath10 jew sabiex inqaddsu jum is-Sabbath.11 Aħna għamilna patt li nagħmlu dan.

Kif nistgħu nqaddsu Jum is-Sabbath? Meta kont għadni iżgħar, jiena studjajt ix-xogħol ta’ nies li ġabru flimkien lista ta’ ħwejjeġ li għandhom jagħmlu u ħwejjeġ li m’għandomx jagħmlu f’ Jum is-Sabbath. Kien biss wara li jiena tgħallimt mill-iskrittura li l-kondotta tiegħi u l-attitudni tiegħi f’ Jum is-Sabbath kienet sinjal bejni u bejn Missieri tas-Smewwiet.12 B’ dan l-għarfien, jiena ma kellix għalfejn aktar li jkolli lista dwar xi stajt u ma stajtx nagħmel. Meta jkolli għalfejn nieħu deċiżjoni jekk xi attività hijiex xierqa jew le għal Jum is-Sabbath, jiena sempliċiment nistaqsi lili nnifsi, ”X’ sinjal irrid inwassal lil Alla?” Dik il-mistoqsija kienet biżżejjed biex nagħraf b’ mod ċar x’ għażliet kelli nagħmel f’ Jum is-Sabbath.

Għalkemm id-duttrina li tirrigwarda Jum is-Sabbath hija waħda mill-aktar antika, hija ġiet imġedda f’ dawn l-aħħar jiem bħala parti mill-patt il-ġdid tal-wegħda. Isimgħu l-qawwa ta’ dan id-digriet divin:

”Biex intom tkunu tistgħu żżommu lilkom infuskom aktar ’il bogħod mill-ħwejjeġ tad-dinja, intom għandkom tmorru fid-dar tat-talb u toffru s-sagramenti tagħkom fil-jum imqaddes tiegħi;

”Għax tassew dan huwa l-jum maħtur għalikom biex intom tistrieħu minn ħidmietkom, u toffru d-devozzjoni tagħkom lil Alla l-Għoli. …

”U f’ dan il-jum araw li l-ikel tagħkom jiġi mħejji mill-qalb sempliċi tagħkom sabiex is-sawm tagħkom ikun wieħed perfett, sabiex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ. …

”Ladarba tagħmlu dan b’ ringrazzjament, b’ qalb u wiċċ ferrieħa,  il-milja tad-dinja tkun tagħkom.”13

Immaġinaw il-kobor ta’ din id-dikjarazzjoni! Il-milja tad-dinja hija mwiegħda lil dawk li jqaddsu Jum is-Sabbath.14 Mhux ta’ b’ xejn li Isaija sejjaħ Jum is-Sabbath bħala ”l-għaxqa tagħna.”

Kif tista’ ssir taf li l-imġieba tiegħek ta’ Jum is-Sabbath qed twasslek biex ikollok il-ferħ u l-hena? Barra li tmorru l-knisja, tieħdu sehem fis-sagrament u tkunu diliġenti fis-sejħa speċifika tagħkom li sservu fiha, x’inhuma l-attivitajiet l-oħra li jgħinu biex Jum is-Sabbath ikun l-għaxqa tagħkom? X’ sinjal tistgħu twasslu lill-Mulej biex turuh l-imħabba tagħkom lejh?

Jum is-Sabbath jipprovdi opportunità mill-isbaħ biex fih tissaħħaħ l-għaqda fil-familja. Wara kollox, Alla jrid lil kull wieħed u waħda minna, bħala wliedu, biex nerġgħu lura lejh bħala Qaddisin adottati, issiġillati fit-tempju bħala familji, mal-antenati tagħna u ma’ dawk li ġejjin warajna.15

Jum is-Sabbath ikun l-għaxqa tagħna meta aħna ngħallmu l-evanġelju lil uliedna. Ir-responsabbiltà tagħna bħala ġenituri hija ċara daqs il-kristall. Il-Mulej qal, ”Jekk il-ġenituri jkollhom it-tfal ġewwa Sijon, u ma jgħallmuhomx sabiex jifhmu d-duttrina tal-indiema, il-fidi fi Kristu lben Alla u tal-magħmudija, u d-don tal-Ispirtu s-Santu permezz tat-tqegħid tal-idejn, meta jkollhom tmien snin, id-dnub ikun fuq ras il-ġenituri.”16

Snin ilu l-Ewwel Presidenza għamlu enfażi dwar l-importanza ta’ aktar ħin ta’ kwalità mal-familja. Huma kitbu hekk:

”Aħna nisħqu mal-ġenituri kollha sabiex huma jiddedikaw l-isforzi kollha tagħhom ħalli jgħallmu u jrabbu lil uliedhom skont il-prinċipji tal-evanġelju ħalli jibqgħu dejjem viċin il-Knisja. Il-familja hija l-bażi ta’ ħajja ġusta, u xejn m’ għandu jieħu postha jew jimla l-irwol essenzjali tagħha li tmexxi ’l quddiem din ir-responsabbiltà divina.

”Il-kunsill li aħna nagħtu lill-ġenituri u lill-ulied hu li jagħtu l-ogħla prijorità tagħhom lit-talb tal-familja, lil-lejla d-dar mal-familja, lill-istudju u t-tagħlim tal-evanġelju u l-attivitajiet xierqa tal-familja. Madankollu, huma kemm huma xierqa ċerti attivitajiet, m’ għandiex nippermettu li jieħdu post id-dmirijiet divini li l-ġenituri u l-familji biss jistgħu jwettqu b’ mod adegwat.”17

Meta nixtarr dan il-kunsill, inkun nixtieq li għadni missier żagħżugħ għal darb’oħra. Illum il-ġenituri għandhom disponibbli bosta riżorsi mill-aqwa biex jgħinuhom jagħmlu l-ħin tal-familja aktar sinifikanti, kemm f’ Jum is-Sabbath kif ukoll fil-ġranet l-oħra. Huma għandhom disponibbli għalihom LDS.org, Mormon.org, il-vidjos tal-Bibbja, il-Mormon Channel, il-Media Library, il- Friend, in- New Era, l- Ensign, il- Liahona, u aktar—ferm aktar. Dawn ir-riżorsi huma ta’ għajnuna kbira għall-ġenituri biex huma jwettqu d-dmir sagru tagħhom li jgħallmu lil uliedhom. L-ebda ħidma oħra ma tittraxxendi l-ħidma li bir-reqqa kollha jwettqu l-ġenituri ġusti!

Hekk kif intom tgħallmu l-evanġelju, intom titgħallmu aktar. Dan huwa l-mod kif il-Mulej jgħinkom tifhmu l-evanġelju Tiegħu. Huwa qal:

”Jiena nagħtikom kmandament li għandkom tgħallmu lil xulxin id-duttrina tas-saltna.

“Għallmu b’ diliġenza … ,sabiex tiġu struwiti b’ aktar perfezzjoni fid-duttrina, fil-liġi tal-evanġelju u f’ dak kollu li għandu x’ jaqsam mas-saltna ta’ Alla.”18

Jekk aħna nistudjaw l-evanġelju b’ dan il-mod żgur li Jum is-Sabbath isir għalina l-għaxqa tagħna. Din il-wegħda tapplika dejjem, irrelevanti kemm hi kbira l-familja, minn jagħmel parti minnha jew minn fejn ġejja.

Minbarra l-ħin mal-familja, intom tistgħu tesperjenzaw għaxqa vera f’ Jum is-Sabbath mill-ħidma tal-istorja tal-familja. Li nfittxu u nsibu lil dawk il-membri tal-familja li telqu qabilna minn fuq din id-dinja—dawk li ma kellhomx l-opportunità li jaċċettaw l-evanġelju meta kienu għadhom hawn—jista’ jġibilna ferħ kbir f’ ħajjitna.

Jiena esperjenzajt dan f’ ħajti. Bosta snin ilu, l-għażiża marti Wendy kienet determinata li titgħallem kif tagħmel ir-riċerka tal-istorja tal-familja. Għall-ewwel ma tantx bdiet tagħmel progress, iżda ftit ftit bdiet titgħallem kemm kienet ħaġa faċli li twettaq din il-ħidma sagra. U jiena qatt ma rajtha aktar kuntenta. Intom m’għandkomx għalfejn tivvjaġġaw sa xi pajjiż ieħor u lanqas biss għandkom għalfejn tmorru fiċ-ċentru tal-istorja tal-familja. Mid-dar tagħkom, bl-għajnuna ta’ kompjuter jew mowbajl, intom tistgħu tidentifikaw lil dawk l-erwieħ li b’ ħerqa qed jistennew li jitwettqu l-ordinanzi f’ isimhom. Jum is-Sabbath jaf ikun l-għaxqa tagħna jekk aħna nsibu lill-antenati tagħna u neħilsuhom mill-ħabs tal-ispirti!19

Jum is-Sabbath jaf ikun l-għaxqa tagħna jekk aħna nkunu ta’ servizz għall-oħrajn, speċjalment dawk li ma jifilħux jew li jinsabu weħidhom jew huma fil-bżonn.20 Meta intom tqawwu l-ispirtu tagħhom intom tkunu qegħdin tqawwu l-ispirtu tagħkom ukoll.

Meta Isaija ddeskriva Jum is-Sabbath bħala ”l-għaxqa tagħna,” huwa għallimna wkoll kif dan jista’ jkun l-għaxqa tagħna. Huwa qal:

”Jekk int ma tagħmilx li jogħġbok fil-jum imqaddes tiegħi; jekk issejjaħ is-Sibt l-għaxqa tiegħek, jekk tagħti ġieħ lill-Mulej billi fih ma tagħmilx ix-xogħol ta’ kuljum, u ma tfittixx il-pjaċir u t-tlablib fieragħ:

”Imbagħad issib l-għaxqa tiegħek fil-Mulej.21

Li ma tfittxux ”il-pjaċir” tagħkom f’ Jum is-Sabbath jeħtieġ li jkollkom id-dixxiplina fuqkom infuskom. Tafu jkollkom bżonn li tiċċaħdu minn xi ħaġa li tħobbu. Jekk tagħżlu li ssibu l-għaxqa tagħkom fil-Mulej, intom ma tippermettux li tittrattaw dan il-jum bħal kwalunkwe jum ieħor tal-ġimgħa. Ħwejjeġ ta’ kuljum u attivitajiet rikreattivi jistgħu jsiru f’ xi ġurnata oħra.

Aħsbu ftit dwar dan: Meta aħna nħallsu d-dieċmi, aħna nagħtu lura għaxra fil-mija tal-qliegħ tagħna lill-Mulej. Meta nqaddsu Jum is-Sabbath, aħna nkunu qed niddedikaw ġurnata waħda għalih minn sebgħa. Għalhekk huwa l-privileġġ tagħna li nikkonsagraw kemm flusna kif ukoll il-ħin tagħna lil Dak li kuljum jislifna l-ħajja.22

Il-fidi f’ Alla twassalna biex inħobbu Jum is-Sabbath; il-fidi f’ Jum is-Sabbath twassalna biex inħobbu lil Alla. Jum is-Sabbath sagru verament għandu jkun l-għaxqa tagħna.

Issa, hekk kif din il-konferenza qed tiġi fi tmiemha, aħna nafu li, irrilevanti minn fejn aħna ġejjin, aħna għandna nkunu ta’ eżempju ta’ nies verament fidili fost il-membri tal-familji tagħna, fost il-ġirien tagħna u sħabna.23 Il-vera fidili jqaddsu Jum is-Sabbath.

Jiena nikkonkludi bit-tislima ta’ Moroni, hekk kif temm jikteb il-Ktieb ta’ Mormon. Huwa kiteb, ”Ersqu lejn Kristu u pperfezzjonaw ruħkom fih, u iċħdu lilkom infuskom minn kull ħażen; u jekk intom tiċħdu lilkom infuskom minn kull ħażen, u tħobbu lil Alla bis-setgħa u l-qawwa kollha u l-moħħ kollu tagħkom, imbagħad intom tiġu mqaddsa fi Kristu.”24

B’ imħabba f’ qalbi, din tkun it-talba tiegħi, it-testimonjanza tiegħi u l-barka tiegħi għalikom fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.