2010-2019
Il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem Ikomplu Dejjem Jippruvaw
April 2015


Il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem Ikomplu Dejjem Jippruvaw

Hekk kif inkomplu nippruvaw u ma naqtgħux qalbna u ngħinu lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess, aħna verament inkunu Qaddisin tal-Aħħar Jiem.

Għeżież ħuti, f’ Diċembru 2013, id-dinja kollha tnikktet bil-mewt ta’ Nelson Mandela. Wara 27 sena ġo ħabs minħabba l-irwol li huwa kellu fil-ġlieda kontra l-apartheid, Mandela kien l-ewwel president elett b’ mod demokratiku fl-Afrika t’ Isfel. Il-maħfra tiegħu lil dawk li kienu tefgħuh fil-ħabs kienet verament ħaġa meraviljuża. Huwa rċieva tifħir u għarfien universali.1 Mandela ta’ spiss kien jaqta’ ħesrem dan it-tifħir billi kien jgħid, ”Jiena mhux xi qaddis—sakemm ma tħarsux lejn qaddis bħala midneb li qiegħed dejjem jipprova.”2

Din id-dikjarazzjoni—”qaddis huwa midneb li qiegħed dejjem jipprova”—għandha tiżgura u tinkuraġġixxi lill-membri tal-Knisja. Għalkemm lilna jirreferu għalina bħala ”Qaddisin tal-Aħħar Jiem,” xi kultant ma tantx inħossuna komdi b’ din ir-referenza. Il-kelma Qaddisin tintuża ħafna drabi biex tirreferi għal dawk li kisbu stat ogħla ta’ qdusija jew saħansitra perfezzjoni. U aħna nafu tajjeb ferm li aħna mhux perfetti.

It-teoloġija tagħna tgħallimna madankollu li aħna nistgħu nipperfezzjonaw ruħna billi ripetutament u b’ tennija aħna ”niddependu għal kollox fuq” id-duttrina ta’ Kristu: neżerċitaw il-fidi tagħna fih, nindmu, nieħdu sehem fis-sagrament sabiex inġeddu l-patti u l-barkiet tal-magħmudija u nirċievu l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tagħna b’qawwa akbar. Hekk kif nagħmlu dan, aħna nsiru nixbhu aktar lil Kristu u nkunu kapaċi aktar nibqgħu sodi sat-tmiem.3 Fi kliem anqas formali, Alla jimpurtah ferm aktar dwar min aħna u min qegħdin nippruvaw insiru, milli dwar min konna xi darba. 4 Li jimpurtah hu li aħna qed inkomplu nippruvaw.

Il-kummiedja As You Like It, miktuba mid-drammaturgu Ingliż William Shakespeare, tittratta bidla drammatika fil-ħajja ta’ wieħed mill-karattri. Il-kbir fost żewġt aħwa jipprova jfassal kif ħuh jista’ jinqatel. Anke wara li jsir jaf b’ dan, iż-żgħir fost l-aħwa jsalva lil ħuh il-ħażin minn mewt ċerta. Meta l-kbir isir jaf b’ din il-kompassjoni kbira li hu ma kienx jistħoqqlu, huwa jinbidel kompletament għal dejjem u sseħħ fih dik li huwa jsejħilha ”konverżjoni.” Aktar tard bosta nisa jmorru fuqu u jistaqsuh, ”Inti mhux dak li għal ħafna drabi ppruvajt toqtol lil ħuk?”

Huwa jwieġeb, ”Jiena kont, iżda issa m’inix hekk: Mhux se niddejjaq ngħidilkom x’ kont qabel, peress li l-konverżjoni tiegħi kienet ħaġa mill-aktar ħelwa għalija, u llum tagħmilni dak li jien.”5

Għalina, minħabba l-ħniena ta’ Alla u l-Att tal-Fidwa ta Ġesù Kristu, bidla bħal din mhijiex sempliċment storja fittizja. Permezz ta’ Eżekjel, il-Mulej iddikjara:

”U l-ħażen tal-midneb ma jġarrfux, huwa ma jaqax fil-jum li jindem mill-ħażen tiegħu. …

”…   Jekk wieħed jgħix ħajja sewwa u jagħmel il-ħaqq u s-sewwa;

”…   Irodd ir-rahan, ipatti għas-serq, jimxi fuq il-preċetti li jagħtu l-ħajja, bla ma jagħmel il-ħażen, dan żgur jibqa’ ħaj, ma jmutx. …

Ħtijietu li jkun waqa’ fihom ma niftakarhomlux; għax dak li hu ġust u dak li hu sewwa j’kun għamel, għalhekk żgur li jibqa’ ħaj.”6

Fil-ħniena Tiegħu, Alla jwiegħed il-maħfra meta aħna nindmu u nwarrbu l-ħażen—tant li dnubietna lanqas biss jissemmew iżjed. Għalina, minħabba l-Att tal-Fidwa ta’ Kristu u l-indiema tagħna, nistgħu nħarsu lejn l-għemejjel passati tagħna u ngħidu, ”Jiena kont, iżda issa m’inix hekk.” Konna kemm konna ħżiena, nistgħu ngħidu, ”Dak kif kont qabel. Iżda dak il-bniedem ħażin li kont fil-passat m’għadux jirrappreżenta lili.”7

Il-President Thomas S. Monson għallem, ”Wieħed mill-akbar rigali li tana Alla huwa l-ferħ li nistgħu nerġgħu nippruvaw, għax l-ebda falliment m’ għandu qatt ikun finali.”8 Saħansitra anke jekk aħna għamilna ċerti għażliet f’ ħajjitna li wassluna biex minn jeddna nidinbu jew li ta’ spiss ħabbatna wiċċna mal-falliment u d-diżappunt, il-mument li fih niddeċiedu li nerġgħu nippruvaw, aħna niġu megħjuna permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu. U rridu niftakru li mhuwiex l-Ispirtu s-Santu li jgħidilna li tant inkunu ninsabu fil-qiegħ li jkun jaqbel li ma nkomplux nippruvaw.

Ix-xewqa ta’ Alla li l-Qaddisin tal-Aħħar Jiem ikomplu jippruvaw tmur lil hinn l-isforzi tagħna biex negħlbu d-dnub. Sew jew qed insofru minħabba xi relazzjoni diffiċli, jew minn xi sfidi ekonomiċi, jew minħabba mard jew b’ konsegwenza ta’ dnubiet ħaddieħor, l-Att tal-Fidwa infinit tas-Salvatur jista’ jfejjaq saħansitra—u forsi b’ mod speċjali—lil dawk li soffrew innoċentament. Huwa jifhem perfettament xi tfisser li ssofri innoċentament b’ konsegwenza tat-trasgressjoni ta’ ħaddieħor. Kif kien imbassar, is-Salvatur se ” jdewwi l-qalb miksura, … ifarraġ lill-imnikktin; … jagħti …kuruna flok irmied, żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-vistu,u l-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa.”9 Jiġri x’ jiġri, bl-għajnuna Tiegħu, Alla jistenna lill-Qaddisin tal-Aħħar Jiem sabiex ikomplu jippruvaw.

Hekk kif Alla jifraħ meta aħna nibqgħu nippruvaw, bl-istess mod Huwa jkun diżappuntat jekk aħna ma nagħrfux li anke oħrajn jinsabu jippruvaw bħalna. Il-ħabiba għażiża tagħna Thoba qasmet magħna kif hija tgħallmet din il-lezzjoni mingħand ommha, Julia. Julia u Thoba kienu fost l-ewwel membri suwed ġewwa l-Afrika t’ Isfel. Wara li ġie fi tmiemu r-reġim tal-apartheid, il-membri tal-Knisja, kemm suwed kif ukoll bojod, kienu jistgħu jattendu l-knisja flimkien. Għal ħafna, l-ugwaljanza li r-razez jitħalltu flimkien kienet ħaġa ġdida u ta’ sfida. Darba waħda, hekk kif Julia u Thoba attendew flimkien il-knisja, huma ħassew li qed jiġu ttrattati mhux daqstant tajjeb minn xi membri bojod. Hekk kif kienu ħerġin, Thoba lmentat b’qawwa ma’ ommha. Julia semgħetha bil-kalma sakemm Thoba żvogat l-frustrazzjoni tagħha. Imbagħad Julia qalet, ”O, Thoba, il-Knisja hija bħal sptar kbir, u lkoll kemm aħna morda b’ xi mod. Aħna niġu l-Knisja biex niġu megħjuna.”

Il-kumment ta’ Julia jirrifletti ħsieb imprezzabbli. Mhux biss għandna nkunu tolleranti waqt li oħrajn ikunu jinsabu jaħdmu fuq il-mard individwali tagħhom; irridu nkunu wkoll ħanina, paċenzjużi u nies li nissapportjaw u nifhmu lil ħaddieħor. Hekk kif Alla jinkuraġġina biex inkomplu nippruvaw, Huwa jistenna li aħna wkoll nagħtu lil ħaddieħor iċ-ċans li jagħmel l-istess, fil-ħin tiegħu. L-Att tal-Fidwa jidħol f’ ħajjitna b’ doża ferm akbar. Imbagħad aħna nagħrfu li huma x’inhuma d-differenzi li naħsbu li hemm bejnietna, ilkoll kemm aħna għandna bżonn l-istess Att tal-Fidwa infinit.

Xi snin ilu, wieħed raġel żagħżugħ twajjeb jismu Curtis ġie msejjaħ biex iservi missjoni. Huwa kien it-tip ta’ missjunarju li kull president tal-missjoni jixtieq li jkollu. Huwa kienu bniedem dejjem iffukat u jaħdem iebes. Fi żmien partikolari, huwa ġie mogħti sieħeb missjunarju li kien immatur, isibha diffiċli jitħallat man-nies u ma kienx partikolarment entużjast li jwettaq il-ħidma.

Darba waħda, waqt li kienu qed isuqu r-rota tagħhom, Curtis ħares lura u ra li sieħbu kien qabad u niżel b’ mod inspjegabbli minn fuq ir-rota u kien qed jimxi. Fis-silenzju, Curtis esprima l-frustrazzjoni tiegħu ma’ Alla; kemm kienet ħaġa diffiċli li jġorr miegħu sieħeb li kellu jimbuttah biex forsi jwettaq xi ħaġa. Ftit ħin wara, Curtis ħass sentiment mill-aktar profond, qisu Alla beda jgħidlu, ”Taf, Curtis, meta kkumparati miegħi, ftit li xejn hemm differenza bejn it-tnejn li intom.” Curtis tgħallem li kellu bżonn ta’ aktar paċenzja mas-sieħeb imperfett tiegħu li madankollu xorta waħda beda jipprova bil-mod kif kien jaf hu.

L-istedina tiegħi lilna lkoll hi li nevalwaw ħajjitna, nindmu u nkomplu nippruvaw. Jekk ma nippruvawx, aħna nkunu sempliċiment midinbin tal-aħħar jiem; jekk ma nibqgħux nippruvaw, aħna nkunu n-nies li naqtgħu qalbna fl-aħħar jiem; u jekk ma nagħtux ċans lil ħaddieħor jipprova, aħna nkunu ipokriti tal-aħħar jiem.10 Hekk kif nippruvaw, u nkomplu nippruvaw u ngħinu lil ħaddieħor jagħmel l-istess, aħna nkunu verament Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Hekk kif ninbidlu, aħna nsibu li Alla fil-fatt jimpurtah ferm aktar dwar min aħna u min qed nippruvaw insiru, milli min konna qabel.11

Jiena vermament grat għas-Salvatur, għall-Att infinit tal-Fidwa Tiegħu, u għall-profeti tal-aħħar jiem li jħeġġuna biex inkunu Qaddisin tal-Aħħar Jiem, li nkomplu nippruvaw.12 Jiena nixhed dwar ir-realtà ħajja tas-Salvatur, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Nelson Rolihlahla Mandela, Long Walk to Freedom (1994); nelsonmandela.org/content/page/biography; u l-eloġju li l-President Barack Obama għamel għal Nelson Mandela Nelson Mandela fl-10 ta’ Diċ, 2013, f’ whitehouse.gov/the-press-office/2013/12/10/remarks-president-obama-memorial-service-former-south-african-president-. Id-diversità tal-premjijiet narawha b’ Mandela jirċievi l-Premju Nobel għall-Paċi, il-Midalja Presidenzjali tal-Istati Uniti għall-Ħelsien u l-Ordni Sovjetika ta’ Lenin.

  2. Ara, per eżempju, id-diskors li Nelson Mandela ta f’ Baker Institute fl-Università ta’ Rice fis-26 ta’ Ott., 1999, bakerinstitute.org/events/1221. X’ aktarx huwa kien qed jipparafraża d-dikjarazzjoni magħrufa attribwita lil Robert Louis Stevenson: ”Il-qaddisin huma midinbin li jkomplu jippruvaw.” Tul is-snin huma bosta dawk li esprimew sentimenti simili. Per eżempju, Konfuċju jingħad li qal, ”L-akbar glorja tagħna mhijiex li aħna qatt ma nfallu iżda li nqumu kull darba li naqgħu.”

  3. Ara, per eżempju, 2 Nephi 31:2–21; 3 Nephi 11:23–31; 27:13–21; Moroni 6:6; Doctrine and Covenants 20:77, 79; 59:8–9; Handbook 2: Administering the Church (2010), 2.1.2.

  4. Meta ngħidu li Alla jimpurtah ferm aktar dwar min aħna u min qed nippruvaw insiru, milli min konna qabel ma jfissirx li s-Salvatur ma jimpurtahx mill-konsegwenzi tad-dnub tal-individwu fuq ħaddieħor. Fil-fatt, is-Salvatur jimpurtah b’ mod infinit minn dawk li jsofru l-weġgħat, l-uġigħ u l-uġigħ il-qalb minħabba t-trasgressjoni ta’ ħaddieħor. Kif kien ġiet mbassar, Huwa ”jieħu fuqu s-sofferenza tal-poplu Tiegħu, sabiex jimtela bil-ħniena, … ħalli huwa jkun jaf skont il-ġisem kif jista’ jgħin lin-nies tiegħu skont is-sofferenza tagħhom” (Alma 7:12).

  5. William Shakespeare, As You Like It, att 4, xena 3, linji 134–37.

  6. Eżekjel 33:12, 14–16.

  7. L-użu tal-verbi fil-preżent narawh f’ bosta skrittura relatata mal-Ġudizzju Finali. Ara, per eżempju, 2 Nephi 9:16; Mormon 9:14; Doctrine and Covenants 58:42–43.

  8. Thomas S. Monson, “The Will Within,” Ensign, Mejju 1987, 68.

  9. Isaija 61:1–3; ara wkoll Luqa 4:16–21.

  10. Ipokrita kif użata fit-Testment il-Ġdid tista’ tiġi tradotta mill-Grieg bħala ”wieħed li jippretendi”; ”il-kelma Griega tfisser ’attur ta’ dramm,’ jew ’wieħed li juri wiċċ b’ieħor, jirrapreżenta xi ħaġa b’ mod drammatiku jew inkella jesaġera l-parti tiegħu’” (Mattew 6:2, nota f’ qiegħ il-paġna a). Jekk aħna ma nagħtux lil ħaddieħor l-opportunità li jinbidel fil-ħin tiegħu, aħna nkunu sempliċiment qed nippretendu li aħna Qaddisin tal-Aħħar Jiem.

  11. Ara nota 4, aktar ’il fuq.

  12. In-numru ta’ drabi li dan il-messaġġ jidher fid-diskorsi tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu huwa impressjonanti. Il-President Dieter F. Uchtdorf enfasizza dan il-punt meta huwa qal, ”Fost il-prinċipji kollha li l-profeti għallmuna tul is-sekli, prinċipju partikolari li saret enfażi kbira fuqu għal tant u tant drabi huwa l-messaġġ kollu tama u li jwassal tant ferħ fil-qalb, jiġifieri l-messaġġ li l-bniedem jista’ jindem, jibdel triqtu u jerġa’ lura fit-triq vera li fiha jimxu d-dixxipli ta’ Kristu” (“You Can Do It Now!” Ensign jew Liahona, Nov. 2013, 56).