2010-2019
Għadu Ħaġa Mill-Aktar Sabiħa Għalikom?
April 2015


Għadu Ħaġa Mill-Aktar Sabiħa Għalikom?

Li timmeravilja ruħek bis-sbuħija tal-evanġelju huwa sinjal ta’ fidi. Hu li tagħraf id il-Mulej f’ ħajjitna u f’ kull ħaġa madwarna.

Marti u jiena konna ffortunati biżżejjed li rabbejna lil ħames uliedna ħdejn il-belt manjifika ta’ Pariġi. Matul dawk is-snin ridna noffrulhom opportunitajiet sbieħ fejn jistgħu jiskopru l-ħwejjeġ meraviljużi ta’ din id-dinja. Kull sajf, konna nieħdu vaganza twila bħala familja li matulha konna nżuru l-aqwa monumenti, siti storiċi, u għeġubijiet naturali tal-Ewropa. Finalment, wara li konna qattajna 22 sena ngħixu fl-inħawi ta’ Pariġi, kien wasal iż-żmien li niċċaqalqu. Għadni niftakar il-jum meta wliedi ġew fuqi u qaluli, ”Missier, verament ħaġa tal-mistħija! Għexna ħajjitna kollha hawnhekk, u qatt ma morna nżuru t-Torri Eiffel!”

Din id-dinja hi mimlija b’ tant għeġubijiet. Madankollu, xi kultant meta jkunu daqshekk quddiem għajnejna, ma napprezzawhomx biżżejjed. Inħarsu, iżda ma tantx naraw; nisimgħu, iżda ma tantx nifhmu.

Tul il-ministeru Tiegħu fid-dinja, Ġesù qal lid-dixxipli Tiegħu:

”Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom.

”Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx.”1

Mhux l-ewwel darba li għaddieli l-ħsieb, tgħid kif konna nħossuna kieku għexna fiż-żmien li fih kien jgħix is-Salvatur tagħna? Tistgħu timmaġinawkom qegħdin bilqiegħda ħdejn saqajh? tħossu l-imħabba Tiegħu? tarawh b’ għajnejkom jamministra lil ħaddieħor? Madankollu ħafna li ltaqgħu Miegħu naqsu milli jagħrfu dan—li ”jaraw”—li l-istess Iben ta’ Alla kien qed jgħix fosthom.

Aħna wkoll għandna l-privileġġ li qed ngħixu fi żmien eċċezzjonali. Il-profeti tal-qedem raw il-ħidma tar-Restawrazzjoni bħala ”ħidma meraviljuża … , iva, ħidma meraviljuża u li tgħaġġbek.”2 Fl-ebda dispensazzjoni passata ma ġew imsejħin daqshekk missjunarji, ma nfetħu l-bibien ta’ tant ġnus għall-messaġġ tal-evanġelju, u ma nbnew daqstant tempji madwar id-dinja.

Għalina, bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem, l-għeġubijiet iseħħu wkoll fil-ħajja individwali tagħna. Dawn jinkludu l-konverżjoni personali tagħna, it-tweġibiet li nirċievu għat-talb tagħna u l-barkiet sbieħ li Alla jitfa’ fuqna kuljum.

Li timmeravilja ruħek bis-sbuħija tal-evanġelju huwa sinjal ta’ fidi. Hu li tagħraf id il-Mulej f’ ħajjitna u f’ kull ħaġa madwarna. Il-meravilja tagħna tipproduċi wkoll qawwa spiritwali. Tagħtina l-enerġija li nibqgħu ankrati fil-fidi tagħna u li ningaġġaw ruħna fil-ħidma tas-salvazzjoni.

Iżda ejjew noqogħdu attendi. L-abbiltà tagħna li nimmeraviljaw ruħna hija waħda fraġli. Wara xi żmien, ċerti ħwejjeġ bħal per eżempju meta nżommu l-kmandament b’ mod każwali, jew meta ninħakmu minn ċerta apatija jew saħansitra għeja, jistgħu jwassluna biex ma nibqgħux daqshekk sensittivi għall-aktar sinjali u mirakli meraviljużi tal-evanġelju.

Il-Ktieb ta’ Mormon jiddeskrivi perjodu ta’ żmien, simili ħafna għal tagħna, qabel il-miġja tal-Messija fil-Kontinent Amerikan. F’ daqqa waħda is-sinjali tat-twelid Tiegħu dehru fis-smewwiet. In-nies tant immeraviljaw ruħhom li ċekknu lilhom infushom, u kważi spiċċaw biex ikkonvertew ilkoll kemm huma. Madankollu, wara biss erba’ snin, ”in-nies bdew jinsew dawk is-sinjali u l-għeġubijiet li kienu semgħu u bdew iħossuhom anqas u anqas immeraviljati b’ xi sinjal jew b’ għeġubijiet oħra mis-smewwiet, … u ma baqgħux jemmnu aktar dak kollu li kienu semgħu u raw.”3

Ħuti, l-evanġelju għadu ħaġa mill-aktar sabiħa għalikom? Għadkom taraw, tisimgħu, tħossu u timmeraviljaw ruħkom? Jew is-sensors spiritwali tagħkom bħalissa jinsabu fuq standby? Hi x’ inhi s-sitwazzjoni personali tagħkom, nistedinkom biex tagħmlu tliet ħwejjeġ.

L-ewwel, qatt tieqfu tiskopru jew terġgħu tiskopru mill-ġdid il-veritajiet tal-evanġelju. Il-kittieb Marcel Proust qal, ”Il-vjaġġ reali tal-iskoperta jikkunsisti mhux f’li nfittxu pajsaġġi ġodda iżda li nħarsu lejn ċerti ħwejjeġ b’ lenti ġdida.”4 Tiftakru l-ewwel darba li qrajtu xi vers mill-iskrittura u ħassejtu bħallikieku l-Mulej kien qed jitkellem magħkom personalment? Tiftakru l-ewwel darba li ħassejtu l-influwenza ħelwa tal-Ispirtu s-Santu tinżel fuqkom, forsi lanqas biss kontu ntbaħtu li seta’ kien l-Ispirtu s-Santu? Ma kinux għalikom dawn mumenti sagri u speċjali?

Għandna nixxenqu u nħossuna għatxana kuljum għall-għarfien spiritwali. Din id-drawwa personali hija bbażata fuq l-istudju, il-meditazzjoni u t-talb. Xi kultant tista’ tiġina t-tentazzjoni li naħsbu, ”Illum m’ għandix għalfejn nistudja l-iskrittura; diġà qrajtha kollha qabel” jew ”m’hemmx għalfejn immur il-knisja llum; m’hemm xejn ġdid hemmhekk.”

Iżda l-evanġelju huwa għajn ta’ għarfien dejjem tnixxi. Dejjem hemm xi ħaġa ġdida x’ nitgħallmu u xi nħossu kull nhar ta’ Ħadd, f’ kull laqgħa u f’ kull vers tal-iskrittura. Bil-fidi nafdaw fil-wegħda li jekk ”infittxu, … insibu.”5

It-tieni, ankraw il-fidi tagħkom fil-veritajiet ċari u sempliċi tal-evanġelju. L-għeruq tal-meravilja tagħna għandhom ikunu l-prinċipji ewlenin tal-fidi tagħna, fil-purità tal-patti u l-ordinanzi tagħna u fl-aktar għemejjel sempliċi tal-qima tagħna.

Waħda oħt missjunarja rrakkontat l-istorja ta’ tliet irġiel li kienet iltaqgħet magħhom waqt konferenza tad-distrett ġewwa l-Afrika. Huma kienu ġejjin minn raħal iżolat ferm ’il bogħod ġewwa l-bosk fejn il-Knisja kienet għadha ma ġietx organizzata iżda fejn kien hemm 15-il membru fidil u kważi 20 investigatur. Dawn l-irġiel imxew għal ħmistax il-jum sħaħ, li matulhom vjaġġaw aktar minn 300 mil (480 km) fuq toroq mimlijin ħama minħabba l-istaġun tax-xita, sabiex ikunu jistgħu jattendu l-konferenza u magħhom iwasslu d-dieċmi li kienu tħallsu mill-membri tal-grupp tagħhom. Huma ppjanaw li jgħaddu l-ġimgħa kollha hemm ħalli jkunu jistgħu jgawdu l-privileġġ li l-Ħadd ta’ wara huma jieħdu sehem fis-sagrament u mbagħad kienu qed jittamaw li jerġgħu lura u u jġorru fuq rashom għadd ta’ kaxxi mimlijin kopji tal-Ktieb ta’ Mormon biex iqassmhuom man-nies tar-raħal.

Din il-missjunarja fix-xhieda tagħha tkellmet dwar is-sentiment li hija ħasset ġewwa fiha bis-sens ta’ meravilja li wrew dawn l-aħwa u bis-sagrifiċċju mill-qalb sabiex huma jiksbu ħwejjeġ li għaliha kienu dejjem disponibbli.

Hija qalet: ”Jekk xi darba l-Ħadd filgħodu jiena nqum ġewwa Arizona u nsib li l-karozza tiegħi mhux taħdem, lesta li nimxi sal-knisja li tinsab biss ftit kantunieri ’l bogħod minn fejn noqgħod? Jew nibqa’ d-dar għaliex għandi ’l bogħod jew forsi għax tkun nieżla x-xita?”6 Dawn huma mistoqsijiet li tajjeb li aħna lkoll nikkunsidrawhom.

Finalment, nistedinkom sabiex tfittxu u tgħożżu s-sħubija tal-Ispirtu s-Santu. Bosta mill-għeġubijiet tal-evanġelju ma nistgħux nintebħu bihom permezz tas-sensi naturali tagħna. Huma l-ħwejjeġ li ”għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, … dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.”7

Meta jkollna l-Ispirtu magħna, is-sensi spiritwali tagħna jsiru aktar sensittivi u l-memorja tagħna tiffriska sabiex aħna ma ninsewx il-mirakli u s-sinjali li aħna stess konna rajna b’ għajnejna. Jista’ jkun li għalhekk, meta Ġesù kien wasal biex iħallihom, id-dixxipli Nefiti Tiegħu b’ mod ferventi talbu ”għal dawk l-affarijiet li l-aktar kienu jixtiequ; huma xtaqu li jingħatalhom l-Ispirtu s-Santu.”8

Għalkemm huma kienu raw b’ għajnejnhom lis-Salvatur u kienu missew b’ idejhom il-ġrieħi Tiegħu, kienu jafu li t-testimonjanza tagħhom setgħet tiddgħajjef jekk ma tiġix imġedda kontinwament bil-qawwa tal-Ispirtu ta Alla. Ħuti, qatt tagħmlu xejn li jista’ jwassalkom biex titilfu dan id-don tant prezzjuż u meraviljuż—is-sħubija tal-Ispirtu s-Santu. Fittxuh permezz tat-talb ferventi u ta’ ħajja ġusta.

Jiena nixhed li l-ħidma li aħna lkoll ninsabu fiha hija ”ħidma meraviljuża u li tgħaġġbek.” Hekk kif aħna nimxu wara Ġesù Kristu, Alla jixhed magħna ”b’sinjali u għeġubijiet u ħafna għemejjel setgħana, u wkoll permezz tad-doni tal-Ispirtu s-Santu mqassmin skont ir-rieda tiegħu.”9 F’ dan il-jum speċjali, jiena nagħti x-xhieda tiegħi li l-għeġubijiet u l-meravilji tal-evanġelju jinsabu ankrati fl-akbar rigal fost ir-rigali kollha ta’ Alla—l-Att tal-Fidwa ta Ġesù Kristu. Dan huwa r-rigal perfett ta’ mħabba li l-Missier u l-Iben, magħqudin f’ għan wieħed, offrew lil kull wieħed u waħda minna. Magħkom ”Nistagħġeb bl-imħabba li joffrili Ġesù. … O, x’ ġest veru sabiħ, hu għalija miet!”10

Li aħna jkollna dejjem għajnejn li jaraw, widnejn li jisimgħu u qlub li jagħrfu l-għeġubijiet ta’ dan l-evanġelju meraviljuż hija t-talba tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Luqa 10:23–24.

  2. 2 Nephi 27:26.

  3. 3 Nephi 2:1.

  4. “Marcel Proust,” Guardian, Lulju 22, 2008, theguardian.com/books/2008/jun/11/marcelproust.

  5. Mattew 7:7.

  6. Addattat minn Lorraine Bird Jameson, “The Giants of Kinkonkja” (article on Africa Southeast Area website, 2009); web.archive.org/web/20101210013757/http:/www.lds.co.za/index.php/news-a-events/news/aseanews/91-the-giants-of-kinkondja.

  7. 1 Korintin 2:9.

  8. 3 Nephi 19:9.

  9. Lhud 2:4.

  10. ”Nistagħġeb bl-Imħabba,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, paġna 22.