Fuljetti għat-Tagħlim
X’Inhu l-Għan tat-Tempju?


X’Inhu l-Għan tat-Tempju?

familja żagħżugħa ħdejn it-tempju ta’ Laie, il-Ħawajj

It-tempju huwa d-dar tal-Mulej.

Xi ordinanzi u patti tal-evanġelju tant huma sagri li Alla jippermetti li aħna nirċevuhom biss f’postijiet sagri li jissejħu tempji. Tempju hu letteralment id-dar tal-Mulej—post qaddis distint mill-kumplament tad-dinja. Fit-tempju, inti titgħallem aktar dwar il-pjan tas-salvazzjoni u kif tista’ timxi wara l-eżempju perfett ta’ Kristu. L-akbar barkiet ta’ Alla huma disponibbli fit-tempji tiegħu.

L-iskrittura tgħallem li miż-żminijiet tal-qedem Alla talab lill-poplu tiegħu biex iqim fit-tempji. Meta l-Mulej irrestawra l-Knisja tiegħu permezz tal-Profeta Joseph Smith, Hu talab biex għal darb’oħra jerġgħu jinbnew it-tempji. Li għandna t-tempji fid-dinja hi xhieda tal-imħabba ta’ Alla għalina. Kulma hemm fit-tempju jixhed li Alla hu Missierna u li Ġesù Kristu hu Ibnu u s-Salvatur tad-dinja.

Għall-membri tal-Knisja, it-tempju hu l-aktar post ta’ qima sagru fid-dinja. Huwa post uniku fost kull post ta’ qima ieħor. Huwa magħżul biex ikun l-uniku post fejn il-familji jistgħu jkunu flimkien għal dejjem u fejn jitwettqu l-aktar ordinanzi sagri tal-evanġelju. Huwa wkoll post fejn int tista’ tħossok aktar viċin Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu, post ta’ paċi u rivelazzjoni, post fejn ir-relazzjonijiet tal-familja jissaħħu, u post li fih tfittex id-direzzjoni relatata mal-isfidi tal-ħajja.

Minkejja li n-nies kollha huma mistiedna jattendu l-laqgħat ta’ qima fid-djar tal-laqgħat tal-Knisja, it-tempju hu xi ħaġa differenti. Wara li tempju jiġi ddedikat, il-viżitaturi huma mistednin igawdu l-art mill-aktar sabiħa u kollha paċi ta’ madwar it-tempju, iżda d-dħul fit-tempju hu riservat għall-membri fidili tal-Knisja—dawk li huma lesti u jinsabu mħejjija biex jirċievu dawn l-ordinanzi, il-patti, u l-barkiet speċjali.

familja miexja lejn it-tempju

It-tempju hu post ta’ paċi, ferħ, u ispirazzjoni.

Peress li t-tempju hu d-dar tal-Mulej u l-post li fih jitwettqu l-aktar ordinanzi sagri tiegħu, Alla stabbilixxa standard li wliedu jeħtieġ li jilħqu qabel huma jidħlu fih. Hekk kif inti tħejji lilek innifsek biex tmur it-tempju, inti ssirlek intervista li tixbah l-intervista tal-magħmudija tiegħek. Din l-intervista tissejjaħ l-intervista għar-rakkomandazzjoni tat-tempju. F’din l-intervista, l-isqof jew il-president tal-fergħa tiegħek jistaqsik xi ftit mistoqsijiet biex jikkonferma li inti qiegħed tħares il-kmandamenti. Jekk inti denju u preparat, inti tirċievi rakkomandazzjoni tat-tempju li tagħtik ċans biex tidħol fit-tempju.

Minbarra li tirċievi l-ordinanzi tat-tempju tiegħek, fit-tempji inti tista’ tirċievi ordinanzi f’isem l-antenati tiegħek u f’isem oħrajn li mietu mingħajr l-opportunità li jirċevuhom. Dawn jinkludu l-magħmudija, il-konferma, u kull ordinanza oħra neċessarja għas-salvazzjoni.