Kif Tista’ l-Familja Tiegħi Terġa’ Lura biex Tgħix ma’ Alla?
Alla pprovda pjan ċar għalik u għall-familja tiegħek biex terġgħu lura għandu. Dan il-pjan hu l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Peress li Alla jħobb lil uliedu kollha, kull persuna eventwalment se jkollha l-opportunità li tisma’ u taċċetta l-evanġelju, kemm f’din il-ħajja, kemm f’li jmiss. Inti taċċetta l-evanġelju billi teżerċita l-fidi f’Ġesù Kristu, tindem, u tirċievi ordinanzi sagri bħall-magħmudija u l-konferma. Ordinanza* hi ċerimonja reliġjuża sagra mwettqa minn xi ħadd li għandu l-awtorità minn Alla. Meta int tirċievi ordinanza, inti turi l-imħabba tiegħek lejn Alla hekk kif int tagħmel miegħu ċerti wegħdiet sagri u Hu jagħmel wegħdiet sagri miegħek. Il-wegħdiet li int tagħmel meta tirċievi ordinanza jissejħu patti. Hi ħaġa neċessarja li inti tirċievi l-ordinanzi u tħares il-patti tiegħek biex terġa’ lura fil-preżenza ta’ Alla.
Il-magħmudija u l-konferma huma l-ewwel ordinanzi li int tirċievi meta ssir membru tal-Knisja Tiegħu. Meta inti tiġi mgħammed u kkonfermat minn xi ħadd b’awtorità xierqa, inti twiegħed li se tgħix ħajja Kristjana, tħares il-kmandamenti, u tiftakar fi Kristu f’dak kollu li tagħmel. Jekk inti tħares dawn il-patti b’fedeltà, Alla jwiegħedek il-maħfra ta’ dnubietek u s-sħubija tal-Ispirtu s-Santu. Il-magħmudija u l-konferma huma l-ewwel ordinanzi fit-triq tiegħek lejn il-ħajja eterna ma’ Alla.
Xi ordinanzi, bħall-magħmudija u l-konferma, huma essenzjali għalik biex terġa’ lura ħdejn Alla. Ordinanzi essenzjali oħra jinkludu li tirċievi s-Saċerdozju ta’ Melkisedek (għall-irġiel), tirċievi d-dota tiegħek tat-tempju, u tkun issiġillat bħala parti minn familja eterna fit-tempju. Permezz ta’ dawn l-ordinanzi u patti, inti titgħallem aktar dwar il-pjan ta’ Alla u tesperjenza aktar il-qawwa tiegħu f’ħajtek (ara D&C 84:20). Dawn l-ordinanzi u patti huma avvenimenti personali importanti li juruk it-triq għall-ħajja eterna. Inti tibqa’ tirreżisti sat-tmiem ta’ din it-triq billi kontinwament teżerċita l-fidi f’Ġesù Kristu, tindem, timxi wara l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, u tħares il-patti tiegħek. Il-patti li tagħmel ma’ Alla jagħtuk il-qawwa u sens ta’ skop. Inti tgawdi wkoll ferħ akbar f’din il-ħajja, tħoss qawwa spiritwali akbar, tirċievi l-protezzjoni u l-gwida, u titħejja biex eventwalment tgħix ma’ Alla u mal-familja tiegħek għal dejjem.