Skrittura
Alma 12


Kapitlu 12

Alma jitkellem ma’ Żeżrom—Il‑misteri ta’ Alla jistgħu jingħataw biss lill‑fidili—Il‑bnedmin se jsir ħaqq minnhom skont ħsibijiethom, twemminhom, kliemhom, u għemilhom—Il‑ħżiena se jesperjenzaw mewt spiritwali—Din il‑ħajja mortali hija stat ta’ prova—Il‑pjan ta’ fidwa jġib fis‑seħħ il‑Qawmien mill‑imwiet u, permezz tal‑fidi, maħfra tad‑dnubiet—Dak li jindem għandu jedd għall‑ħniena permezz tal‑Iben il‑Waħdieni. Madwar 82 Q.K.

1 Issa Alma, meta ra li Amuleki għalaq ħalq Żeżrom b’dak li qallu, għax huwa nduna li Amuleki kien qabdu jigdeb u jqarraq biex ikun jista’ jeqirdu, u meta ra li hu beda jitriegħed peress li huwa kien għaraf ħtijietu, hu fetaħ fommu u beda jkellmu, u jikkonferma kliem Amuleki, u beda jispjegalu ħwejjeġ oħra, jew ifissirlu l‑iskrittura aktar fil‑fond milli beda jfissirha Amuleki.

2 Issa l‑kliem li Alma qal lil Żeżrom semgħuh in‑nies kollha li kienu madwaru; għax il‑miġemgħa kienet kbira, u huwa tkellem b’dan il‑mod:

3 Issa Żeżrom, qed tara inti nqbadt tigdeb u tqarraq, għaliex inti mhux biss gdibt lill‑bnedmin iżda inti gdibt lil Alla; għax ara, huwa jaf ħsibijietek kollha, u inti tista’ tara li ħsibijietek ġew żvelati lilna permezz tal‑Ispirtu tiegħu;

4 U inti tista’ tara li aħna nafu li l‑pjan tiegħek kien pjan mill‑aktar sottili, skont is‑sottiljezza tax‑xitan, sabiex inti tkun tista’ tigdeb u tqarraq b’dawn in‑nies ħalli tkun tista’ tqanqalhom kontrina, biex iżebilħuna u jkeċċuna ’l barra—

5 Issa dan kien pjan tal‑avversarju tiegħek, u huwa eżerċita l‑qawwa tiegħu fuqek. Issa nixtieqek tiftakar li dak li qed ngħid lilek qed ngħidu lil kulħadd.

6 U ara jiena ngħidilkom ilkoll li din kienet nasba tal‑avversarju, li huwa poġġa biex jaqbad lil dan il‑poplu, ħalli jkun jista’ jaħtafkom taħt idejh, biex ikun jista’ jorbotkom bil‑ktajjen tiegħu b’tali mod li huwa jwassalkom għall‑qerda ta’ dejjem, skont il‑qawwa tal‑jasar tiegħu.

7 Issa meta Alma qal dan il‑kliem, Żeżrom beda jitriegħed ferm aktar, għax aktar ma jmur aktar beda jikkonvinċi ruħu dwar il‑qawwa ta’ Alla; u hu kien konvint ukoll li Alma u Amuleki kienu jafuh, għax hu kien konvint li huma kienu konxji tal‑ħsibijiet u l‑intenzjonijiet ta’ qalbu; għax ġiet mogħtija lilhom qawwa li huma setgħu jkunu jafu dwar dawn il‑ħwejjeġ skont l‑ispirtu tal‑profezija.

8 U Żeżrom beda jistaqsihom bir‑reqqa biex forsi jitgħallem aktar dwar is‑saltna ta’ Alla. U huwa qal lil Alma: Xi jfisser dak li qal Amuleki dwar il‑qawmien mill‑imwiet, li kulħadd għad iqum mill‑mewt, sew min hu tajjeb u sew min mhuwiex, u kulħadd se jinġieb ħalli jieqaf quddiem Alla biex isir ħaqq minnu skont għemilu?

9 U issa Alma beda jispjegalu dawn il‑ħwejjeġ, u jgħidlu: Huma ħafna li ngħataw id‑don li jkunu jafu l‑misteri ta’ Alla; madankollu huma ġew mogħtija ordni stretta li huma għandhom jiżvelaw biss skont il‑porzjon ta’ kelmtu li huwa jagħti lil ulied il‑bnedmin, skont il‑widen u d‑diliġenza li huma jagħtuh.

10 U għalhekk, dak li jwebbes qalbu, huwa jirċievi l‑iċken porzjon tal‑kelma; u dak li ma jwebbisx qalbu, lilu jingħata l‑akbar porzjon tal‑kelma, sakemm jiġi żvelat lilu li jsir jaf il‑misteri ta’ Alla sakemm isir jafhom kollha.

11 U dawk li jwebbsu qalbhom, lilhom jingħata l‑iċken porzjon tal‑kelma sakemm huma ma jibqgħu jafu xejn dwar il‑misteri tiegħu; u mbagħad huma jittieħdu fil‑jasar mix‑xitan, u jitmexxew lejn il‑qerda skont ir‑rieda tiegħu. Issa din hija t‑tifsira tal‑ktajjen tal‑infern.

12 U Amuleki tkellem bl‑aktar mod ċar dwar il‑mewt, u li aħna se niġu mqajmin minn din il‑mortalità għal stat ta’ immortalità, u sejrin ninġiebu quddiem l‑iżbarra ta’ Alla, biex isir ħaqq minna skont għemilna.

13 Imbagħad jekk aħna nkunu webbisna qalbna, iva, jekk inkunu webbisna qalbna kontra l‑kelma, hekk li ma baqgħetx tinsab aktar ġewwa fina, mela l‑istat tagħna se jkun wieħed terribbli, għax jekk hu hekk aħna se niġu kkundannati.

14 Għax kliemna jikkundannana, iva l‑għemejjel kollha tagħna jikkundannawna; u aħna ma niġux misjuba mingħajr tebgħa; u ħsibijietna wkoll jikkundannawna; u f’dan l‑istat terribbli ma nazzardawx inħarsu ’l fuq lejn Alla; u jkun ta’ solliev għalina jekk aħna nkunu kapaċi nordnaw lill‑blat u l‑muntanji biex jaqgħu fuqna ħalli jaħbuna mill‑preżenza tiegħu.

15 Iżda dan ma jistax iseħħ; jeħtieġ li aħna mmorru u nieqfu quddiemu fil‑glorja tiegħu, u fil‑qawwa tiegħu, u fis‑setgħa u l‑maestà u d‑dominju tiegħu, u nammettu, bis‑sentiment tal‑ħtija eterna tagħna, li l‑ħaqq tiegħu huwa kollu ġust; li huwa ġust fl‑għemejjel kollha tiegħu, u li hu ħanin ma’ wlied il‑bnedmin, u li għandu l‑qawwa kollha li jsalva lil kull bniedem li jemmen f’ismu u li jipproduċi frott xieraq tal‑indiema.

16 U issa araw, jien ngħidilkom li mbagħad tasal il‑mewt, sewwasew it‑tieni mewt, li hija mewta spiritwali; dak ikun żmien li kull min imut fi dnubietu, u hawn qed nirreferi għall‑mewta temporali, se jmut ukoll mewta spiritwali; iva, huwa sejjer imut f’dawk li huma ħwejjeġ relatati mas‑sewwa.

17 Dan ikun iż‑żmien meta t‑turment tagħhom se jkun bħal belliegħa ta’ nar u kubrit, li l‑fjamma tagħha titla’ ’l fuq għal dejjem ta’ dejjem; u dak ikun iż‑żmien meta huma jinżammu marbutin għall‑qerda ta’ dejjem, skont il‑qawwa u l‑jasar ta’ Satana, hu li ħakimhom taħt idejh skont ir‑rieda tiegħu.

18 Għalhekk, jien ngħidilkom, li għalihom ikun daqslikieku ma seħħet l‑ebda fidwa; għax huma ma jkunux jistgħu jiġu mifdija skont il‑ġustizzja ta’ Alla; u huma ma jkunux jistgħu imutu, peress li ma jkunx hemm aktar taħsir.

19 Issa ġara li meta Alma temm jgħid dan il‑kliem, in‑nies bdew jimtlew aktar bil‑għaġeb;

20 Iżda kien hemm wieħed jismu Antjona, li kien kap ewlieni fosthom, li mar quddiemu u qallu: X’jiġifieri dak li għidt, li l‑bniedem sejjer iqum mill‑mewt u jinbidel minn dan l‑istat mortali għal wieħed immortali, u li r‑ruħ ma tista’ tmut qatt?

21 Xi tfisser l‑iskrittura, li tgħid li Alla poġġa kerubini u sejf tan‑nar iżiġġ fin‑naħa tal‑lvant tal‑ġnien tal‑Għeden, biex l‑ewwel ġenituri tagħna ma jkunux jistgħu jidħlu u jieklu mill‑frott tas‑siġra tal‑ħajja, u jgħixu għal dejjem? U b’hekk naraw li huma ma kellhom l‑ebda ċans li setgħu jgħixu għal dejjem.

22 U Alma qallu: Din hi l‑ħaġa li jiena kont se nispjega. Issa naraw li Adam waqa’ billi kiel mill‑frotta pprojbita, skont il‑kelma ta’ Alla; u b’hekk naraw, li minħabba l‑waqgħa tiegħu, il‑bnedmin kollha saru nies mitlufa u dekaduti.

23 U issa ara, jiena ngħidlek li kieku dak iż‑żmien kien possibbli għal Adam li jiekol mill‑frott tas‑siġra tal‑ħajja, kieku ma kien ikun hawn l‑ebda mewt, u l‑kelma kienet tkun għalxejn, u Alla kien jidher bħallikieku xi giddieb, għax huwa qal: Jekk inti tiekol int tmut żgur.

24 U naraw li l‑mewt tiġi fuq il‑bniedem, iva, il‑mewt li tkellem dwarha Amuleki, li hija l‑mewt temporali; madankollu l‑bniedem ġie mogħti perjodu ta’ żmien li fih huwa jista’ jindem; għalhekk din il‑ħajja saret għalih stat ta’ prova; żmien biex hu jitħejja ħalli jiltaqa’ ma’ Alla; żmien biex hu jitħejja għal dak l‑istat bla tmiem li aħna tkellimna dwaru, li jiġi wara l‑qawmien mill‑imwiet.

25 Issa, li kienu ma kienx għall‑pjan ta’ fidwa, li ġie mfassal sa mill‑ħolqien tad‑dinja, ma kien ikun hawn l‑ebda qawmien mill‑imwiet; iżda ġie mfassal pjan li sejjer iġib fis‑seħħ il‑qawmien mill‑imwiet, li dwaru aħna tkellimna.

26 U issa ara, li kieku kien possibbli li l‑ewwel ġenituri tagħna tħallew imorru u jieklu mis‑siġra tal‑ħajja huma kienu jkunu miżerabbli għal dejjem, għax huma ma kien ikollhom l‑ebda stat preparatorju; u b’hekk il‑pjan ta’ fidwa kien jinżamm milli jiġi fis‑seħħ, u l‑kelma ta’ Alla kienet tisfa fix‑xejn, għax ma kien ikollha l‑ebda effett.

27 Iżda ara, mhux hekk ġara; iżda ġie ddekretat li l‑bnedmin jeħtieġ li jmutu; u wara l‑mewt, jeħtieġ li jinġiebu ħalli jsir ħaqq minnhom, sewwasew l‑istess ħaqq li aħna tkellimna dwaru, li huwa t‑tmiem.

28 U wara li Alla ddekreta li l‑bnedmin se jkollhom jgħaddu minn dawn il‑ħwejjeġ, ara, imbagħad hu ra li jkun jaqbel li l‑bnedmin isiru jafu dwar il‑ħwejjeġ li huwa ddekreta li għandhom jgħaddu minnhom.

29 Għalhekk huwa bagħat anġli biex jitkellmu magħhom, li ordnaw lill‑bnedmin sabiex iħarsu lejn il‑glorja tiegħu.

30 U minn dak iż‑żmien ’il quddiem huma bdew isejħu ismu; għalhekk Alla tkellem mal‑bnedmin, u żvelalhom il‑pjan tal‑fidwa, li ġie mħejji sa mill‑ħolqien tad‑dinja; u dan huwa żvelalhom skont il‑fidi u l‑indiema tagħhom u l‑opri qaddisa tagħhom.

31 Għalhekk, lill‑bnedmin huwa tahom kmandamenti, wara li huma kisru l‑ewwel kmandamenti relatati ma’ ħwejjeġ li huma temporali, u huma saru bħall‑allat, jagħrfu t‑tajjeb mill‑ħażin, u poġġew lilhom infushom fi stat li jaġixxu, jew fejn huma tpoġġew fi stat li jaġixxu skont ir‑rieda u x‑xewqat tagħhom, jekk jagħmlux il‑ħażin jew jekk jagħmlux it‑tajjeb—

32 Għalhekk Alla tahom kmandamenti, wara li huwa żvelalhom il‑pjan tal‑fidwa, fejn huma m’għandhom iwettqu l‑ebda ħażen, u fejn il‑piena li huma jirċievu jekk iwettqu l‑ħażen hija t‑tieni mewta, li kienet mewta għal dejjem fejn jidħlu ħwejjeġ relatati mas‑sewwa; għax fuq nies bħal dawn il‑pjan tal‑fidwa ma seta’ jkollu l‑ebda effett, għax skont it‑tjieba suprema ta’ Alla, l‑għemejjel tal‑ġustizzja huma bla tmiem.

33 Iżda Alla sejjaħ lill‑bnedmin, f’isem Ibnu, (dan kien il‑pjan tal‑fidwa li ġie mfassal) u qal: Jekk intom tindmu, u ma twebbsux qalbkom, imbagħad jiena jkolli ħniena minnkom, permezz ta’ Ibni l‑Waħdieni;

34 Għalhekk, kull min jindem, u ma jwebbisx qalbu, huwa ntitolat għall‑ħniena permezz ta’ Ibni l‑Waħdieni, li twassal għall‑maħfra ta’ dnubietu; u dawn sejrin jiksbu l‑mistrieħ tiegħi.

35 U kull min iwebbes qalbu u jagħmel il‑ħażen, araw, jien naħlef fl‑għadab tiegħi li huwa mhuwiex se jikseb il‑mistrieħ tiegħi.

36 U issa, ħuti, araw jien ngħidilkom, li jekk intom twebbsu qalbkom intom ma tistgħux tiksbu l‑mistrieħ tal‑Mulej; għalhekk il‑ħażen tagħkom jipprovokah biex huwa jibgħat l‑għadab tiegħu fuqkom kif għamel fl‑ewwel provokazzjoni, iva, kif qal li se jagħmel fl‑aħħar provokazzjoni l‑istess kif għamel fl‑ewwel waħda, u dan iwassal għall‑qerda eterna ta’ ruħkom; għalhekk, dan iseħħ skont kelmtu, u dan hu li se jiġri fl‑aħħar mewt, l‑istess kif ġara f’tal‑ewwel.

37 U issa, ħuti, peress li aħna nafu dan kollu, u kollox huwa minnu, ejjew nindmu, u ma nwebbsux qalbna, biex aħna ma nipprovokawx lill‑Mulej Alla tagħna u huwa jispiċċa jixħet fuqna l‑għadab tiegħu skont dawn it‑tieni kmandamenti li huwa tana; iżda ejjew aħna niksbu l‑mistrieħ ta’ Alla, li huwa ħejja skont kelmtu.