Kapitlu 51
Nies is‑sultan jippruvaw jibdlu l‑liġi u jaħtru sultan—Paħoran u nies il‑ħelsien jiksbu l‑appoġġ permezz tar‑rieda tal‑poplu—Moroni jġiegħel lil nies is‑sultan biex jiddefendu pajjiżhom jew jingħataw il‑mewt—Għamalikja u l‑Lamaniti jieħdu f’idejhom bosta bliet iffortifikati—Teankum iraġġa’ lura l‑invażjoni Lamanita u joqtol lil Għamalikja fit‑tinda tiegħu. Madwar 67–66 Q.K.
1 U issa ġara li fil‑bidu tas‑sena ħamsa u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, huma raw li tiġi stabbilita l‑paċi bejn in‑nies ta’ Leħi u n‑nies ta’ Morjanton fejn jidħlu artijiethom, u huma bdew is‑sena ħamsa u għoxrin fil‑paċi;
2 Madankollu, huma ma ħallewx il‑paċi ssaltan għal kollox fil‑pajjiż, għax in‑nies bdew jitlewmu bejniethom dwar il‑prim imħallef Paħoran; għax araw, kien hemm uħud min‑nies li xtaqu jaraw li jsir tibdil f’ċerti punti partikolari tal‑liġi.
3 Iżda araw, Paħoran ma riedx jibdel jew jippermetti li jsir tibdil fil‑liġi; għalhekk, huwa ma tax każ ta’ dawk li semmgħu leħinhom permezz tat‑talba li huma għamlu biex isir tibdil fil‑liġi.
4 Għalhekk, dawk li kellhom ix‑xewqa li tinbidel il‑liġi mtlew bil‑għadab għalih, u xtaqu li hu ma jibqax aktar prim imħallef tal‑pajjiż; għalhekk qam argument dwar dil‑ħaġa, iżda dan ma wassal għall‑ebda tixrid ta’ demm.
5 U ġara li dawk li kellhom ix‑xewqa li Paħoran jitneħħa mis‑siġġu tat‑tribunal kienu jissejħu nies is‑sultan, għax huma kellhom ix‑xewqa li l‑liġi tinbidel b’tali mod li huma jwaqqgħu l‑gvern ħieles u jaħtru sultan fuq il‑pajjiż.
6 U dawk li kellhom ix‑xewqa li Paħoran jibqa’ prim imħallef tal‑pajjiż bdew isejħu lilhom infushom nies il‑ħelsien; u dan kien id‑diżgwid li nqala’ bejniethom, għax nies il‑ħelsien ħalfu jew għamlu patt li kienu se jkomplu jipproteġu d‑drittijiet u l‑privileġġi tar‑reliġjon tagħhom permezz ta’ gvern ħieles.
7 U ġara li dil‑ħaġa li bdew jitlewmu dwarha ġiet solvuta permezz tar‑rieda tal‑poplu. U ġara lir‑rieda tal‑poplu qatgħetha favur nies il‑ħelsien, u Paħoran żamm postu fuq is‑siġġu tat‑tribunal, ħaġa li ġabet ferħ kbir fost l‑aħwa ta’ Paħoran kif ukoll fost ħafna min‑nies li kienu favur il‑libertà, fejn huma spiċċaw biex għalqu ħalq nies is‑sultan, tant li huma m’azzardawx li jopponuhom iżda ġew mitluba jiddefendu l‑kawża tal‑ħelsien.
8 Issa dawk li kienu favur is‑slaten kienu dawk ta’ twelid nobbli, u li ppruvaw ikunu slaten; u huma sabu l‑appoġġ fost dawk li riedu li jkollhom il‑poter u l‑awtorità fuq il‑poplu.
9 Iżda araw, dan xejn ma kien mument tajjeb biex jinqala’ daqstant tilwim fost il‑poplu ta’ Nefi; għax araw, Għamalikja reġa’ beda jxewwex lill‑poplu Lamanita kontra l‑poplu Nefita, u beda jiġbor flimkien suldati minn kull naħa ta’ pajjiżu, u bir‑reqqa kollha beda jarmahom, u jħejjihom għall‑gwerra; għax ħalef li lil Moroni kien lest jixroblu demmu.
10 Iżda araw, aħna nistgħu naraw li l‑ġurament li huwa ħa ħadu mingħajr wisq konsiderazzjoni; madankollu, huwa ħejja lilu nnifsu u l‑armati tiegħu għall‑battalja kontra n‑Nefiti.
11 Issa l‑armati tiegħu ma kinux kbar daqs kemm kienu qabel, peress li bosta eluf minnhom kienu ġew maqtula min‑Nefiti; iżda minkejja t‑telfien kbir li huma sofrew, Għamalikja ġabar flimkien armata kbira mhux ħażin, tant li huwa ma beża’ xejn li jkompli miexi lejn l‑art ta’ Żaraħemla.
12 Iva, anke Għamalikja nnifsu niżel magħhom, bħala kmandant tal‑Lamaniti. U dan seħħ fis‑sena ħamsa u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin; u dan kien fl‑istess żmien meta huma bdew jirrisolvu l‑kwistjoni li kellhom bejniethom dwar il‑prim imħallef, Paħoran.
13 U ġara li meta n‑nies, li kienu jissejħu nies is‑sultan, semgħu li l‑Lamaniti kienu resqin lejhom biex jiġġieldu kontrihom, qalbhom imtliet bil‑ferħ; u huma rrifjutaw li jaqbdu l‑armi b’idejhom, għax huma kienu nkurlati bil‑kbir għall‑prim imħallef, kif ukoll għan‑nies li kienu favur il‑libertà, tant li ma ridux jaqbdu l‑armi b’idejhom biex jiddefendu pajjiżhom.
14 U ġara li meta Moroni ra dan, u ra wkoll li l‑Lamaniti kienu jinsabu resqin lejn il‑fruntiera tal‑pajjiż, huwa nkorla bil‑kbir minħabba l‑ebusija ta’ ras dawk in‑nies, liema nies huwa għamel minn kollox biex iħarishom; iva, huwa nkorla bil‑kbir; u xegħlet il‑korla ta’ ruħu għalihom.
15 U ġara li huwa bagħat petizzjoni, li kienet tirrifletti r‑rieda tal‑poplu, lill‑gvernatur tal‑pajjiż, fejn xtaqu jaqraha, u lilu (Moroni) jagħtih is‑setgħa li jordna lil dawk id‑dissidenti biex jew jiddefendu pajjiżhom jew inkella jingħataw il‑mewt.
16 Għax l‑akbar responsabbiltà tiegħu kienet sewwasew li jġib fi tmiemu dan id‑diżgwid u dan in‑nuqqas ta’ qbil fost il‑poplu; għax araw, dan kien il‑kawża ta’ daqstant qerda fosthom. U ġara li t‑talba tiegħu ntlaqat skont ir‑rieda tal‑poplu.
17 U ġara li Moroni ordna lill‑armata tiegħu biex imorru jaffrontaw lil nies is‑sultan, u jġibu fix‑xejn il‑kburija u n‑nobbiltà tagħhom, u jagħmluhom terrapien, jekk huma ma jaqbdux f’idejhom l‑armi u jiddefendu l‑kawża tal‑libertà.
18 U ġara li l‑armati bdew mexjin lejhom; u huma ġabu fix‑xejn il‑kburija u n‑nobbiltà tagħhom, tant li hekk kif huma qabdu f’idejhom l‑armi tal‑gwerra biex jiġġieldu kontra n‑nies ta’ Moroni huma spiċċaw b’ġisimhom imtertaq mal‑art.
19 U ġara li kien hemm erbat elf minn fost dawk id‑dissidenti li spiċċaw b’ġisimhom imtertaq permezz tax‑xabla; u dawk il‑mexxejja tagħhom li ma ġewx maqtula fil‑battalja ttieħdu u nxteħtu f’ħabs, għax f’dak il‑mument ma kienx hemm ħin biżżejjed biex huma jgħaddu ġuri.
20 U dawk li kien għad baqa’ minn fost id‑dissidenti, minflok ma jispiċċaw jindarbu permezz tax‑xabla, baxxew rashom għall‑istendàrd tal‑libertà, u ġew imġiegħla jtellgħu l‑bandiera bit‑titlu tal‑libertà fuq it‑torrijiet tagħhom, u fi bliethom, u anke jaqbdu l‑armi f’idejhom biex jiddefendu pajjiżhom.
21 U b’dal‑mod Moroni ġab fix‑xejn lil dawk li kienu jissejħu nies is‑sultan, hekk li ma kien għad baqa’ ħadd aktar li kien jissejjaħ nies is‑sultan; u b’dal‑mod huwa ġab fix‑xejn ir‑ras iebsa u l‑kburija ta’ dawk in‑nies li kienu jqisu lilhom infushom bħala nies ta’ demm nobbli; fejn huma kellhom jumiljaw ruħhom bħal ħuthom, u jiġġieldu bi qlubija għall‑ħelsien tagħhom mill‑jasar.
22 Araw, ġara li waqt li Moroni kien qed iġib fi tmiemhom il‑gwerer u l‑ġlied li kien hemm fost il‑poplu tiegħu, u jwassalhom biex jgħixu fil‑paċi u ċ‑ċiviltà, u beda jagħmel ċerti regolamenti biex iħejjihom għall‑gwerra kontra l‑Lamaniti, araw, ġew il‑Lamaniti u daħlu fl‑art ta’ Moroni, li kienet fil‑fruntiera ma’ xatt il‑baħar.
23 U ġara li n‑Nefiti li kien hemm fil‑belt ta’ Moroni ma kinux armati biżżejjed; għalhekk Għamalikja spiċċa ħariġhom ’il barra minn arthom u qatel ħafna minnhom. U ġara li Għamalikja ħa l‑belt f’idejh, iva, huwa ħa f’idejh il‑fortifikazzjonijiet kollha tagħhom.
24 U dawk li kienu ħarbu ’l barra mill‑belt ta’ Moroni ġew fil‑belt ta’ Nefija; u ġara wkoll li n‑nies tal‑belt ta’ Leħi nġabru flimkien, u huma bdew iħejju lilhom infushom u kienu lesti biex jaffrontaw lil‑Lamaniti f’battalja.
25 Iżda ġara li Għamalikja ma ħalliex lil‑Lamaniti jmorru jiġġieldu kontra n‑nies tal‑belt ta’ Nefija, iżda ordnalhom biex jibqgħu ħdejn xatt il‑baħar, u f’kull belt hu ħalla numru ta’ rġiel sabiex jipproteġuha u jiddefenduha.
26 U hu kompla għaddej b’dan il‑mod, fejn huwa ħa f’idejh bosta bliet, il‑belt ta’ Nefija, u l‑belt ta’ Leħi, il‑belt ta’ Morjanton, u l‑belt ta’ Omner, il‑belt ta’ Gid, u l‑belt ta’ Mulek, li lkoll kemm huma kienu fil‑fruntiera tal‑lvant ma’ xatt il‑baħar.
27 U b’hekk il‑Lamaniti, permezz tal‑qerq ta’ Għamalikja, kisbu bosta bliet, bis‑saħħa tal‑armati kbar tagħhom, liema bliet kienu kollha ffortifikati waħda sew, skont il‑fortifikazzjonijiet ta’ Moroni; u lkoll kemm huma spiċċaw fortizza għal‑Lamaniti.
28 U ġara li huma mxew lejn il‑fruntiera tal‑art ta’ Kotran, u ġegħlu lin‑Nefiti jaħarbu u spiċċaw biex qatlu bosta minnhom.
29 Iżda ġara li huma sabu ma’ wiċċhom lil Teankum, li kien qatel lil Morjanton u li kien żamm lin‑nies tiegħu milli jaħarbu miegħu.
30 U ġara li huwa żamm ukoll lil Għamalikja milli jkompli sejjer, hekk kif hu kien sejjer flimkien mal‑armata kbira tiegħu biex jieħu f’idejh l‑art ta’ Kotran, kif ukoll l‑art tat‑tramuntana.
31 Iżda araw, huwa ddiżappunta ruħu bil‑kbir li Teankum u n‑nies tiegħu kienu żammewh milli jkompli sejjer, għax huma kienu gwerriera mill‑aqwa; għaliex kull raġel li kien ma’ Teankum kien aktar b’saħħtu u aktar gwerrier kapaċi mil‑Lamaniti, tant li huma kellhom vantaġġ kbir fuq il‑Lamaniti.
32 U ġara li huma bdew jitturmentawhom tant li sakemm dalam spiċċaw qatlu ħafna minnhom. U ġara li Teankum u n‑nies tiegħu waqqfu t‑tined tagħhom fil‑fruntiera tal‑art ta’ Kotran; u Għamalikja waqqaf it‑tinda tiegħu fil‑fruntiera li kien hemm ma’ xatt il‑baħar, u kien b’dan il‑mod li huma ġew imġiegħla jirtiraw.
33 U ġara li meta wasal il‑lejl, Teankum u l‑qaddej tiegħu ħarġu nkiss inkiss barra u marru fil‑kamp ta’ Għamalikja; u araw, dawn marret għajnhom bihom sforz l‑għeja kbira li kellhom, minħabba l‑ħidma u s‑sħana tal‑jum.
34 U ġara li Teankum daħal inkiss inkiss fit‑tinda tas‑sultan, u daħħallu lanza ġo qalbu; u s‑sultan miet fil‑pront tant li l‑qaddejja tiegħu lanqas biss qamu mir‑raqda li kienu fiha.
35 U huwa reġa’ lura nkiss inkiss fil‑kamp tiegħu, u araw, in‑nies tiegħu kienu reqdin, u hu qajjimhom u qalilhom b’dak kollu li kien għamel.
36 U huwa ordna l‑armati tiegħu biex ilestu ruħhom, ma jmorrux iqumu l‑Lamaniti u jaħbtu għalihom.
37 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena ħamsa u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi; u b’hekk ġiet fi tmiemha l‑ħajja ta’ Għamalikja.