Skrittura
Alma 40


Kapitlu 40

Kristu jġib fis‑seħħ il‑qawmien mill‑imwiet tal‑bnedmin kollha—Wara l‑mewt it‑twajbin imorru l‑ġenna u l‑ħżiena jmorru ’l barra fid‑dlam fejn hemm jibqgħu jistennew il‑jum tal‑qawmien tagħhom—F’jum il‑Qawmien kull ħaġa tiġi rrestawrata għall‑forma xierqa u perfetta tagħha. Madwar 74 Q.K.

1 Issa ibni, għandi xi ħaġ’oħra xi ngħidlek; għax qed nara li inti tinsab imħasseb dwar il‑qawmien mill‑imwiet.

2 Ara, jiena ngħidlek, li mhu se jseħħ l‑ebda qawmien mill‑imwiet—jew inkella, biex inpoġġiha mod ieħor, ngħidlek li dal‑ġisem mortali mhuwiex se jxidd fuqu ġisem immortali, dal‑ġisem imħassar mhuwiex se jxidd fuqu ġisem mhux imħassar—qabel il‑miġja ta’ Kristu.

3 Ara, huwa jġib fis‑seħħ il‑qawmien tal‑mejtin. Iżda ara, ibni, il‑qawmien mhuwiex se jseħħ għalissa. Issa, jiena se niżvelalek misteru; madankollu, hemm bosta misteri li għadhom mistura, li ħadd ma jafhom ħlief Alla nnifsu. Iżda jiena se nkellmek dwar xi ħaġa li jien staqsejt lil Alla bil‑ħrara biex insir naf dwarha—li tikkonċerna l‑qawmien mill‑imwiet.

4 Ara, hemm żmien allokat li fih kulħadd għandu jqum mill‑imwiet. Issa meta dan se jseħħ ħadd ma jaf; iżda Alla jaf meta hu dan iż‑żmien allokat.

5 Issa, jekk il‑bnedmin humiex se jqumu mill‑imwiet f’mument wieħed, jew jekk hux se jkun hemm it‑tieni qawmien, jew it‑tielet qawmien, ma tagħmilx differenza; għax Alla jaf dan kollu; u għalija biżżejjed li jien naf li se jiġri dan—li hemm żmien allokat li fih kulħadd se jqum mill‑mewt.

6 Issa jeħtieġ li jkun hemm perjodu ta’ żmien bejn il‑mument tal‑mewt u l‑mument tal‑qawmien.

7 U issa, jiena nistaqsi, x’se jiġri minn ruħ il‑bnedmin mill‑mument tal‑mewt sal‑mument tal‑qawmien allokat lilhom?

8 Issa jekk hux se jkun hemm aktar minn żmien wieħed allokat li fih il‑bnedmin se jqumu, ma tagħmilx differenza; għax mhux kulħadd imut fl‑istess ħin, u għalhekk ma tagħmilx differenza; kollox hu bħallikieku jum wieħed għal Alla, u ż‑żmien huwa biss kejl għall‑bnedmin.

9 Għalhekk, hemm żmien allokat għal kull bniedem li fih huwa se jqum mill‑mewt; u hemm perjodu ta’ żmien bejn il‑mument tal‑mewt u l‑qawmien. U issa, dwar dan il‑perjodu ta’ żmien, x’se jiġri minn ruħ il‑bnedmin hija l‑ħaġa li jien staqsejt lil Alla bil‑ħrara biex insir naf dwarha; u dan huwa dak li jiena naf.

10 U meta jasal iż‑żmien fejn kulħadd iqum, hemmhekk huma jsiru jafu li Alla jaf iż‑żminijiet kollha li huma allokati għall‑bniedem.

11 Issa, rigward l‑istat tar‑ruħ bejn il‑mewt u l‑qawmien—Ara, ġie żvelat lili permezz ta’ anġlu, li l‑ispirti tal‑bnedmin kollha, hekk kif iħallu lil dan il‑ġisem mortali, iva, l‑ispirti tal‑bnedmin kollha, sew jekk kienu twajbin u sew jekk kienu ħżiena, se jittieħdu d‑dar għand dak Alla li tahom il‑ħajja.

12 U mbagħad jiġri, li l‑ispirti ta’ dawk li huma twajbin jintlaqgħu fi stat ta’ hena, li jissejjaħ ġenna, li huwa stat ta’ mistrieħ, u stat ta’ paċi, fejn hemm huma jistrieħu mill‑inkwiet kollu tagħhom u minn dak kollu li jtaqqalhom, u min‑niket kollu tagħhom.

13 U mbagħad jiġri li l‑ispirti tal‑ħżiena, iva, dawk li jagħmlu l‑ħażen—għax ara, huma m’għandhom l‑ebda parti jew sehem mill‑Ispirtu tal‑Mulej; għax ara, huma għażlu li jwettqu għemejjel ħżiena minflok tajbin; għalhekk l‑ispirtu tax‑xitan daħal fihom, u ħa f’idejh darhom—u dawn sejrin jinxteħtu ’l barra fid‑dlam; hemmhekk se jkun hemm biki, u tinwiħ, u tgħażżiż tas‑snien, u dan minħabba ħżunithom, fejn huma ġew meħudin fil‑jasar skont ir‑rieda tax‑xitan.

14 Issa dan hu l‑istat ta’ ruħ il‑ħżiena, iva, stat mudlam, u stat ta’ stennija terribbli u tal‑biża’ li sejrin jintlaqtu mill‑ħuġġieġa nar tal‑korla ta’ Alla; għalhekk huma jibqgħu f’dan l‑istat, waqt li t‑twajbin jibqgħu fil‑ġenna, sa żmien il‑qawmien tagħhom.

15 Issa, hemm xi wħud li fehmu li dan l‑istat ta’ hena u dan l‑istat ta’ miżerja tar‑ruħ, qabel il‑qawmien mill‑imwiet, kien l‑ewwel qawmien. Iva, nammetti li jista’ jkun li ddeskrivejt bħala qawmien mill‑imwiet, it‑tluq mill‑ġisem tal‑ispirtu jew tar‑ruħ u l‑kunsinna tagħhom għall‑hena jew għall‑miżerja, skont il‑kliem li ntqal.

16 U ara, intqal ukoll, li hemm l‑ewwel qawmien, il‑qawmien ta’ dawk kollha li kienu, jew li huma, jew li għad ikunu, sewwasew sal‑qawmien ta’ Kristu mill‑imwiet.

17 Issa, m’għandniex naħsbu li dan l‑ewwel qawmien, li tkellimna dwaru b’dan il‑mod, jista’ jkun il‑qawmien ta’ ruħhom u l‑kunsinna tagħha għall‑hena jew għall‑miżerja. Żgur m’għandekx taħseb li t‑tifsira hija din.

18 Ara, jiena ngħidlek, Le; iżda din qed tirreferi għall‑għaqda mill‑ġdid tar‑ruħ mal‑ġisem, ta’ dawk kollha minn żmien Adam sa żmien il‑qawmien ta’ Kristu.

19 Issa, jekk ir‑ruħ u l‑ġisem ta’ dawk li semmejna humiex se jingħaqdu mill‑ġdid flimkien fl‑istess waqt, kemm il‑ħżiena kif ukoll it‑twajbin, ma nistax ngħid; ikun biżżejjed li ngħid li lkoll kemm huma se jqumu mill‑mewt; jew, fi kliem ieħor, il‑qawmien tagħhom se jiġi fis‑seħħ qabel il‑qawmien ta’ dawk li se jmutu wara l‑qawmien ta’ Kristu.

20 Issa, ibni, jien ma nistax ngħid li l‑qawmien tagħhom se jseħħ mal‑qawmien ta’ Kristu; iżda ara, l‑opinjoni tiegħi hi li r‑ruħ u l‑ġisem tat‑twajbin se jingħaqdu mill‑ġdid flimkien, fi żmien il‑qawmien ta’ Kristu, u t‑tlugħ tiegħu fis‑sema.

21 Iżda jekk dan huwiex se jseħħ waqt il‑qawmien tiegħu jew wara, ma nistax ngħid; iżda li nista’ ngħid huwa dan, li hemm perjodu ta’ żmien bejn il‑mewt u l‑qawmien tal‑ġisem, u hemm stat fejn ir‑ruħ tkun fil‑hena jew fil‑miżerja saż‑żmien allokat minn Alla li fih il‑mejtin sejrin iqumu, u jingħaqdu mill‑ġdid, kemm ir‑ruħ u kemm il‑ġisem, u jinġiebu ħalli jieqfu quddiem Alla, u jsir ħaqq minnhom skont għemilhom.

22 Iva, dan iġib fis‑seħħ ir‑restawrazzjoni ta’ dawk il‑ħwejjeġ li dwarhom tkellmu l‑profeti.

23 Ir‑ruħ se tiġi rrestawrata mal‑ġisem, u l‑ġisem mar‑ruħ; iva, u r‑riġlejn u l‑ġogi kollha se jiġu rrestawrati ma’ ġisimhom; iva, lanqas xagħra waħda mir‑ras mhu se tintilef; iżda kollox se jiġi rrestawrat għall‑forma xierqa u perfetta tiegħu.

24 U issa, ibni, din hija r‑restawrazzjoni li dwarha tkellmu l‑profeti—

25 Imbagħad it‑twajbin sejrin jiddu fis‑saltna ta’ Alla.

26 Iżda ara, mewt orribbli sejra tolqot lill‑ħżiena; għax huma se jmutu f’dak li għandu x’jaqsmu mas‑sewwa; għax huma mniġġsa, u l‑ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tiret is‑saltna ta’ Alla; iżda huma se jinxteħtu ’l barra, u se jgħaddu biex igawdu frott ħidmiethom, jew frott għemilhom, li kien ħażin; u huma jixorbu mit‑tazza l‑morra sal‑qiegħ.