Skrittura
Alma 3


Kapitlu 3

L‑Amliċiti mmarkaw lilhom infushom skont il‑kelma profetika—Il‑Lamaniti spiċċaw insteħtu minħabba r‑ribelljoni tagħhom—Il‑bnedmin iġibu s‑saħta fuqhom infushom—In‑Nefiti jegħlbu armata oħra Lamanita. Madwar 87–86 Q.K.

1 U ġara li n‑Nefiti li ma nqatlux bl‑armi tal‑gwerra, wara li difnu lil dawk li ġew maqtula—issa l‑għadd ta’ dawk li nqatlu ma ġiex magħdud, għax l‑għadd tagħhom kien kbir wisq—wara li spiċċaw jidfnu lill‑mejtin tagħhom huma reġgħu lura lkoll lejn artijiethom, lejn djarhom, u lejn marthom, u wliedhom.

2 Issa bosta nisa u tfal sfaw maqtula permezz tax‑xabla, u l‑istess ħafna mill‑merħliet u l‑baqar tagħhom; u ħafna mill‑għelieqi tal‑qamħ tagħhom sfaw meqruda, peress li spiċċaw mgħaffġa minn għadd kbir ta’ nies.

3 U issa l‑Lamaniti u l‑Amliċiti kollha li nqatlu max‑xatt tax‑xmara Sidon ġew mitfugħin fl‑ilmijiet ta’ Sidon; u araw għadamhom jinsab f’qiegħ il‑baħar, u l‑għadd tagħhom huwa wieħed kbir.

4 U l‑Amliċiti kienu jingħarfu min‑Nefiti, għax huma kienu mmarkaw ġbinhom bl‑aħmar l‑istess kif kienu għamlu l‑Lamaniti; madankollu huma ma qaxxrux rashom bħal‑Lamaniti.

5 Issa l‑Lamaniti kellhom rashom imqaxxra; u huma kienu għarwenin, ħlief għall‑ħżiem tal‑ġild li kellhom madwar qaddhom, u l‑armatura tagħhom, li kienet marbuta ma’ qaddhom, u l‑qwas u l‑vleġeġ tagħhom, u l‑ġebel u l‑iżbandoli tagħhom, u aktar.

6 U l‑Lamaniti kellhom ġilda skura, skont il‑marka li tpoġġiet fuq missirijiethom, li kienet saħta li waqgħet fuqhom minħabba t‑trasgressjoni tagħhom u minħabba li huma kienu qamu kontra ħuthom, li kienu Nefi, Ġakobb, Ġużeppi, u Sam, li kienu nies ġusti u qaddisa.

7 U ħuthom raw kif jagħmlu biex jeqirduhom, għalhekk huma ġew misħutin; u l‑Mulej Alla poġġa fuqhom marka, iva, sewwasew fuq Laman u Lemwel, kif ukoll fuq is‑subien ta’ Ismagħel, u fuq in‑nisa Ismagħelin.

8 U dan seħħ biex nisilhom ikun jista’ jingħaraf minn nisel ħuthom, biex b’hekk il‑Mulej Alla jkun jista’ jħares lill‑poplu tiegħu, ħalli huma ma jitħalltux magħhom u jispiċċaw jemmnu fi twemmin żbaljat li jwassalhom għall‑qerda tagħhom.

9 U ġara li kull min ħallat iż‑żerriegħa tiegħu ma’ dik tal‑Lamaniti ġab l‑istess saħta fuq nislu.

10 Għalhekk, kull min ħalla lilu nnifsu jiġi mqarraq mil‑Lamaniti beda jitqies bħala wieħed minnhom, u fuqu tpoġġiet marka.

11 U ġara li dawk kollha li ma kinux jemmnu fit‑twemmin tal‑Lamaniti, iżda kienu jemmnu f’dawk l‑annali li kienu nġabu mill‑art ta’ Ġerusalemm, kif ukoll fit‑twemmin ta’ missirijiethom, li kien korrett, u li kienu jemmnu fil‑kmandamenti ta’ Alla u jħarsuhom, minn dak iż‑żmien ’il quddiem bdew jissejħu n‑Nefiti, jew il‑poplu ta’ Nefi—

12 U huma dawk li ppreservaw l‑annali, li huma vera, tan‑nies tagħhom, kif ukoll tal‑poplu Lamanita.

13 Issa se nkomplu nitkellmu dwar l‑Amliċiti, għax fuqhom ukoll tpoġġiet marka; iva, huma poġġew il‑marka fuqhom infushom, iva, sewwasew marka ħamra fuq ġbinhom.

14 B’hekk il‑kelma ta’ Alla ġiet fis‑seħħ, għax dan huwa l‑kliem li huwa qal lil Nefi: Ara, jiena bgħatt saħta fuq il‑Lamaniti, u jien se npoġġi fuqhom marka sabiex huma u nisilhom jinqatgħu minn miegħek u minn ma’ nislek, minn issa u għal dejjem, sakemm huma ma jindmux minn ħżunithom u jduru lejja ħalli jiena jkolli ħniena minnhom.

15 U għal darb’oħra: Jiena se npoġġi marka fuq dak li jħallat iż‑żerriegħa tiegħu ma’ ta’ ħutek, biex huma wkoll jiġu misħutin.

16 U għal darb’oħra: Jiena se npoġġi marka fuq dak li jeħodha kontrik u kontra nislek.

17 U għal darb’oħra, jiena ngħid li dak li jinqata’ minn miegħek ma jibqax jissejjaħ aktar nislek; u jiena se nbierek lilek, u lil kull min se jiġi msejjaħ bħala nislek, minn issa u għal dejjem; u dawn kienu l‑wegħdiet li l‑Mulej għamel lil Nefi u lil nislu.

18 Issa l‑Amliċiti ma kinux jafu li huma kienu qed iġibu fis‑seħħ kliem Alla meta bdew jimmarkaw ġbinhom; madankollu huma ħaduha kontra Alla fil‑beraħ; għalhekk kien hemm bżonn li taqa’ fuqhom is‑saħta.

19 Issa nixtieqkom taraw li s‑saħta ġabuha b’idejhom; l‑istess kif kull bniedem li hu misħut iġib b’idejh il‑kundanna tiegħu.

20 Issa ġara li ftit jiem biss wara l‑battalja li ġiet miġġielda fl‑art ta’ Żaraħemla, mil‑Lamaniti u l‑Amliċiti, kien hemm armata oħra tal‑Lamaniti li ħabtet għan‑nies ta’ Nefi, fl‑istess post fejn l‑ewwel armata ltaqgħet mal‑Amliċiti.

21 U ġara li ntbagħtet armata biex tkeċċihom ’il barra minn arthom.

22 Issa Alma nnifsu, li kien qed iħossu muġugħ minħabba ġerħa li huwa kellu, did‑darba ma marx għall‑battalja kontra l‑Lamaniti;

23 Iżda huwa bagħat armata kbira kontrihom; u huma telgħu u qatlu diversi Lamaniti, u ħarġu lill‑bqija ’l barra mill‑fruntieri ta’ arthom.

24 U mbagħad huma reġgħu lura u bdew jippruvaw jistabbilixxu l‑paċi fil‑pajjiż, fejn għal xi żmien huma ma kellhom l‑ebda nkwiet mal‑għedewwa tagħhom.

25 Issa dan kollu seħħ, iva, il‑bidu u t‑tmien ta’ dawn il‑gwerer kollha u dan it‑tilwim kollu seħħ fil‑ħames sena tas‑saltna tal‑imħallfin.

26 U f’sena waħda kienu eluf u għexieren ta’ eluf ta’ nies li ntbagħtu fid‑dinja ta’ dejjem, biex ikunu jistgħu jirċievu l‑premju tagħhom skont ħidmiethom, sew jekk kienu tajbin u sew jekk kienu ħżiena, biex huma jgawdu l‑kuntentizza eterna jew il‑miżerja eterna, skont l‑ispirtu li huma għażlu li jobdu, sew jekk kien spirtu tajjeb u sew jekk kien ħażin.

27 Għax kull bniedem jirċievi l‑ħlas mingħand dak li huwa jagħżel li jobdi, u dan skont il‑kliem tal‑ispirtu tal‑profezija; għalhekk ħa jseħħ skont il‑verità. U b’hekk intemmet il‑ħames sena tas‑saltna tal‑imħallfin.