Skrittura
Alma 44


Kapitlu 44

Moroni jordna lil‑Lamaniti biex jagħmlu patt ta’ paċi jew jinqerdu—Żeraħemna jirrifjuta l‑offerta, u l‑battalja tkompli—L‑armati ta’ Moroni jegħlbu lil‑Lamaniti. Madwar 74–73 Q.K.

1 U ġara li huma waqfu u resqu pass lura minnhom. U Moroni qal lil Żeraħemna: Ara, Żeraħemna, aħna ma nixtiqux inkunu nies li nċappsu jdejna bid‑demm. Intom tafu li tinsabu taħt idejna, madankollu aħna ma nixtiqux noqtlukom.

2 Ara, aħna ma ġejniex hawn biex nitqabdu kontrikom ħalli nkunu nistgħu nċarċru demmkom għall‑poter; lanqas ma nixtiequ li nwasslu lil xi ħadd taħt il‑madmad tal‑jasar. Iżda din hi sewwasew ir‑raġuni għalfejn intom ġejtu biex teħduha magħna; iva, u intom qed teħduha kontrina minħabba r‑reliġjon tagħna.

3 Iżda issa, intom qed taraw li l‑Mulej jinsab magħna; u qed taraw li huwa telaqkom f’idejna. U issa nixtieqkom tifhmu li aħna qed ngħaddu minn dan minħabba r‑reliġjon tagħna u l‑fidi tagħna fi Kristu. U issa qed taraw li intom ma tistgħux teqirdu dil‑fidi tagħna.

4 Issa qed taraw li din hija l‑vera fidi ta’ Alla; iva, qed taraw li lilna Alla jsostnina, u jħarisna, u jieħu ħsiebna, diment li aħna nibqgħu fidili lejh, u lejn il‑fidi tagħna, u r‑reliġjon tagħna; u l‑Mulej qatt mhu se jħallina ninqerdu diment li aħna ma naqgħux fit‑trasgressjoni u niċħdu l‑fidi tagħna.

5 U issa, Żeraħemna, qed nordnalkom, f’isem dak Alla li jista’ kollox, li tana s‑saħħa f’dirgħajna biex stajna noħorġu rebbieħa kontrikom, permezz tal‑fidi tagħna, permezz tar‑reliġjon tagħna, u tar‑riti ta’ qima tagħna, u permezz tal‑knisja tagħna, u tal‑appoġġ sagru li nħossu li għandna nuru lin‑nisa tagħna u lil uliedna, permezz ta’ dik il‑libertà li torbotna ma’ artna u ma’ ġensna; iva, kif ukoll permezz tal‑manteniment tal‑kelma sagra ta’ Alla, li lejha aħna midjunin għall‑kuntentizza kollha tagħna; u permezz ta’ dak kollu li hu għażiż għalina—

6 Iva, u dan mhux kollox; qed nordnalkom, minħabba x‑xewqa kbira li għandkom li tibqgħu tgħixu, biex tagħtuna l‑armi tal‑gwerra tagħkom, u aħna ma nxerrdulkomx demmkom, iżda nħallukom tgħixu, jekk intom tmorru minn fejn ġejtu u ma taħbtux aktar għalina.

7 U issa, jekk ma tagħmlux dan, araw, intom tinsabu taħt idejna, u jien nordna lin‑nies tiegħi biex jaħbtu għalikom, u ġisimkom huma jodorbu bil‑ġrieħi tal‑mewt, ħalli intom tinqerdu għal kollox; mbagħad naraw min se jkun li jikseb il‑poter fuq dan il‑poplu; iva, u naraw min se jinġieb fil‑jasar.

8 U issa ġara li meta Żeraħemna sema’ dan, huwa ġie u għadda x‑xabla tiegħu u x‑ximitarra tiegħu, u l‑qaws tiegħu f’idejn Moroni, u qallu: Ara, hawn huma l‑armi tal‑gwerra tagħna; aħna se nagħtuhomlok, iżda aħna m’aħniex lesti li miegħek nieħdu ġurament li nafu li se niksru, u l‑istess uliedna; iżda l‑armi tal‑gwerra tagħna tista’ teħodhom, u lilna ħallina nitilqu lejn ix‑xagħri; inkella nżommu għandna x‑xwabel tagħna, u mbagħad jew ninqerdu jew inkella noħorġu rebbieħa.

9 Ara, aħna mhux tal‑istess twemmin tagħkom; ma nemmnux li hu Alla li telaqna f’idejkom; iżda aħna nemmnu li intom ġejtu mħarsa mix‑xwabel tagħna minħabba l‑qerq tagħkom. Ara, intom ġejtu mħarsa minħabba l‑pettorali u t‑tarki tagħkom.

10 U issa meta Żeraħemna temm jgħid dan il‑kliem, Moroni ta lura x‑xabla u l‑armi tal‑gwerra, li kien ħa għandu, lil Żeraħemna, u qallu: Ara, ejja ntemmu l‑kunflitt.

11 Issa jien ma nistax nirtira l‑kliem li jiena għidt, għalhekk daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, intom m’intomx se titilqu minn hawn jekk mhux lesti tieħdu ġurament li m’intomx se terġgħu lura biex taħbtu għalina. Issa peress li intom tinsabu taħt idejna, aħna se nċarċru demmkom mal‑art, sakemm intom ma tissottomettux ruħkom għall‑kundizzjonijiet li jiena pproponejt.

12 U issa meta Moroni qal dan il‑kliem, Żeraħemna żamm għandu x‑xabla tiegħu, u nkorla għal Moroni, u dlonk mar biex jipprova joqtol lil Moroni; iżda hekk kif huwa għolla x‑xabla tiegħu, araw, wieħed mis‑suldati ta’ Moroni tah daqqa fuqha u spiċċat mal‑art, u nqasmet minn mal‑manku; u hu ta daqqa wkoll lil Żeraħemna u qatagħlu barra l‑qurriegħa ta’ rasu u hija waqgħet fl‑art. U Żeraħemna ħarab minn quddiemhom u mar f’nofs is‑suldati tiegħu.

13 U ġara li s‑suldat li kien ħdejh, li tajjar il‑qurriegħa ta’ Żeraħemna, qabad il‑qurriegħa minn xagħarha u ġabarha minn mal‑art, u poġġiha fuq il‑ponta tax‑xabla tiegħu, u meddha quddiemhom u b’leħen għoli qalilhom:

14 Bl‑istess mod kif din il‑qurriegħa, li hi l‑qurriegħa tal‑mexxej tagħkom, spiċċat mal‑art, anke intom tispiċċaw mal‑art jekk m’intomx se tirħu minn idejkom l‑armi tal‑gwerra u titilqu minn hawn permezz ta’ patt ta’ paċi.

15 Issa kien hemm ħafna, li meta semgħu dan il‑kliem u raw il‑qurriegħa fuq ix‑xabla, imtlew bil‑biża’; u kienu ħafna li ġew u xeħtu l‑armi tal‑gwerra tagħhom ħdejn riġlejn Moroni, u daħlu f’patt ta’ paċi. U dawk kollha li daħlu f’patt tħallew jitilqu lejn ix‑xagħri.

16 Issa ġara li Żeraħemna nkorla bis‑sħiħ, u huwa beda jipprovoka lill‑bqija tas‑suldati tiegħu biex huma jimtlew bil‑għadab, ħalli jitqabdu b’qawwa akbar kontra n‑Nefiti.

17 U issa Moroni nkorla, minħabba l‑ebusija ta’ ras il‑Lamaniti; għalhekk huwa ordna lin‑nies tiegħu biex iqumu għalihom u joqtluhom. U ġara li huma bdew joqtluhom; iva, u l‑Lamaniti bdew jiġġieldu permezz tax‑xwabel tagħhom u l‑qawwa kollha tagħhom.

18 Iżda araw, il‑ġisem għeri u r‑ras mikxufa tagħhom kienu esposti għax‑xabla misnuna tan‑Nefiti; iva, araw, biha huma nifduhom u darbuhom, iva, u huma ma damux wisq ma nqatlu permezz tax‑xwabel tan‑Nefiti; u lilhom spiċċaw jikinsu, sewwasew kif kien ħabbar is‑suldat ta’ Moroni.

19 Issa Żeraħemna, meta ra li kienu waslu biex jinqerdu lkoll, huwa beda jitlob bil‑ħniena lil Moroni, u jwiegħdu li huwa kien sejjer jagħmel patt magħhom, u l‑istess in‑nies tiegħu, jekk huma jħallu l‑bqija tagħhom jgħixu, u li huma qatt aktar ma kienu se jerġgħu jiġu biex jaħbtu għalihom.

20 U ġara li Moroni ordna biex tiġi fi tmiemha l‑ħidma tal‑mewt fost il‑poplu. U hu ħa l‑armi tal‑gwerra mingħand il‑Lamaniti; u wara li huma daħlu f’patt ta’ paċi miegħu huma tħallew jitilqu lejn ix‑xagħri.

21 Issa l‑mejtin tagħhom ma ġewx magħduda minħabba l‑għadd kbir tagħhom; iva, l‑għadd ta’ mejtin tagħhom kien mill‑aktar kbir, kemm fuq in‑naħa tan‑Nefiti kif ukoll fuq in‑naħa tal‑Lamaniti.

22 U ġara li huma xeħtu lill‑mejtin tagħhom fl‑ilmijiet ta’ Sidon, u huma nġarru u spiċċaw midfuna f’qiegħ il‑baħar.

23 U l‑armati tan‑Nefiti, jew aħjar ta’ Moroni, reġgħu lura lejn djarhom u lejn artijiethom.

24 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tmintax tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi. U b’hekk ġiet fi tmiemha l‑istorja ta’ Alma, li ġiet miktuba fuq il‑pjanċi ta’ Nefi.