Kapitlu 18
Is‑Sultan Lamoni jaħseb li Għammon huwa l‑Ispirtu l‑Kbir—Għammon jgħallem lis‑sultan dwar il‑Ħolqien, dwar l‑interazzjoni ta’ Alla mal‑bnedmin, u dwar il‑fidwa li tinkiseb permezz ta’ Kristu—Lamoni jemmen u jaqa’ mal‑art bħallikieku mejjet. Madwar 90 Q.K.
1 U ġara li s‑sultan Lamoni ordna biex il‑qaddejja tiegħu jmorru quddiemu u jixhdu dwar dak kollu li huma kienu raw relatat ma’ dil‑ħaġa.
2 U meta huma xehdu lkoll dwar il‑ħwejjeġ li huma raw, u hu sar jaf dwar il‑lealtà ta’ Għammon biex iħares il‑merħliet tiegħu, kif ukoll dwar il‑qawwa kbira tiegħu hekk kif ħadha ma’ dawk li ppruvaw joqtluh, huwa baqa’ tassew mistagħġeb, u qal: “M’hemmx dubju li dan hu aktar minn sempliċiment bniedem. Araw, mhuwiex dan l‑Ispirtu l‑Kbir li jibgħat kastigi daqstant kbar fuq dawn in‑nies, minħabba l‑qtil li huma jwettqu?
3 U huma wieġbu lis‑sultan u qalulu: Jekk huwiex l‑Ispirtu l‑Kbir jew jekk huwiex bniedem, aħna ma nafux; iżda li nafu hu li l‑għedewwa tas‑sultan ma setgħux joqtluh; lanqas ma setgħu ixerrdu l‑merħliet tas‑sultan meta huwa kien magħna, minħabba l‑ħila u l‑qawwa kbira tiegħu; għalhekk, aħna nafu li huwa ħabib tas‑sultan. U issa, O sultan, aħna ma naħsbux li bniedem jista’ jkollu qawwa daqstant kbira, għax nafu li lilu ħadd ma jista’ joqtlu.
4 U issa, meta s‑sultan sema’ dan il‑kliem, hu qalilhom: Issa jiena naf li huwa sewwasew l‑Ispirtu l‑Kbir; u li hu niżel hawn bħalissa biex iħariskom, ħalli jien ma noqtolkomx kif għamilt lil ħutkom. Issa dan hu l‑Ispirtu l‑Kbir li tkellmu dwaru missirijietna.
5 Issa dan kien it‑twemmin ta’ Lamoni, liema twemmin kien wiret mingħand missieru, illi kien hemm Spirtu Kbir. Minkejja li kienu jemmnu fi Spirtu Kbir, kienu jaħsbu li dak kollu li huma għamlu kien ġust; madankollu, Lamoni beda jibża’ bil‑kbir li kien għamel ħażin li kien qatel lill‑qaddejja tiegħu;
6 Għax huwa kien qatel ħafna minnhom minħabba li ħuthom kienu xerrdulhom merħliethom fil‑post bl‑ilma; u b’hekk, huma nqatlu għax il‑merħliet tagħhom kienu ġew imxerrda.
7 Issa kienet id‑drawwa ta’ dawn il‑Lamaniti li jieqfu ħdejn l‑ilmijiet ta’ Sebu u hemmhekk ixerrdu l‑merħliet tan‑nies, biex b’hekk ikunu jistgħu jmexxu lil ħafna milli jkunu ġew imxerrda lejn arthom, għax kienet id‑drawwa tagħhom li jissakkeġġjaw.
8 U ġara li s‑sultan Lamoni staqsa lill‑qaddejja tiegħu u qalilhom: Fejn hu dan ir‑raġel li għandu daqstant qawwa kbira?
9 U huma qalulu: Ara, huwa jinsab jitma’ ż‑żwiemel tiegħek. Issa s‑sultan ordna lill‑qaddejja tiegħu, qabel ma marru jisqu l‑merħliet tagħhom, li huma għandhom iħejju ż‑żwiemel u l‑karrijiet tiegħu, u joħduh sal‑art ta’ Nefi; għax missier Lamoni, li kien sultan tal‑art kollha kien ordna li ssir festa kbira fl‑art ta’ Nefi.
10 Issa meta s‑sultan Lamoni sema’ li Għammon kien qed iħejji ż‑żwiemel tiegħu u l‑karrijiet tiegħu huwa aktar stagħġeb, minħabba l‑lealtà ta’ Għammon, u qal: Bla dubju qatt ma kien hawn qaddej ieħor fost il‑qaddejja kollha tiegħi li kien daqstant leali lejja daqs dar‑raġel; għax hu saħansitra jiftakar l‑ordnijiet kollha tiegħi u jara li jwettaqhom.
11 Issa jiena naf mingħajr ebda dubju li dan hu l‑Ispirtu l‑Kbir, u nixtieq nitolbu jiġi ħdejja, iżda ma nazzardax nagħmel dan.
12 U ġara li meta Għammon lesta ż‑żwiemel u l‑karrijiet għas‑sultan u l‑qaddejja tiegħu, huwa daħal ħdejn is‑sultan, u ra wiċċ is‑sultan jinbidel; għalhekk kien għoddu se jdur u jitlaq minn quddiemu.
13 U wieħed mill‑qaddejja tas‑sultan qallu, Rabbana, li tfisser, sultan setgħan jew kbir, peress li kienu jħarsu lejn is‑slaten tagħhom bħala nies setgħana; u b’hekk huwa qallu: Rabbana, is‑sultan jixtieqek tibqa’ hawn.
14 Għalhekk Għammon dar lejn is‑sultan u qallu: Xi tridni nagħmel għalik, O sultan? U għal siegħa sħiħa, skont il‑ħin tagħhom, is‑sultan baqa’ ma wieġbu xejn, għax ma kienx jaf x’se jaqbad jgħidlu.
15 U ġara li Għammon reġa’ qallu: X’tixtieq minni? Iżda s‑sultan ma wieġbu xejn.
16 U ġara li Għammon, peress li kien mimli bl‑Ispirtu ta’ Alla, seta’ jagħraf il‑ħsibijiet tas‑sultan. U huwa qallu: Għax smajt li jiena ddefendejt lill‑qaddejja tiegħek u l‑merħliet tiegħek, u qtilt sebgħa minn ħuthom permezz tal‑iżbandola u x‑xabla, u oħrajn qtajtilhom dirgħajhom, biex niddefendi l‑merħliet tiegħek u l‑qaddejja tiegħek, għalhekk inti qiegħed tistagħġeb daqstant?
17 Jiena nistaqsik, għalfejn inti qed tistagħġeb daqstant? Ara, jiena bniedem, u jiena l‑qaddej tiegħek; għalhekk, jiena lest li nagħmel dak kollu li inti tixtieq li huwa sewwa.
18 Issa meta s‑sultan sema’ dan il‑kliem, huwa reġa’ beda jistagħġeb, għax ra li Għammon seta’ jagħraf ħsibijietu; iżda minkejja dan, is‑sultan Lamoni fetaħ fommu u qallu: Int min int? Inti dak l‑Ispirtu l‑Kbir, li għandu għarfien ta’ kollox?
19 Għammon wieġbu u qallu: Le m’iniex.
20 U s‑sultan qal: Int kif taf il‑ħsibijiet ta’ qalbi? Tista’ titkellem bla tlaqliq, u tgħidli dwar dawn il‑ħwejjeġ; u tgħidli wkoll b’liema qawwa inti qtilt u qtajt dirgħajn ħuti li xerrdu merħlieti—
21 U issa, jekk inti tgħidli dwar dawn il‑ħwejjeġ, dak kollu li inti tixtieq jien nagħtihulek; u jekk ikun hemm il‑ħtieġa, jiena nħarsek permezz tal‑armati tiegħi; iżda jien naf li inti għandek aktar qawwa minnhom kollha; madankollu, dak kollu li tixtieq minni jien nagħtihulek.
22 Issa Għammon, li kellu moħħu jilħaqlu, iżda li ma kellu l‑ebda ħażen, qal lil Lamoni: Int lest li tisma’ kliemi, jekk ngħidlek b’liema qawwa nwettaq dawn il‑ħwejjeġ? U dan hu dak li nixtieq mingħandek.
23 U s‑sultan wieġbu u qal: Iva, jiena lest nemmen dak kollu li inti tgħid. U għax uża moħħu huwa ġabu fejn xtaq.
24 U Għammon beda jkellmu mingħajr ebda biża’ u qallu: Temmen inti li hemm Alla?
25 U hu wieġeb u qallu: Ma nafx xi jfisser dan.
26 U Għammon qal: Temmen inti li hemm Spirtu Kbir?
27 U huwa qal, Iva.
28 U Għammon qallu: Dan hu Alla. U Għammon reġa’ qallu: Temmen inti li dan l‑Ispirtu l‑Kbir, li hu Alla, ħoloq kull ħaġa li hawn fis‑sema u fl‑art?
29 U huwa qal: Iva, jien nemmen li hu ħoloq kull ħaġa li hawn fuq l‑art; iżda ma nafx dwar is‑smewwiet.
30 U Għammon qallu: Is‑smewwiet huwa post li fih jgħammar Alla u l‑anġli mqaddsa tiegħu.
31 U s‑sultan Lamoni qal: Allura jinsab ’il fuq mill‑art?
32 U Għammon qal: Iva, u hu jinsab iħares ’l isfel lejn ulied il‑bnedmin; u hu jaf il‑ħsibijiet u l‑intenzjonijiet kollha tal‑qalb; għax permezz ta’ jdejh huma ġew maħluqa lkoll sa mill‑bidu.
33 U s‑sultan Lamoni qal: Jien nemmen dan kollu li inti għidt. Allura inti mibgħut minn Alla?
34 Għammon qallu: Jiena bniedem; u l‑bniedem fil‑bidu kien maħluq fi xbieha ta’ Alla, u jiena ġejt imsejjaħ mill‑Ispirtu Qaddis tiegħu biex ngħallem dawn il‑ħwejjeġ lil dan il‑poplu, ħalli huma jkunu jistgħu jinġiebu għal għarfien ta’ dak li huwa ġust u veru;
35 U sehem minn dak l‑Ispirtu jgħammar fija, u lili jagħtini l‑għarfien kif ukoll il‑qawwa skont il‑fidi u x‑xewqat tiegħi li huma f’Alla.
36 Issa meta Għammon qal dan il‑kliem, hu beda jkellmu dwar il‑ħolqien tad‑dinja, kif ukoll dwar il‑ħolqien ta’ Adam, u beda jkellmu dwar dak kollu relatat mal‑waqgħa tal‑bniedem, u beda jirrakkontalu u jgħidlu dwar l‑annali u l‑iskrittura mqaddsa tal‑poplu, li tkellmu dwarhom il‑profeti, sewwasew miż‑żmien li missierhom, Leħi, ħalla Ġerusalemm.
37 U huwa rrakkontalhom (għax hu kien qed ikellem lis‑sultan u l‑qaddejja tiegħu) dwar il‑vjaġġi ta’ missirijiethom fid‑deżert, u t‑tbatija kollha li huma għaddew minnha minħabba l‑ġuħ u l‑għatx, u t‑taħbit, u aktar.
38 U hu rrakkontalhom ukoll dwar ir‑ribelljoni ta’ Laman u Lemwel u wlied Ismagħel, iva, huwa rrakkontalhom dwar ir‑ribelljoni kollha tagħhom; u huwa beda jfissrilhom l‑annali u l‑iskrittura kollha minn meta Leħi ħalla Ġerusalemm sa żmienhom.
39 Iżda dan mhux kollox; għax hu beda jfissrilhom il‑pjan tal‑fidwa, li ġie mħejji sa mill‑ħolqien tad‑dinja; u hu għarrafhom ukoll dwar il‑miġja ta’ Kristu, iva, dwar l‑għemejjel kollha tal‑Mulej huwa għarrafhom.
40 U ġara li wara li huwa qal dawn il‑ħwejjeġ kollha, u fissirhom lis‑sultan, is‑sultan wasal biex emmen dak kollu li huwa qal.
41 U hu beda jgħajjat lill‑Mulej u jgħid: O Mulej, ikollok ħniena minni; skont il‑ħniena bil‑kotra li inti kellek mal‑poplu ta’ Nefi, ikollok ħniena minni, u mill‑poplu tiegħi.
42 U issa, meta huwa qal dan, hu waqa’ mal‑art, bħallikieku mejjet.
43 U ġara li l‑qaddejja tiegħu ħaduh u ġarrewh għand martu, u meddewh fuq sodda; u hu mtedd bħallikieku mejjet għal jumejn u żewġt iljieli; u martu, u wliedu, is‑subien u anke l‑bniet, bkew fuqu, skont id‑drawwa tal‑Lamaniti, fejn huma bdew jibku bil‑kbir it‑telfa tiegħu.