Skrittura
Alma 48


Kapitlu 48

Għamalikja jxewwex lil‑Lamaniti kontra n‑Nefiti—Moroni jħejji lin‑nies tiegħu biex jiddefendu l‑kawża tal‑Kristjani—Huwa jithenna fil‑libertà u l‑ħelsien u huwa raġel qalbieni ta’ Alla. Madwar 72 Q.K.

1 U issa ġara li hekk kif Għamalikja kiseb is‑saltna huwa beda jqanqal qlub il‑Lamaniti kontra l‑poplu ta’ Nefi; iva, huwa ħatar irġiel biex ikellmu lil‑Lamaniti, minn fuq it‑torrijiet tagħhom, kontra n‑Nefiti.

2 U b’hekk huwa beda jqanqlilhom qalbhom kontra n‑Nefiti, tant li fl‑aħħar jiem tas‑sena dsatax tas‑saltna tal‑imħallfin, huwa, li sa dakinhar irnexxielu jilħaq l‑għanijiet tiegħu, iva, peress li kien inħatar sultan fuq il‑Lamaniti, ra wkoll kif huwa seta’ jsaltan fuq l‑art kollha, iva, u fuq in‑nies kollha li kienu fil‑pajjiż, kemm in‑Nefiti kif ukoll il‑Lamaniti.

3 Għalhekk huwa ġab fis‑seħħ il‑pjan tiegħu, għax hu wassal lil‑Lamaniti biex iwebbsu qalbhom u jdallmu moħħhom, u beda jipprovokahom ħalli jimtlew bil‑korla, tant li ġabar flimkien għadd kbir ta’ nies biex imorru jiġġieldu kontra n‑Nefiti.

4 Għax huwa kien determinat, minħabba l‑għadd kbir ta’ nies li huwa kellu, li kien se joħroġ rebbieħ fuq in‑Nefiti u lilhom jitfa’ fil‑jasar.

5 U b’hekk huwa ħatar kap kmandanti minn fost iż‑Żoramiti, għax kienu huma l‑aktar familjari mal‑qawwa tan‑Nefiti, u mal‑postijiet ta’ kenn tagħhom, u mal‑aktar inħawi dgħajfa ta’ bliethom; għalhekk huwa ħatarhom bħala kap kmandanti fuq l‑armati tiegħu.

6 U ġara li huma qabdu l‑kamp tagħhom, u rħewlha lejn l‑art ta’ Żaraħemla ġewwa x‑xagħri.

7 Issa ġara li waqt li Għamalikja kien qed jikseb il‑poter permezz tal‑ingann u l‑qerq, Moroni, mill‑banda l‑oħra, kien qed iħejji moħħ in‑nies biex huma jibqgħu dejjem fidili lejn il‑Mulej Alla tagħhom.

8 Iva, huwa kien qed issaħħaħ l‑armati tan‑Nefiti, u jibni fortizzi żgħar, jew postijiet ta’ kenn, billi beda jtella’ ħitan tar‑ramel mad‑dawra kollha ħalli jipproteġi l‑armati tiegħu, u beda jibni wkoll swar tal‑ġebel mad‑dawra kollha tagħhom, madwar bliethom u mal‑fruntieri ta’ artijiethom; iva, madwar l‑art kollha.

9 U fl‑aktar fortifikazzjonijiet dgħajfa tagħhom huwa l‑aktar li poġġa rġiel; u b’hekk huwa ffortifika u saħħaħ l‑art li kienet tinsab f’idejn in‑Nefiti.

10 U b’hekk hu kien qed iħejji biex jiddefendi l‑libertà tagħhom u artijiethom, kif ukoll lil marthom, u lil uliedhom, u l‑paċi tagħhom, sabiex huma jkunu jistgħu jgħixu għall‑Mulej Alla tagħhom, u jkunu jistgħu jħarsu dik li l‑għedewwa tagħhom kienu jsejħulha bħala l‑kawża tal‑Kristjani.

11 U Moroni kien raġel b’saħħtu u qalbieni; huwa kien bniedem ta’ għarfien perfett; iva, bniedem li ma kienx iħobb it‑tixrid tad‑demm; raġel li ruħu kienet tithenna fil‑libertà u l‑ħelsien ta’ pajjiżu, u fil‑ħelsien ta’ ħutu mill‑ħakma u l‑jasar;

12 Iva, bniedem li qalbu kienet mimlija gratitudni lejn Alla tiegħu, minħabba l‑bosta privileġġi u barkiet li huwa sawwab fuq il‑poplu tiegħu; bniedem li ħadem qatigħ għall‑ġid u s‑sigurtà tal‑poplu tiegħu.

13 Iva, u hu kien bniedem sod fil‑fidi tiegħu fi Kristu, u kien ħalef permezz ta’ ġurament li kien sejjer jiddefendi lill‑poplu tiegħu, id‑drittijiet tiegħu, u lil pajjiżu, kif ukoll ir‑reliġjon tiegħu, anke jekk ikollu jxerred demmu.

14 Issa n‑Nefiti ġew mgħallma biex jiddefendu lilhom infushom kontra l‑għedewwa tagħhom; anke jekk ikun hemm il‑ħtieġa li huma jxerrdu demmhom; iva, u huma ġew mgħallma wkoll biex qatt ma jipprovokaw lil ħadd, iva, u qatt ma jgħollu x‑xabla ħlief kontra xi għadu, biex jiddefendu ħajjithom.

15 U dan kien twemminhom, li jekk huma jagħmlu dan Alla kien se jgħinhom jikbru fil‑ġid f’arthom, jew fi kliem ieħor, jekk huma jkunu fidili fil‑ħarsien tal‑kmandamenti ta’ Alla, huwa jgħinhom jikbru fil‑ġid f’arthom; iva, huwa jwissihom biex jaħarbu, jew biex ilestu ruħhom għall‑gwerra, skont il‑periklu li jkunu fih;

16 U Alla jgħarrafhom ukoll jekk għandhomx imorru biex jiddefendu lilhom infushom mill‑għedewwa tagħhom, u għax jagħmel dan, il‑Mulej jeħlishom mill‑jasar; u dan kien it‑twemmin ta’ Moroni, u qalbu ferħet bil‑kbir minħabba f’hekk; mhux fit‑tixrid tad‑demm iżda fit‑twettiq ta’ opri tajba, fil‑ħarsien tal‑poplu tiegħu, iva, fil‑ħarsien tal‑kmandamenti ta’ Alla, iva, u fir‑reżistenza għall‑ħażen.

17 Iva, fis‑sewwa, fis‑sewwa ngħidilkom, li kieku l‑bnedmin kollha kienu, u huma, u qatt ikunu bħal Moroni, araw, l‑istess qawwiet tal‑infern jispiċċaw jirtogħdu għal dejjem; iva, ix‑xitan qatt aktar ma jkollu qawwa fuq qlub ulied il‑bnedmin.

18 Araw, huwa kien raġel jixbah lil Għammon, bin Mosija, iva, kif ukoll lis‑subien l‑oħra ta’ Mosija, iva, kif ukoll lil Alma u lil uliedu, għax huma kienu lkoll irġiel t’Alla.

19 Għax araw, Ħelaman u ħutu kienu ta’ benefiċċju għall‑poplu daqskemm kien Moroni; għax huma xandru l‑kelma ta’ Alla, u għammdu għall‑indiema lil dawk kollha li kienu lesti jisimgħu kliemhom.

20 U b’hekk huma telqu minn ħdejhom, u n‑nies umiljaw ruħhom minħabba kliemhom, tant li huma kienu mberkin bil‑kbir mill‑Mulej, u b’hekk huma kienu ħielsa mill‑gwerer u mit‑tilwim bejniethom, iva, sewwasew għal erba’ snin sħaħ.

21 Iżda, kif għidtilkom, fl‑aħħar jiem tas‑sena dsatax, iva, minkejja l‑paċi li bdiet issaltan bejniethom, huma ġew imġiegħla, biex kontra qalbhom, jiġġieldu kontra ħuthom, il‑Lamaniti.

22 Iva, u fi ftit kliem, il‑gwerer tagħhom mal‑Lamaniti komplew għaddejjin bla waqfien għal bosta snin, minkejja li daħlu fihom kontra qalbhom.

23 Issa, huma sewdu qalbhom li kellhom jaqbdu l‑armi kontra l‑Lamaniti, għax huma ma kinux jieħdu gost bit‑tixrid tad‑demm; iva, u dan mhux kollox—huma sewdu qalbhom li minħabba fihom kienu ħafna fost ħuthom li ħallew din id‑dinja u għaddew għad‑dinja ta’ dejjem, bla ma kienu lesti biex jiltaqgħu ma’ Alla tagħhom.

24 Madankollu, huma ma ridux li jinqatlu, u li marthom u wliedhom jispiċċaw maqtula permezz tal‑moħqrija barbara ta’ dawk li darba kienu ħuthom, iva, li spiċċaw inqatgħu minn mal‑knisja tagħhom, u telqu minn fosthom u marru biex jeqirduhom billi ngħaqdu mal‑Lamaniti.

25 Iva, huma ma kinux lesti jaraw lil ħuthom jifirħu minħabba demm in‑Nefiti, sakemm fosthom ikun għad baqa’ min iħares il‑kmandamenti ta’ Alla, għax il‑wegħda tal‑Mulej kienet li jekk huma jħarsu l‑kmandamenti tiegħu huma jkollhom ir‑risq f’arthom.