Skrittura
Alma 47


Kapitlu 47

Għamalikja juża l‑ingann, il‑qtil, u l‑intriċċi biex isir sultan tal‑Lamaniti—Id‑dissidenti Nefiti huma aktar ħżiena u feroċi mil‑Lamaniti. Madwar 72 Q.K.

1 Issa nerġgħu lura fl‑istorja tagħna għal Għamalikja u dawk li ħarbu miegħu fix‑xagħri; għax araw, hu ħa lil dawk li marru miegħu, u rħielha lejn l‑art ta’ Nefi fost il‑Lamaniti, u huwa beda jxewwex lil‑Lamaniti biex jeħduha kontra l‑poplu ta’ Nefi, tant li s‑sultan tal‑Lamaniti ħareġ proklama u ordna li kellha tiġi mxandra mal‑pajjiż tiegħu kollu, fost in‑nies tiegħu kollha, li kienet tgħid li huma għandhom jinġabru flimkien ħalli jerġgħu jmorru jiġġieldu kontra n‑Nefiti.

2 U ġara li meta l‑proklama ġiet imxandra lilhom huma nħakmu minn biża’ kbira ferm; iva, huma bdew jibżgħu li jurtaw lis‑sultan, u bdew jibżgħu wkoll li jmorru jiġġieldu kontra n‑Nefiti ma jmorrux jispiċċaw jitilfu ħajjithom. U ġara li huma ma ridux, jew fil‑parti l‑kbira minnhom ma ridux, jobdu l‑ordni tas‑sultan.

3 U issa ġara li s‑sultan inkorla bil‑kbir minħabba d‑diżubbidjenza tagħhom; għalhekk huwa poġġa lil Għamalikja fil‑kmand ta’ dawk li kienu parti mill‑armata tiegħu li obdew l‑ordnijiet tiegħu, u ordnalu biex imur u jġiegħelhom jaqbdu l‑armi.

4 Issa araw, din kienet ix‑xewqa ta’ Għamalikja; u peress li huwa kien raġel li jwettaq il‑ħażen b’mod sottili għalhekk huwa fassal f’qalbu l‑pjan li jneħħi lis‑sultan tal‑Lamaniti minn fuq it‑tron.

5 U issa huwa ħa f’idejh lil dawk il‑Lamaniti li kienu favur is‑sultan; u huwa pprova jikseb l‑appoġġ ta’ dawk li ma obdewhx; għalhekk huwa baqa’ sejjer sal‑post li kien jismu Onida, għax dan kien il‑post li lejh kienu ħarbu l‑Lamaniti kollha; għax huma kienu ndunaw li kienet ġejja l‑armata, u peress li huma kienu ħasbu li kienu ġejjin biex jeqirduhom, għalhekk huma ħarbu lejn Onida, lejn il‑post tal‑armi.

6 U huma ħatru raġel biex ikun is‑sultan u l‑kmandant tagħhom, għax kienu determinati f’moħħhom li ħadd ma kien se jġiegħelhom imorru jiġġieldu kontra n‑Nefiti.

7 U ġara li huma nġabru flimkien fil‑quċċata tal‑muntanja li kien jisimha Antipa, lesti għall‑battalja.

8 Issa ma kenitx l‑intenzjoni ta’ Għamalikja li jiġġildilhom skont l‑ordni tas‑sultan; iżda araw, l‑intenzjoni tiegħu kienet li huwa jikseb l‑appoġġ tal‑armati tal‑Lamaniti, ħalli jkun jista’ jaħtar lilu nnifsu mexxej tagħhom u jneħħi lis‑sultan minn fuq it‑tron u jieħu f’idejh is‑saltna.

9 U araw, ġara li huwa ordna lill‑armata tiegħu biex iwaqqfu t‑tined tagħhom fil‑wied li kien jinsab ħdejn il‑muntanja Antipa.

10 U ġara li meta dalam huwa bagħat messaġġier bil‑moħbi fuq il‑muntanja Antipa, u xtaq li l‑mexxej ta’ dawk li kienu fuq il‑muntanja, li kien jismu Leħonti, jinżel minn fuq il‑muntanja, għax xtaq ikellmu.

11 U ġara li meta Leħonti rċieva l‑messaġġ huwa m’azzardax jinżel minn fuq il‑muntanja. U ġara li Għamalikja reġa’ bagħat għalih it‑tieni darba, fejn xtaqu jinżel. U ġara li Leħonti ma riedx; u reġa’ bagħat għalih it‑tielet darba.

12 U ġara li meta Għamalikja ra li ma kienx rnexxielu jipperswadi lil Leħonti biex jinżel minn fuq il‑muntanja, huwa tela’ fuq il‑muntanja, u wasal kważi sal‑kamp ta’ Leħonti; u għar‑raba’ darba reġa’ bagħat messaġġ lil Leħonti, fejn xtaqu jinżel minn fejn kien, u jġib l‑għassiesa miegħu.

13 U ġara li meta Leħonti niżel mal‑għassiesa tiegħu fejn Għamalikja, dan Għamalikja xtaqu biex matul il‑lejl huwa jinżel flimkien mal‑armata tiegħu, u jiċċirkonda lil dawk in‑nies, fil‑kampijiet tagħhom, li s‑sultan kien poġġieh fil‑kmand tagħhom, u jagħtihom f’idejn Leħonti, jekk huwa lilu (Għamalikja) jaħtru bħala deputat kmandant tal‑armata kollha.

14 U ġara li Leħonti niżel flimkien ma’ niesu u ċċirkondaw lin‑nies ta’ Għamalikja, ħalli malli jqumu, ma’ sebħ il‑jum, huma jsibu ruħhom mdawrin bl‑armati ta’ Leħonti.

15 U ġara li meta huma raw li kienu jinsabu mdawrin minn kull naħa, huma talbu b’ħerqa lil Għamalikja biex huwa jħallihom jingħaqdu ma’ ħuthom, biex forsi ma jinqerdux. Issa dan kien sewwasew dak li xtaq Għamalikja.

16 U ġara li huwa reħa minn idejh lin‑nies tiegħu, kontra l‑ordni tas‑sultan. Issa dan kien dak li xtaq Għamalikja, ħalli jkun jista’ jwettaq il‑pjan li kellu li jneħħi lis‑sultan minn fuq it‑tron.

17 Issa kienet id‑drawwa fost il‑Lamaniti, li jekk il‑kap kmandant tagħhom jinqatel, huma jaħtru lid‑deputat kmandant bħala l‑kap kmandant tagħhom.

18 U ġara li Għamalikja ordna lil wieħed mill‑qaddejja tiegħu biex imur u jivvelena ftit ftit lil Leħonti, hekk li huwa miet.

19 Issa, meta Leħonti miet, il‑Lamaniti ħatru lil Għamalikja bħala l‑mexxejja u l‑kap kmandant tagħhom.

20 U ġara li Għamalikja mexa flimkien mal‑armati tiegħu (għax hu kiseb dak li xtaq) lejn l‑art ta’ Nefi, sal‑belt ta’ Nefi, li kienet il‑belt ewlenija.

21 U s‑sultan ħareġ jiltaqa’ miegħu flimkien mal‑għassiesa tiegħu, għax beda jassumi li Għamalikja kien wettaq dak li kien ordnalu, u li Għamalikja kien ġabar flimkien armata daqstant kbira biex imur għall‑battalja kontra n‑Nefiti.

22 Iżda araw, hekk kif is‑sultan ħareġ biex jiltaqa’ miegħu Għamalikja ta ordni biex il‑qaddejja tiegħu jmorru jiltaqgħu mas‑sultan. U huma marru u mielu quddiem is‑sultan, bħallikieku bdew iqimuh minħabba l‑kobor tiegħu.

23 U ġara li s‑sultan medd idu biex iqajjimhom, kif kienet id‑drawwa fost il‑Lamaniti, bħala turija ta’ paċi, liema drawwa kienu wirtu mingħand in‑Nefiti.

24 U ġara li meta huwa qajjem l‑ewwel wieħed minn mal‑art, araw dan ta daqqa ta’ sikkina lis‑sultan f’qalbu, u waqa’ mejjet mal‑art.

25 Issa l‑qaddejja tas‑sultan ħarbu minn fuq il‑post; u l‑qaddejja ta’ Għamalikja bdew jgħajtu u jgħidu:

26 Araw, il‑qaddejja tas‑sultan tawh daqqa ta’ sikkina f’qalbu, u huwa miet u huma ħarbu minn fuq il‑post; ejjew u araw.

27 U ġara li Għamalikja ordna biex l‑armati tiegħu jmorru u jaraw x’kien ġralu s‑sultan; u meta huma waslu fil‑post, u sabu lis‑sultan mixħut f’għadira demm, Għamalikja beda jippretendi li kien qed iħossu nkurlat bil‑kbir, u qal: Intom kollha li tħobbu lis‑sultan, araw li tmorru wara l‑qaddejja tiegħu u toqtluhom.

28 U ġara li dawk kollha li kienu jħobbu lis‑sultan, meta semgħu dal‑kliem, marru wara l‑qaddejja tas‑sultan.

29 Issa meta l‑qaddejja tas‑sultan raw li kien hemm armata miexja warajhom, huma reġgħu nħakmu mill‑biża’, u ħarbu lejn ix‑xagħri, u rħewlha lejn l‑art ta’ Żaraħemla u ngħaqdu man‑nies ta’ Għammon.

30 U l‑armata li kienet miexja warajhom reġgħet lura minn fejn ġiet, wara li mxiet warajhom bla suċċess; u b’hekk Għamalikja, permezz tal‑qerq, rebaħ qlub in‑nies.

31 U ġara li l‑għada huwa daħal fil‑belt ta’ Nefi flimkien mal‑armati tiegħu, u ħa f’idejh il‑belt.

32 U issa ġara li meta s‑sultana semgħet li s‑sultan safa maqtul—għax Għamalikja bagħat messaġġier għand is‑sultana biex jinformaha li s‑sultan kien ġie maqtul mill‑qaddejja tiegħu, u li hu kien ġera warajhom bl‑armata tiegħu, iżda kien kollu ta’ xejn, għax huma spiċċaw ħarbu—

33 Għalhekk, meta s‑sultana rċeviet dan il‑messaġġ hija bagħtet messaġġ lil Għamalikja, fejn xtaqet li huwa jkollu ħniena min‑nies tal‑belt; u hi xtaqitu wkoll li huwa jmur iżurha; u hi xtaqitu wkoll li jieħu miegħu x‑xhieda biex huma jixhdu dwar il‑mewt tas‑sultan.

34 U ġara li Għamalikja ħa miegħu lill‑istess qaddej li qatel lis‑sultan, u lil dawk kollha li kienu miegħu, u mar ħdejn is‑sultana, fejn hija kienet tinsab bilqiegħda; u huma lkoll taw ix‑xhieda tagħhom quddiemha, li s‑sultan kien ġie maqtul mill‑istess qaddejja tiegħu; u qalu wkoll: Huma ħarbu minn fuq il‑post; mhijiex din xhieda biżżejjed kontrihom? U b’hekk huma taw ix‑xhieda tagħhom quddiem is‑sultana dwar il‑mewt tas‑sultan.

35 U ġara li Għamalikja kiseb l‑appoġġ tas‑sultana, u ħadha għandu bħala martu; u b’hekk permezz tal‑qerq, u bl‑għajnuna tal‑qaddejja qarrieqa tiegħu, huwa ħa f’idejh is‑saltna; iva, huwa ġie rikonoxxut bħala s‑sultan tal‑pajjiż kollu, fost in‑nies Lamaniti kollha, li kienu jikkonsistu mil‑Lamaniti u l‑Lemweliti u l‑Ismagħelin, u mid‑dissidenti kollha Nefiti, minn żmien is‑saltna ta’ Nefi sa dan iż‑żmien.

36 Issa dawn id‑dissidenti, kienu kisbu l‑istess tagħlim u l‑istess informazzjoni li kellhom in‑Nefiti, iva, fejn huma kienu ġew mgħallma l‑istess tagħlim dwar il‑Mulej, madankollu, kemm hi ħaġa stramba li, ftit biss wara li huma nqatgħu minn magħhom, huma saru nies aktar rashom iebsa u bla ndiema, u aktar slavaġ, ħżiena u feroċi mil‑Lamaniti—fejn huma spiċċaw sikru bid‑drawwiet tal‑Lamaniti; u tawha għall‑għażż, u għal kull xorta ta’ żína; iva, huma spiċċaw insew għal kollox lill‑Mulej Alla tagħhom.