Rakkont tal‑poplu ta’ Nefi, u l‑gwerer u d‑diżgwid tagħhom, fi żmien Ħelaman, skont il‑kitba ta’ Ħelaman, li huwa kiteb tul ħajtu.
Jikkonsisti minn kapitlu 45 sa 62.
Kapitlu 45
Ħelaman jemmen kliem Alma—Alma jħabbar il‑qerda tan‑Nefiti—Huwa jbierek u jisħet l‑art—Jista’ jkun li Alma ttieħed mill‑Ispirtu, sewwasew bħal Mosè—Jikber it‑tilwim fil‑Knisja. Madwar 73 Q.K.
1 Araw, issa ġara li n‑nies ta’ Nefi bdew jithennew bil‑kbir, għax il‑Mulej għal darb’oħra ħelishom minn taħt idejn l‑għedewwa tagħhom; għalhekk huma raddew ħajr lill‑Mulej Alla tagħhom; iva, u huma għaddew ħin twil isumu u jitolbu, u jqimu ’l Alla b’hena mill‑aktar kbira.
2 U ġara li fis‑sena dsatax tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, Alma mar fuq ibnu Ħelaman u qallu: Temmen inti l‑kliem li jiena għidtlek dwar dawk l‑annali li fuqhom ġiet miktuba l‑kitba?
3 U Ħelaman qallu: Iva, nemmen.
4 U Alma reġa’ qallu: Temmen inti f’Ġesù Kristu, li għandu jiġi?
5 U huwa qal: Iva, jien nemmen il‑kliem kollu li inti għidt.
6 U għal darb’oħra Alma qallu: Inti lest li tħares il‑kmandamenti tiegħi?
7 U huwa qal: Iva, jiena lest li nħares il‑kmandamenti tiegħek b’qalbi kollha.
8 Imbagħad Alma qallu: Hieni inti; u l‑Mulej se jagħtik ir‑risq f’din l‑art.
9 Iżda ara, għandi xi ħaġa xi nħabbarlek; iżda dak li se nħabbarlek tiżvelah lil ħadd; iva, dak li jien se nħabbarlek m’għandux jiġi żvelat, sewwasew sakemm tiġi fis‑seħħ il‑profezija; għalhekk ikteb il‑kliem li jiena se ngħidlek.
10 U dan huwa l‑kliem: Ara, nista’ nara li dawn in‑nies, in‑Nefiti, skont l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni li jinsab fija, fi żmien erba’ mitt sena minn meta Ġesù Kristu sejjer juri lilu nnifsu lilhom, ftit, ftit sejrin jitilfu l‑fidi.
11 Iva, u mbagħad se jġarrbu l‑gwerer u l‑pesta, iva, se jġarrbu l‑ġuħ u t‑tixrid tad‑demm, sewwasew sakemm il‑poplu ta’ Nefi jinqered għal kollox—
12 Iva, u dan għaliex ftit, ftit huma jispiċċaw jitilfu l‑fidi u jibdew iwettqu l‑għemejjel tad‑dlam, u jaqgħu fiż‑żinà, u jwettqu kull xorta ta’ ħażen; iva, jiena ngħidlek, li minħabba li huma se jidinbu kontra dawl u għarfien daqshekk kbit, iva, jiena ngħidlek, li minn dak inhar, bosta mir‑raba’ ġenerazzjoni lanqas biss ikunu għadhom mietu meta jfeġġ dan il‑ħażen kollu.
13 U meta jasal dak il‑jum daqstant sinifikanti, ara, ma jdumx ma jasal iż‑żmien li dawk li qed jgħixu bħalissa, jew aħjar, in‑nisel ta’ dawk li huma magħduda mal‑poplu ta’ Nefi, ma jibqgħux magħduda aktar mal‑poplu ta’ Nefi.
14 Iżda dawk kollha li jkun għad baqa’, u li ma jinqerdux f’dak il‑jum tal‑biża’, sejrin jiġu magħduda mal‑Lamaniti, u se jsiru lkoll bħalhom, ħlief għal xi ftit li sejrin jissejħu d‑dixxipli tal‑Mulej; u l‑Lamaniti se jibqgħu jiġru warajhom sewwasew sakemm huma jinqerdu għal kollox. U issa, minħabba l‑ħażen, din il‑profezija sejra tiġi fis‑seħħ.
15 U issa ġara li wara li Alma qal dan lil Ħelaman, huwa bierek lilu, kif ukoll lil uliedu l‑oħra; u huwa bierek ukoll lid‑dinja f’ġieħ il‑ġusti.
16 U huwa qal: Dan jgħid il‑Mulej Alla—Misħuta tkun l‑art, iva, din l‑art, għal kull ġens, tribù, ilsien u poplu, li jagħmel il‑ħażen, permezz ta’ saħta li twassal għall‑qerda tagħhom hekk kif huma jkunu misjurin waħda sew; u kollox se jseħħ kif jiena għidt; għax din hija s‑saħta u l‑barka ta’ Alla fuq l‑art, għax il‑Mulej ma jistax iħares lejn id‑dnub bl‑iċken grad ta’ tolleranza.
17 U issa, meta Alma qal dan il‑kliem huwa bierek il‑knisja, iva, lil dawk kollha li minn dakinhar ’il quddiem jibqgħu jżommu sħiħ fil‑fidi.
18 U meta Alma għamel dan huwa telaq ’il barra mill‑art ta’ Żaraħemla, bħal qisu se jaqbad it‑triq lejn l‑art ta’ Melek. U ġara li ħadd ma sema’ bih aktar; dwar il‑mewt jew id‑difna tiegħu, xejn ma nafu.
19 Araw, li nafu huwa dan, li huwa kien raġel twajjeb; u x‑xniegħa ġriet mal‑knisja kollha li huwa ttieħed mill‑Ispirtu, jew aħjar, indifen mill‑Mulej, l‑istess bħal Mosè. Iżda araw, l‑iskrittura tgħid li l‑Mulej ħa għandu lil Mosè; u aħna naħsbu li huwa laqa’ għandu wkoll lil Alma fl‑ispirtu; għalhekk, minħabba f’hekk, aħna xejn ma nafu dwar il‑mewt u d‑difna tiegħu.
20 U issa ġara li fil‑bidu tas‑sena dsatax tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, Ħelaman mar ixandar il‑kelma fost il‑poplu.
21 Għax araw, minħabba l‑gwerer tagħhom mal‑Lamaniti u l‑ħafna diżgwid u storbju li kien hemm fost il‑poplu, inħasset il‑ħtieġa li l‑kelma ta’ Alla tiġi mxandra fost in‑nies, iva, u li tiġi stabbilita l‑ordni madwar il‑knisja kollha.
22 Għalhekk, Ħelaman u ħutu marru u waqqfu l‑knisja għal darb’oħra mal‑pajjiż kollu, iva, f’kull belt li kien hemm madwar l‑art kollha li kienet f’idejn il‑poplu ta’ Nefi. U ġara li huma ħatru qassisin u għalliema madwar il‑pajjiż kollu, fuq il‑knejjes kollha.
23 U issa ġara li wara li Ħelaman u ħutu ħatru qassisin u għalliema fuq il‑knejjes, qam diżgwit fosthom, u huma ma ridux jagħtu widen għal kliem Ħelaman u ħutu.
24 Iżda huma bdew jitkabbru, għax kienu minfuħin fil‑kburija ta’ qalbhom, minħabba l‑ġid kbir li kellhom; għalhekk f’għajnejhom huma saru mill‑aktar għonja, u ma ridux jagħtu widen ta’ kliemhom, li huma għandhom jimxu fis‑sewwa quddiem Alla.