Kapitlu 61
Paħoran jgħid lil Moroni dwar it‑tixwix u r‑rewwixta kontra l‑gvern—Nies is‑sultan jieħdu f’idejhom Żaraħemla u jissieħbu mal‑Lamaniti—Paħoran jitlob l‑għajnuna militari għal kontra r‑ribelli. Madwar 62 Q.K.
1 Araw, issa ġara li ftit wara li Moroni bagħat l‑ittra tiegħu lill‑kap gvernatur, huwa rċieva ittra mingħand Paħoran, il‑kap gvernatur. U dan hu l‑kliem li huwa rċieva:
2 Jiena, Paħoran, li jien il‑kap gvernatur ta’ dan il‑pajjiż, qed nibgħat dan il‑kliem lil Moroni, il‑kap kmandant tal‑armata. Ara, Moroni, jiena ngħidlek li jien ma nieħux gost li intom għaddejjin minn daqstant tbatija, iva, din hi ħaġa li tnikkitli ruħi.
3 Iżda ara, hemm min jieħu gost bit‑tbatija tagħkom, iva, hekk li huma spiċċaw qamu kontrija, kif ukoll kontra dawk in‑nies tiegħi li huma nies il‑ħelsien, iva, u dawk li qamu kontrina huma mill‑aktar numerużi.
4 U l‑kawża ta’ daqstant ħażen huma dawk li lili ppruvaw ineħħuni minn fuq is‑siġġu tat‑tribunal; għax huma bdew jgħidu ħafna kliem ħelu u falz, u spiċċaw qarrqu b’qalb ħafna nies, u minħabba f’hekk kellna ngħaddu minn daqstant tbatija; huma żammew għandhom il‑provvisti tagħna, u lil niesna li huma nies il‑ħelsien jaqtgħulhom qalbhom biex ma jiġux għandkom.
5 U ara, huma keċċewni minn quddiemhom, u jiena ħrabt lejn l‑art ta’ Gidgħon, u ħadt miegħi in‑nies kollha li stajt nieħu.
6 U ara, jiena ħriġt proklama ma’ din‑naħa tal‑pajjiż; u ara, kuljum huma qed jinġabru ħdejna, biex jarmaw lilhom infushom, ħalli jiddefendu pajjiżhom u l‑ħelsien tagħhom, u biex ipattuha għall‑ħażin li għamlulna.
7 U huma spiċċaw ġew magħna, hekk li dawk li qamu kontrina spiċċajna ġibnihom fejn ridna, iva, hekk li issa huma qed jibżgħu minna u mhux qed jazzardaw jiġu biex jaħbtu għalina.
8 Huma ħadu f’idejhom l‑art, jew il‑belt, ta’ Żaraħemla; huma ħatru sultan fuqhom, u huwa kiteb lis‑sultan tal‑Lamaniti biex jgħidlu li huma kienu lesti jingħaqdu miegħu; u f’din l‑alleanza huwa qabel li jibqa’ jżomm f’idejh il‑belt ta’ Żaraħemla, u hu kien jemmen li jekk din il‑belt tibqa’ taħt il‑kontroll tiegħu, il‑Lamaniti setgħu jieħdu f’idejhom il‑bqija tal‑pajjiż, u hu jkun jista’ jinħatar sultan fuq dan il‑poplu meta huma jispiċċaw maħkumin mil‑Lamaniti.
9 U issa, fl‑ittra tiegħek inti ħassejt li kellek tiċċensurani, iżda ma jimpurtax; jiena m’iniex irrabjat, iżda nħossni nithenna bil‑kobor ta’ qalbek. Jiena, Paħoran, mhu qed nipprova nikseb l‑ebda poter, ħlief li nibqa’ nżomm is‑siġġu tat‑tribunal tiegħi ħalli nkun nista’ nħares id‑drittijiet u l‑libertà tal‑poplu tiegħi. Ruħi żżomm sħiħa f’dik il‑libertà li permezz tagħha Alla ħelisna.
10 U issa, ara, aħna se nirreżistu l‑ħażen anke jekk dan iwassal għat‑tixrid tad‑demm. Aħna m’aħniex se nxerrdu demm il‑Lamaniti jekk huma jibqgħu f’arthom.
11 Aħna m’aħniex se nxerrdu demm ħutna jekk huma ma jqumux kontrina f’xi rewwixta u jiġu għalina bix‑xabla.
12 Aħna lesti nissottomettu ruħna għall‑madmad tal‑jasar jekk il‑ġustizzja ta’ Alla titlob minna dan, jew jekk huwa jordnalna li nagħmlu dan.
13 Iżda ara, huwa ma jitlobniex sabiex nissottomettu ruħna għall‑għedewwa tagħna, iżda jitlobna biex nafdaw fih, u huwa jeħlisna.
14 Għalhekk, għażiż ħija Moroni, ejja nirreżistu l‑ħażen, u kwalunkwe ħażen li ma nistgħux nirreżistuh permezz ta’ kliemna, iva, bħar‑rewwixti u d‑dissensjoni, ejja nirreżistuh permezz tax‑xwabel tagħna, sabiex inkunu nistgħu nipproteġu l‑ħelsien tagħna, ħalli nkunu nistgħu ngawdu l‑privileġġ kbir tal‑knisja tagħna, u l‑kawża tal‑Feddej tagħna u Alla tagħna.
15 Għalhekk, ejja għandi minnufih u ġib miegħek ftit min‑nies tiegħek, u l‑bqija ħallihom taħt il‑kmand ta’ Leħi u Teankum; agħtihom is‑setgħa li jmexxu l‑gwerra f’dik in‑naħa tal‑pajjiż, skont l‑Ispirtu ta’ Alla, li huwa wkoll l‑ispirtu tal‑ħelsien li jinsab fihom.
16 Ara jiena bgħattilhom ftit provvisti, biex sakemm inti tiġi għandi huma ma jinqerdux.
17 Intom u ġejjin ’l hawn iġbru flimkien il‑forzi kollha li tistgħu tiġbru, u aħna mmorru minnufih neħduha kontra dawk li nqatgħu minn magħna, bil‑qawwa kollha ta’ Alla tagħna, skont il‑fidi li tinsab fina.
18 U nieħdu f’idejna l‑belt ta’ Żaraħemla, ħalli aħna nkunu nistgħu niksbu aktar ikel biex nibagħtuh lil Leħi u lil Teankum; iva, aħna mmorru naffrontawhom bil‑qawwa tal‑Mulej, u nġibu fi tmiemu dan il‑ħażen kollu.
19 U issa, Moroni, jiena fraħt tassew meta rċevejt l‑ittra tiegħek, għax kont imħasseb ftit dwar x’għandna nagħmlu, jekk hijiex ħaġa xierqa li aħna mmorru naffrontaw lil ħutna.
20 Iżda inti għidt li jekk huma jibqgħu ma jindmux, il‑Mulej ordnalkom li għandkom tmorru taffrontawhom.
21 Ara li ssaħħaħ lil Leħi u lil Teankum fil‑Mulej; għidilhom biex ma jibżgħux, għax Alla sejjer jeħlishom, iva, kif sejjer jeħles ukoll lil dawk kollha li jżommu sħiħ f’dik il‑libertà li permezz tagħha Alla ħelishom. U issa jiena sejjer nagħlaq l‑ittra tiegħi lill‑għażiż ħija, Moroni.