Kapitlu 55
Moroni jirrifjuta t‑tpartit ta’ priġunieri—L‑għassiesa Lamaniti jiġu mħajra jixorbu sakemm jiskru, u jinħelsu l‑priġunieri Nefiti—Il‑belt ta’ Gid tittieħed mingħajr tixrid ta’ demm. Madwar 63–62 Q.K.
1 Issa ġara li meta Moroni rċieva din l‑ittra huwa mtela’ aktar bil‑għadab, għax kien jaf li Għammoron kien jaf sew bl‑ingann tiegħu; iva, huwa kien jaf li Għammoron kien jaf li l‑kawża għalfejn huwa kien iddikjara gwerra kontra l‑poplu ta’ Nefi ma kenitx waħda ġusta.
2 U huwa qal: Araw, jiena mhux lest nagħmel skambju ta’ priġunieri ma’ Għammoron jekk hu mhux lest li jabbanduna l‑għan tiegħu, kif jiena ddikjarajt fl‑ittra tiegħi; għax jien mhux se nippermettilu li jkollu aktar poter milli diġà għandu.
3 Araw, jiena naf fejnu l‑post fejn il‑Lamaniti qed jgħassu lin‑nies tiegħi, li ħaduhom priġunieri; u peress li Għammoron ma jridx jaċċetta dak li jien tlabtu fl‑ittra tiegħi, araw, jiena se naġixxi miegħu skont kliemi; iva, jiena se nġiegħelhom iduqu l‑mewt jekk huma ma jurunix li jixtiequ l‑paċi.
4 U issa ġara li meta Moroni qal dan il‑kliem, huwa ordna biex issir tfittxija fost in‑nies tiegħu, biex jara jsibx lil xi ħadd fosthom li kien ġej min‑nisel ta’ Laman.
5 U ġara li nstab wieħed, li kien jismu Laman; u hu kien wieħed mill‑qaddejja tas‑sultan li kien inqatel minn Għamalikja.
6 Issa Moroni ordna biex Laman u ftit min‑nies tiegħu jmorru fejn kien hemm l‑għassiesa li kienu qed jgħassu lin‑Nefiti.
7 Issa n‑Nefiti kienu qed jinżammu fil‑belt ta’ Gid; għalhekk Moroni ħatar lil Laman u ordna lil ftit mill‑irġiel biex imorru miegħu.
8 U filgħaxija Laman mar fuq l‑għassiesa li kienu qed jgħassu lin‑Nefiti, u araw, meta rawh riesaq lejhom huma talbuh jidentifika ruħu; iżda huwa qalilhom: Tibżgħux; araw, jiena Lamanita. Araw, aħna ħrabna minn fost in‑Nefiti, u huma jinsabu reqdin; u araw, aħna ħadnielhom l‑inbid u ġibnieh magħna.
9 Issa meta l‑Lamaniti semgħu dan il‑kliem huma laqgħuh bil‑ferħ; u qalulu: Agħtina mill‑inbid tiegħek, ħalli nixorbu; qed nieħdu gost li inti ġibt miegħek l‑inbid għax għejjejna.
10 Iżda Laman qalilhom: Ejja nħallu l‑inbid għal meta mmorru għall‑battalja man‑Nefiti. Iżda dal‑kliem aktar mliehom bix‑xenqa li jixorbu minn dak l‑inbid;
11 Għax huma qalu: Aħna tassew għejjejna, għalhekk ejja nixorbu minn dan l‑inbid, għax mhux se ndumu ma ningħataw l‑inbid bħala parti mir‑razzjon tagħna, fejn dan jagħtina s‑saħħa biex immorru niġġieldu kontra n‑Nefiti.
12 U Laman qalilhom: Agħmlu kif tixtiequ intom.
13 U ġara li huma xorbu kemm felħu minn dak l‑inbid; u t‑togħma tiegħu kienet mill‑aktar pjaċevoli, għalhekk huma xorbu kemm felħu; u kien mill‑aktar qawwi, għax kien ġie mħejji apposta.
14 U ġara li huma xorbu u ferħu fuq li ferħu, u ma damux wisq ma spiċċaw ilkoll fis‑sakra.
15 U issa meta Laman u n‑nies tiegħu raw li huma kienu kollha fis‑sakra, u kienu reqdin fil‑fond, huma reġgħu lura għand Moroni u għarrfuh b’dak kollu li kien ġara.
16 U issa dan seħħ skont il‑pjan ta’ Moroni. U Moroni ħejja lin‑nies tiegħu bl‑armi tal‑gwerra; u huwa rħielha lejn il‑belt ta’ Gid, waqt li l‑Lamaniti kienu jinsabu reqdin fil‑fond u fis‑sakra, u hu xeħet l‑armi tal‑gwerra lill‑priġunieri, hekk li huma spiċċaw kollha armati;
17 Iva, u l‑istess in‑nisa tagħhom, u t‑tfal kollha tagħhom, sewwasew, Moroni ta l‑armi tal‑gwerra lill‑priġunier kollha, lil dawk kollha li kienu kapaċi jużaw arma tal‑gwerra; u dan kollu seħħ fi skiet mill‑aktar kbir.
18 Iżda li kieku lil‑Lamaniti qajmuhom mir‑raqda, araw huma kienu fis‑sakra u n‑Nefiti setgħu qatluhom.
19 Iżda araw, din ma kenitx ix‑xewqa ta’ Moroni; huwa ma kienx jieħu gost bil‑qtil jew bit‑tixrid ta’ demm, iżda kien il‑pjaċir tiegħu li jsalva lil niesu mill‑qerda; u biex ma jinstabx ħati ta’ xi inġustizzja, huwa ma kienx lest iħebb għal‑Lamaniti u jeqridhom waqt li huma kienu fis‑sakra.
20 Iżda huwa qata’ xewqtu; għax hu għadda l‑armi lil dawk il‑priġunieri Nefiti li kienu jinsabu maqbuda bejn is‑swar tal‑belt, u tahom dak li kienu jeħtieġu biex ikunu jistgħu jieħdu f’idejhom dawk l‑inħawi li kien hemm bejn is‑swar.
21 U mbagħad huwa ordna lill‑irġiel li kienu miegħu biex jinqatgħu lura minn fejn kienu, u jmorru jiċċirkondaw l‑armati tal‑Lamaniti.
22 Issa araw, dan kollu seħħ f’nofs ta’ lejl, u meta l‑Lamaniti stenbħu filgħodu huma sabu lilhom infushom imdawrin bin‑Nefiti min‑naħa ta’ barra, u l‑priġunieri tagħhom kienu jinsabu armati fuq ġewwa.
23 U b’hekk huma raw li kienu jinsabu taħt il‑kontroll tan‑Nefiti; u f’dawn iċ‑ċirkustanzi raw li ma kienx jaqbel li huma jeħduha man‑Nefiti; għalhekk il‑kap kmandanti tagħhom ordnawlhom biex jgħaddulhom l‑armi tagħhom tal‑gwerra, u huma qabduhom u poġġewhom ħdejn riġlejn in‑Nefiti, u talbuhom biex iħennu għalihom.
24 Issa araw, din kienet ix‑xewqa ta’ Moroni. Huwa ħadhom bħala priġunieri tal‑gwerra, u ħa f’idejh il‑belt, u ordna biex il‑priġunieri Nefiti kollha jinħelsu; u huma ngħaqdu mal‑armata ta’ Moroni, u saħħew bil‑kbir l‑armata tiegħu.
25 U ġara li huwa ta ordni lil dawk il‑Lamaniti li ħadhom bħala priġunieri, biex huma jagħtu bidu għal ħidma sabiex isaħħu l‑fortifikazzjonijiet li kien hemm madwar il‑belt ta’ Gid.
26 U ġara li meta huwa ffortifika l‑belt ta’ Gid, skont kif xtaq, huwa ordna biex il‑priġunieri tiegħu jittieħdu fil‑belt ta’ Kotran; u huwa poġġa l‑għassa wkoll ma’ dik il‑belt b’għadd kbir ta’ suldati.
27 U ġara li minkejja l‑intriċċi kollha tal‑Lamaniti, huma komplew jgħassu u jipproteġu lill‑priġunieri kollha li kienu ħadu, u baqgħu wkoll jikkontrollaw ir‑reġjun kollu li huma reġgħu ħadu f’idejhom.
28 U ġara li n‑Nefiti reġgħu bdew joħorġu rebbieħa, u reġgħu bdew jiksbu lura d‑drittijiet u l‑privileġġi tagħhom.
29 Matul il‑lejl il‑Lamaniti kemm‑il darba ppruvaw jiċċirkondawhom, iżda kull darba li ppruvaw jagħmlu dan huma spiċċaw biex tilfu bosta priġunieri.
30 U huma bosta drabi ppruvaw jagħtu lin‑Nefiti mill‑inbid tagħhom, ħalli jkunu jistgħu jeqirduhom bil‑velenu jew bis‑sokor.
31 Iżda araw, in‑Nefiti ma kinux tqal biex jiftakru fil‑Mulej Alla tagħhom f’dan iż‑żmien ta’ niket li kienu għaddejjin minnu. Huma ma kinux se jinqabdu f’xi nassa; iva, huma ma kinux lesti jixorbu mill‑inbid tagħhom, jekk l‑ewwel ma jagħtux minnu lil xi priġunieri Lamaniti.
32 U kienu b’seba’ għajnejn li ma jingħatalhom l‑ebda velenu; għax jekk l‑inbid tagħhom kien kapaċi jivvelena Lamanita kien kapaċi wkoll jivvelena Nefita; u b’hekk huma daqu x‑xorb kollu tagħhom.
33 U issa ġara li Moroni ħass li kien jaqbel li huma jibdew iħejju biex jattakkaw il‑belt ta’ Morjanton; għax araw, il‑Lamaniti, permezz ta’ ħidmiethom, iffortifikaw il‑belt ta’ Morjanton sakemm din saret fortizza mill‑aktar b’saħħitha.
34 U huma bdew kontinwament iżidu l‑forzi fil‑belt, u bdew iġibu wkoll għadd ta’ provvisti ġodda.
35 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena disgħa u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.