Skrittura
Alma 60


Kapitlu 60

Moroni jilmenta ma’ Paħoran li l‑gvern ma tax kas l‑armati—Il‑Mulej jippermetti li t‑twajbin jinqatlu—In‑Nefiti jeħtieġ jużaw il‑qawwa u l‑mezzi tagħhom kollha biex jeħilsu lilhom infushom mill‑għedewwa tagħhom—Moroni jhedded li jeħodha kontra l‑gvern jekk ma tintbagħatx l‑għajnuna lill‑armati tiegħu. Madwar 62 Q.K.

1 U ġara li huwa reġa’ kiteb lill‑gvernatur tal‑pajjiż, li kien Paħoran, u dan huwa l‑kliem li huwa kiteb, fejn qal: Araw, jien qed nindirizza l‑ittra tiegħi lil Paħoran, fil‑belt ta’ Żaraħemla, li hu l‑prim imħallef u l‑gvernatur tal‑pajjiż, kif ukoll lil dawk kollha li ġew magħżula minn dan il‑poplu biex jiggvernaw u jieħdu ħsieb kulma għandu x’jaqsam ma’ din il‑gwerra.

2 Għax araw, jien għandi xi ħaġa x’ngħidilhom li se tikkundannahom; għax araw, intom stess tafu li intom ġejtu maħtura biex tiġbru flimkien grupp ta’ rġiel, u tarmawhom bix‑xwabel, u bix‑ximitarri, u b’kull xorta ta’ armi tal‑gwerra ta’ kull għamla, u tibagħtuhom kontra l‑Lamaniti, f’kull naħa ta’ artna li jafu jiġu fiha.

3 U issa araw, jien ngħidilkom li jiena, kif ukoll l‑irġiel tiegħi, u anke Ħelaman u l‑irġiel tiegħu, batejna tbatija mill‑aktar kbira; iva, aħna batejna saħansitra l‑ġuħ, l‑għatx, u l‑għeja, u kull tip ta’ taħbit ta’ kull għamla.

4 Iżda araw, li kieku din kienet it‑tbatija kollha li aħna batejna la konna nilmentaw u lanqas ingergru.

5 Iżda araw, kbir wisq kien il‑massakru li seħħ fost il‑poplu tagħna; iva, eluf spiċċaw mietu permezz tax‑xabla, filwaqt li s‑sitwazzjoni setgħet kienet waħda differenti li kieku lill‑armati tagħna tajtuhom biżżejjed nies u għajnuna. Iva, lilna intom abbandunajtu bil‑kbir.

6 U issa araw, aħna nixtiequ nkunu nafu għalfejn abbandunajtuna b’dal‑mod; iva, nixtiequ nkunu nafu għalfejn lilna nsejtuna.

7 Kif tistgħu tpoġġu bilqiegħda fuq it‑tronijiet tagħkom u tinsewna b’mod, waqt li l‑għedewwa tagħkom jinsabu madwarkom ixerrdu l‑ħidma tal‑mewt? Iva, waqt li huma qed joqtlu eluf minn ħutkom—

8 Iva, anke dawk li kienu jiddependu minnkom għall‑protezzjoni, iva, poġġewkom f’sitwazzjoni fejn stajtu tajtuhom l‑għajnuna tagħkom, iva, fejn stajtu bgħattulhom l‑armati, u kontu ssaħħuhom, u kontu ssalvaw eluf minnhom u huma ma kinux imutu permezz tax‑xabla.

9 Iżda araw, dan mhux kollox—intom bqajtu lura milli tagħtuhom il‑provvisti tagħkom, u dan wassal biex ħafna minnhom spiċċaw jitqabdu u jċarċru demmhom għax tassew xtaqu l‑ġid lil dan il‑poplu; iva, u huma għamlu dan meta kienu għoddhom se jmutu bil‑ġuħ, għax intom lilhom ħallejtuhom weħidhom.

10 U issa, għeżież ħuti—għax intom għeżież għalija; iva, intom misskom kontu ferm aktar diliġenti fejn jidħol il‑benesseri u l‑ħelsien ta’ dan il‑poplu; iżda araw, intom abbandunajtuhom tant li d‑demm ta’ eluf ta’ gwerriera se jagħmel vendetta minnkom; iva, għax Alla biss jaf kemm għajtu, u kemm batew—

11 Araw, intom taħsbu li tistgħu tibqgħu bilqiegħda fuq it‑tronijiet tagħkom, u minħabba t‑tjubija kbira ta’ Alla m’għandkom għalfejn tagħmlu xejn u Alla sejjer jeħliskom? Araw, jekk intom qed tassumu dan, qed tassumu xi ħaġa li ma tistax tkun.

12 Intom taħsbu li r‑raġuni għalfejn ħafna minn ħutkom inqatlu hi minħabba ħżunithom? Jien ngħidilkom, jekk intom qed tassumu dan, qed tassumu xi ħaġa li ma tistax tkun; għax jiena ngħidilkom, ħafna kienu li mietu permezz tax‑xabla; u araw dan hu kollu ħtija tagħkom;

13 Għax il‑Mulej jippermetti li t‑twajbin jinqatlu sabiex ikun jista’ jikkastiga l‑ħżiena u jagħmel ħaqq minnhom; għalhekk ara ma taħsbux li t‑twajbin jinsabu mitlufin minħabba li nqatlu; iżda araw, huma kisbu l‑mistrieħ tal‑Mulej Alla tagħhom.

14 U issa araw, jien ngħidilkom, li jiena qed nibża’ bil‑kbir li Alla sejjer jagħmel ħaqq minn dawn in‑nies, minħabba l‑għażż kbir tagħhom, iva, sewwasew minħabba l‑għażż ta’ dawk li jinsabu fil‑gvern tagħna, u minħabba li huma abbandunaw bil‑kbir lil ħuthom, iva, lil dawk li ġew maqtula.

15 Għax li ma kienx għall‑ħażen li ra l‑bidu tiegħu fost il‑mexxejja tagħna, aħna konna nibqgħu nikkumbattu lill‑għedewwa tagħna u huma ma kinux jispiċċaw jiddominawna.

16 Iva, li ma kienx għall‑gwerra li faqqgħet fostna; iva, li ma kienx għal dawn nies is‑sultan, li ġabu daqstant tixrid tad‑demm fostna, li kieku aħna għaqqadna flimkien il‑forzi tagħna kif dejjem għamilna qabel; iva, li ma kienx għall‑kilba għall‑poter u l‑awtorità li kellhom fuqna nies is‑sultan; li kieku huma kienu leali lejn il‑kawża tal‑ħelsien tagħna, u ngħaqdu magħna, u marru biex jeħduha kontra l‑għedewwa tagħna, minflok ma qabdu x‑xwabel tagħhom kontrina, u dan wassal għal daqstant tixrid ta’ demm fostna; iva, kieku aħna morna nitqabdu magħhom fil‑qawwa tal‑Mulej, konna nwasslu lill‑għedewwa tagħna biex jaħarbu, u dan kien iseħħ skont it‑twettiq tal‑kelma tiegħu.

17 Iżda araw, issa l‑Lamaniti qed jaħbtu għalina, u qed jieħdu f’idejhom artijietna, u qed joqtlu lil niesna permezz tax‑xabla, iva, lin‑nisa u t‑tfal tagħna, u qegħdin ukoll ikaxkruhom lejn l‑eżilju, u jwassluhom biex ibatu kull tip ta’ tbatija, u dan minħabba l‑ħażen mill‑aktar kbir ta’ dawk li qed ifittxu biex jiksbu l‑poter u l‑awtorità, iva, sewwasew minħabba nies is‑sultan.

18 Iżda jien għalfejn għandi noqgħod nitkellem ħafna dwar dil‑ħaġa? Għax aħna ma nafux, iżda jista’ jkun li intom stess qed tippruvaw tiksbu l‑awtorità. Aħna ma nafux, iżda jista’ jkun ukoll li intom tradituri ta’ pajjiżkom.

19 Jew jista’ jkun li intom ħallejtuna weħidna għax intom tinsabu fil‑qalba ta’ pajjiżna u protetti minn kull naħa, u kien għalhekk li lilna la bgħattulna ikel, u lanqas nies biex isaħħu l‑armati tagħna?

20 Insejtuhom intom il‑kmandamenti tal‑Mulej Alla tagħkom? Iva, insejtu intom il‑jasar ta’ missirijietna? Insejtu intom kemm‑il darba aħna ġejna meħlusin minn idejn l‑għedewwa tagħna?

21 Jew taħsbu li l‑Mulej xorta waħda sejjer jeħlisna, jekk nibqgħu bilqiegħda fuq it‑tronijiet tagħna u ma nagħmlux użu mill‑mezzi li pprovdielna l‑Mulej?

22 Iva, intom lesti tibqgħu bilqiegħda waqt li tinsabu mdawrin b’eluf, iva, u b’għexieren ta’ eluf oħra li lesti jibqgħu bilqiegħda wkoll, waqt li hemm eluf madwarkom fil‑fruntieri tal‑pajjiż li qed jaqgħu mal‑art permezz tax‑xabla, iva, li huma midruba u qed iċarċru demmhom?

23 Intom taħsbu li Alla se jħares lejkom bħala nies bla ħtija waqt li intom tibqgħu bilqiegħda u taraw dan kollu jseħħ quddiemkom? Araw jiena ngħidilkom, Le. Issa rridkom tiftakru li Alla kien qal li l‑ewwel għandha titnaddaf l‑għamara ta’ ġewwa, imbagħad wara titnaddaf l‑għamara ta’ barra.

24 U issa, sakemm intom tindmu minn dak li għamiltu, u tibdew tqumu fuq tagħkom, u tibagħtulna l‑ikel u n‑nies, u l‑istess tagħmlu lil Ħelaman, ħalli jkun jista’ jsaħħaħ dawk l‑inħawi ta’ pajjiżna li huwa reġa’ kiseb lura, u biex aħna nkunu nistgħu wkoll nieħdu lura f’idejna l‑bqija ta’ artijietna f’dawn l‑inħawi, ikun aħjar li aħna ma nibqgħux niġġieldu aktar mal‑Lamaniti qabel ma l‑ewwel inkunu naddafna l‑għamara ta’ ġewwa tagħna, iva, sewwasew il‑mexxej ewlieni tal‑gvern tagħna.

25 U sakemm intom tilqgħu dak li jiena tlabt fl‑ittra tiegħi, u turuni b’mod ċar spirtu veru ta’ ħelsien, u tagħmlu li tistgħu biex issaħħu u tiffortifikaw l‑armati tagħna, u tagħtuhom l‑ikel għas‑sostenn tagħhom, araw jien se nħalli xi wħud min‑nies il‑ħelsien tiegħi jħarsu din in‑naħa ta’ artna, u jien se nberikhom bil‑qawwa u l‑barkiet ta’ Alla, biex l‑ebda qawwa oħra ma tkun tista’ taħdem kontrihom—

26 U dan minħabba l‑fidi mill‑aktar kbira tagħhom, u s‑sabar tagħhom f’hemmhom—

27 U jiena se niġi għandkom, u jekk ikun hemm xi ħadd fostkom li jixtieq il‑ħelsien, iva, jekk ikun għad baqa’ mqar xrara ta’ ħelsien, araw, jiena nqajjem fostkom rewwixta, sakemm dawk li għandhom xewqa li jakkwistaw il‑poter u l‑awtorità ma jibqgħux jeżistu aktar.

28 Iva, araw jiena ma nibżax mill‑poter u mill‑awtorità tagħkom, iżda nibża’ biss minn Alla tiegħi; u hu biss skont il‑kmandamenti tiegħu li jiena naqbad f’idejja x‑xabla biex niddefendi l‑kawża ta’ pajjiżi, u hu biss minħabba ħżunitkom li aħna ġarrabna daqstant telfien.

29 Araw wasal iż‑żmien, iva, qorob iż‑żmien, li jekk intom mhux se tqumu biex tiddefendu lil pajjiżkom u liċ‑ċkejknin tagħkom, ix‑xabla tal‑ħaqq se tkun imdendla fuqkom; iva, u se tinżel fuqkom u tolqotkom u saħansitra teqridkom darba għal dejjem.

30 Araw, jien se nibqa’ nistenna l‑għajnuna tagħkom; u jekk intom m’intomx se tipprovdulna dak li neħtieġu, araw, jien se niġi għandkom, sewwasew fl‑art ta’ Żaraħemla, u bix‑xabla nidrobkom, hekk li ma jkollkomx aktar qawwa biex iżżommu lura lil dan il‑poplu milli jkompli miexi fil‑kawża tal‑ħelsien tagħna.

31 Għax araw, il‑Mulej ma jippermettix li intom tibqgħu tgħixu u tikbru fi ħżunitkom biex teqirdu lin‑nies twajbin tiegħu.

32 Araw, taħsbu intom li l‑Mulej sejjer iħenn għalikom u sejjer jagħmel ħaqq kontra l‑Lamaniti, meta kien it‑twemmin ta’ missirijiethom li wassal għall‑mibegħda tagħhom, iva, ħaġa li tinħass ferm aktar fost dawk li darba kienu parti minna, waqt li ħżunitkom hu riżultat tal‑imħabba li intom għandkom għall‑glorja u l‑frugħa tad‑dinja?

33 Intom tafu li qed tiksru l‑liġijiet ta’ Alla, u tafu wkoll li qed tgħaffġuhom b’saqajkom. Araw, il‑Mulej qalli: Jekk dawk li intom ħtartu biex ikunu l‑gvernaturi tagħkom ma jindmux minn dnubiethom u ħżunithom, intom għandkom tmorru teħduha kontrihom f’battalja.

34 U issa araw, jiena, Moroni, ninsab marbut, skont il‑patt li għamilt li lest nibqa’ nħares il‑kmandamenti ta’ Alla tiegħi; għalhekk irridkom tobdu mill‑kelma ta’ Alla, u tibagħtuli minnufih ftit mill‑provvisti tagħkom u min‑nies tagħkom, u l‑istess lil Ħelaman.

35 U araw, jekk intom ma tagħmlux dan jiena se niġi għandkom minnufih; għax araw, Alla mhux se jippermetti li aħna mmutu bil‑ġuħ; għalhekk huwa lest li jagħtina mill‑ikel tagħkom, anke jekk dan iseħħ permezz tax‑xabla. Issa araw li intom twettqu l‑kelma ta’ Alla.

36 Araw, jiena Moroni, il‑kap kmandant tagħkom. Jiena l‑poter ma nfittxux, iżda nipprova nwaqqgħu. Jiena ma nfittixx l‑unuri tad‑dinja, iżda nfittex il‑glorja ta’ Alla tiegħi, u l‑ħelsien u l‑ġid ta’ pajjiżi. U għalhekk jiena se nagħlaq l‑ittra tiegħi.