Kapitlu 14
Alma u Amuleki jinxteħtu l‑ħabs u jiġu msawta—Il‑fidili u l‑iskrittura mqaddsa tagħhom jinħarqu bin‑nar—Dawn il‑martri jintlaqgħu mill‑Mulej fil‑glorja—Il‑ħitan tal‑ħabs jitfarrku u jaqgħu—Alma u Amuleki jinħelsu, u l‑persekuturi tagħhom jinqatlu. Madwar 82–81 Q.K.
1 U ġara li wara li huwa waqaf ikellem lin‑nies ħafna minnhom emmnu fi kliemu, u bdew jindmu, u jiflu l‑iskrittura bir‑reqqa.
2 Iżda l‑maġġoranza tagħhom kellhom ix‑xewqa li jaraw kif setgħu jeqirdu lil Alma u lil Amuleki; għax huma nkurlaw bil‑kbir għal Alma, minħabba l‑mod skjett li bih huwa kellem lil Żeżrom; u huma qalu wkoll li Amuleki ma qalilhomx il‑verità, u huwa żeblaħ il‑liġi tagħhom kif ukoll l‑avukati u l‑imħallfin tagħhom.
3 U huma mtlew ukoll bil‑korla għal Alma u Amuleki; u peress li huma xehdu bla tlaqliq kontra ħżunithom, huma raw kif setgħu jeħilsu minnhom bil‑moħbi.
4 Iżda ġara li huma m’għamlux dan; iżda qabduhom u rabtuhom bi ħbula b’saħħithom, u ħaduhom quddiem il‑prim imħallef tal‑pajjiż.
5 U n‑nies marru u xehdu kontrihom—xehdu li huma żebilħu l‑liġi, u l‑avukati u l‑imħallfin ta’ pajjiżhom, kif ukoll lin‑nies kollha li kienu fil‑pajjiż; u huma xehdu wkoll li kien hemm biss Alla wieħed, u li hu għandu jibgħat lil Ibnu fost in‑nies, iżda mhuwiex se jsalvahom; u ħafna ħwejjeġ bħal dawn in‑nies xehdu kontra Alma u Amuleki. Issa dan seħħ quddiem il‑prim imħallef tal‑pajjiż.
6 U ġara li Żeżrom baqa’ mistagħġeb bil‑kliem li ntqal; u hu kien konxju wkoll mill‑għama ta’ moħħ in‑nies li huwa stess kien jaħti għaliha minħabba l‑gideb li kien qal; u hu beda jitturmenta ruħu għax beda jħossu konxju mill‑ħtija tiegħu; iva, hu beda jħossu qed jinħakem mill‑uġigħ tal‑infern.
7 U ġara li hu beda jxandar lin‑nies u jgħidilhom: Araw, il‑ħtija hija tiegħi, u dawn l‑irġiel huma bla tebgħa quddiem Alla. U minn dakinhar hu beda jiddefendihom; iżda huma bdew jgħajruh u jgħidu: Anke inti ġejt maħkum mix‑xitan? U huma beżqu fuqu, u keċċewh ’il barra minn fosthom, u l‑istess għamlu lil dawk kollha li emmnu fil‑kliem li ntqal minn Alma u Amuleki; u huma keċċewhom ’il barra, u bagħtu xi rġiel biex iħaġġruhom.
8 U huma ġabru lil marthom u lil uliedhom flimkien, u taw ordni biex dawk kollha li emmnu jew ġew mgħallmin biex jemmnu fil‑kelma ta’ Alla kellhom jinxteħtu fin‑nar; u huma ġabu wkoll l‑annali tagħhom li kien fihom l‑iskrittura mqaddsa, u xeħtuhom fin‑nar ukoll, ħalli jkunu jistgħu jinħarqu u jinqerdu permezz tan‑nar.
9 U ġara li huma qabdu lil Alma u lil Amuleki, u ħaduhom sal‑post tal‑martirju, biex huma jkunu jistgħu jaraw b’għajnejhom il‑qerda ta’ dawk li kienu qed jinħarqu bin‑nar.
10 U meta Amuleki beda jara l‑uġigħ li bdew iħossu n‑nisa u t‑tfal li kienu qed jinħarqu fin‑nar, huwa wkoll beda jitturmenta ruħu; u huwa qal lil Alma: Kif jista’ jkun li se nibqgħu nħarsu lejn din ix‑xena daqstant orribbli? Għalhekk ejja mmeddu jdejna, u neżerċitaw il‑qawwa ta’ Alla li tinsab fina, u nsalvawhom mill‑ilsna tan‑nar.
11 Iżda Alma qallu: L‑Ispirtu jżommni milli mmedd idi; għax ara l‑Mulej sejjer jilqagħhom għandu, fil‑glorja; u hu jippermetti li huma jagħmlu hekk, jew aħjar li n‑nies jagħmlulhom hekk, skont l‑ebusija ta’ qalbhom, ħalli l‑ħaqq li huwa se jagħmel minnhom fl‑għadab tiegħu jkun wieħed ġust; u d‑demm tal‑innoċenti għad jixhed kontrihom, iva, u għad jgħajjat bil‑qawwa kontrihom fl‑aħħar jum.
12 Issa Amuleki qal lil Alma: Ara, hemm ċans li jaħarqu lilna wkoll.
13 U Alma qallu: Iseħħ skont ir‑rieda tal‑Mulej. Iżda, ara, il‑ħidma tagħna għadha ma ntemmitx; għalhekk mhumiex se jaħarquna.
14 Issa ġara li meta l‑iġsma ta’ dawk li ġew mixħutin fin‑nar inqerdu, kif inqerdu wkoll l‑annali li ġew mixħutin magħhom, il‑prim imħallef tal‑pajjiż ġie u waqaf quddiem Alma u Amuleki, waqt li kienu jinsabu marbutin; u huwa xejrilhom daqqa ta’ ħarta, u qalilhom: Wara dak kollu li rajtu b’għajnejkom, intom sejrin terġgħu xxandru lil dawn in‑nies li huma għad jinxteħtu f’belliegħa ta’ nar u kubrit?
15 Qed taraw li intom ma kellkom l‑ebda qawwa biex issalvaw lil dawk li nxteħtu fin‑nar; lanqas Alla ma salvahom għaliex kienu tal‑istess twemmin tagħkom. U l‑imħallef reġa’ xejrilhom daqqa ta’ ħarta oħra, u staqsiehom: Xi tgħiduli dwarkom?
16 Issa dan l‑imħallef kien tal‑istess ordni u twemmin ta’ Neħor, dak li qatel lil Gidgħon.
17 U ġara li Alma u Amuleki ma weġbuh xejn; u huwa reġa’ xejrilhom daqqa ta’ ħarta, u għaddihom f’idejn l‑uffiċjali biex jixħtuhom fil‑ħabs.
18 U wara li kienu ilhom tlett ijiem li nxteħtu l‑ħabs, ġew ħdejhom bosta avukati, u mħallfin, u qassisin, u għalliema, li kienu tal‑istess twemmin ta’ Neħor; u daħlu fil‑ħabs biex jarawhom, u huma bdew jinterrogawhom dwar ħafna affarijiet li qalu; iżda ħallewhom bla tweġiba.
19 U ġara li l‑imħallef waqaf quddiemhom, u qal: Għalfejn ma tridux twieġbu għall‑kliem ta’ dawn in‑nies? Ma tafux li jien għandi s‑setgħa li nibgħatkom ġol‑ilsna tan‑nar? U hu ordnalhom biex jitkellmu; iżda huma ħallewh bla tweġiba.
20 U ġara li huma telqu minn hemm; iżda l‑għada reġgħu ġew lura; u l‑imħallef reġa’ xejrilhom daqqa ta’ ħarta oħra. U ġew ukoll bosta oħrajn, u bdew jagħtuhom bil‑ħarta u qalulhom: Intom se terġgħu tieqfu biex tiġġudikaw lil dan il‑poplu, u tikkundannaw il‑liġi tagħna? Jekk għandkom daqstant qawwa għalfejn ma teħilsux lilkom infuskom?
21 U huma bdew jgħidulhom bosta ħwejjeġ bħal dawn, u bdew jgħażżu snienhom lejhom, u jobżqu fuqhom, u jgħidu: Kif se nkunu nidhru wara li niġu kkundannati?
22 U ħafna ħwejjeġ bħal dawn, iva, kull xorta ta’ ħwejjeġ bħal dawn bdew jgħidulhom; u b’dal‑mod baqgħu jiddieħqu bihom għal bosta jiem. U huma ħallewhom mingħajr ikel biex forsi jaqbadhom il‑ġuħ, u mingħajr ilma biex forsi jaqbadhom l‑għatx; u ħadulhom ukoll ilbieshom u ħallewhom għerja; u mbagħad rabtuhom bi ħbula b’saħħithom u xeħtuhom f’ħabs.
23 U ġara li wara li kienu ilhom isofru hemmhekk għal bosta jiem, (u kien it‑tnax‑il jum, fl‑għaxar xahar, fl‑għaxar sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi) il‑prim imħallef fuq l‑art ta’ Għammonija u bosta mill‑għalliema u mill‑avukati tagħhom marru ġewwa l‑ħabs fejn kien hemm Alma u Amuleki marbutin bil‑ħbula.
24 U l‑prim imħallef waqaf quddiemhom, u reġa’ tahom daqqa ta’ ħarta u qalilhom: Jekk għandkom il‑qawwa ta’ Alla eħilsu lilkom infuskom minn dan l‑irbit, u mbagħad aħna naslu biex nemmnu li l‑Mulej sejjer jeqred lil dan il‑poplu skont kliemkom.
25 U ġara li huma marru lkoll u bdew jagħtuhom bil‑ħarta, u lkoll bdew jgħidulhom l‑istess ħaġa, sal‑aħħar wieħed fosthom; u kif spiċċa jkellimhom l‑aħħar wieħed il‑qawwa ta’ Alla niżlet fuq Alma u Amuleki, u huma qamu u waqfu fuq riġlejhom.
26 U Alma għajjat u qal: Kemm se ndumu nissaportu dan it‑taħbit kollu, O Mulej? O Mulej, agħtina l‑qawwa skont il‑fidi tagħna li tinsab fik, biex aħna niksbu l‑ħelsien. U huma qattgħu l‑ħbula li bihom kienu marbutin; u meta n‑nies raw dan, bdew jaħarbu, għax beżgħu li kienu se jinqerdu.
27 U ġara li huma tant bdew jibżgħu li waqgħu mal‑art, u ma laħqux waslu sal‑bieb ta’ barra tal‑ħabs; u l‑art theżżet b’qawwa, u l‑ħitan tal‑ħabs inqasmu fi tnejn u kkrollaw; u l‑prim imħallef, u l‑avukati, u l‑qassisin, u l‑għalliema, li bdew jagħtu bil‑ħarta lil Alma u ’l Amuleki, spiċċaw mietu mirduma taħt il‑bini li kkrolla.
28 U Alma u Amuleki ħarġu ’l barra mill‑ħabs, qawwijin u sħaħ; għax il‑Mulej tahom il‑qawwa, skont il‑fidi tagħhom li kienet fi Kristu. U huma ħarġu dlonk minn ġol‑ħabs; ħielsa mill‑irbit tal‑ħbula; u l‑bini tal‑ħabs ikkrolla, u kull min kien jinsab bejn il‑ħitan tiegħu, ħlief għal Alma u Amuleki, spiċċa nqatel; u huma waslu malajr fil‑belt.
29 Issa n‑nies, peress li semgħu ħoss kbir, telqu jiġru lkoll f’miġemgħa biex jaraw x’kien ġara; u meta huma raw lil Alma u Amuleki ħerġin mill‑ħabs, u raw li l‑ħitan tiegħu kkrollaw, inħakmu minn biża’ kbira, u ħarbu minn ħdejn Alma u Amuleki kif mogħża taħrab bil‑frieħ tagħha minn quddiem żewġt iljuni; u b’dal‑mod huma ħarbu minn ħdejn Alma u Amuleki.