Kapitlu 15
Alma u Amuleki jmorru Sidom u jwaqqfu knisja—Alma jfejjaq lil Żeżrom, li jingħaqad mal‑Knisja—Ħafna jitgħammdu, u l‑Knisja tissaħħaħ—Alma u Amuleki jmorru Żaraħemla. Madwar 81 Q.K.
1 U ġara li Alma u Amuleki ġew ordnati jitilqu ’l barra minn dik il‑belt; u huma telqu, u ħarġu sewwasew fl‑art ta’ Sidom; u araw, hemm huma sabu lin‑nies kollha li kienu telqu ’l barra mill‑art ta’ Għammonija, li kienu ġew imkeċċija u mħaġġra, għaliex emmnu fi kliem Alma.
2 U huma rrakkontawlhom dwar dak kollu li kien ġara lil marthom u lil uliedhom, kif ukoll dwarhom infushom, u dwar il‑qawwa tal‑ħelsien tagħhom.
3 U ġara wkoll li Żeżrom kien fis‑sodda b’deni qawwi, ġo Sidom, kaġun tat‑tbatija mentali li kien qed jesperjenza minħabba ħżunitu; għax beda jissoponi li Alma u Amuleki kienu mietu; u beda jissoponi li huma kienu nqatlu minħabba ħżunitu. U dan id‑dnub kbir, u l‑ħafna dnubiet oħra tiegħu, ittormentawlu moħħu tant li spiċċa nħakem minn diqa kbira, u ma seta’ jsib l‑ebda serħan; għalhekk beda jħoss fawra kbira ma’ ġismu kollu.
4 Issa, meta hu sema’ li Alma u Amuleki kienu fl‑art ta’ Sidom, huwa beda jagħmel il‑qalb; u minnufih bagħatilhom messaġġ, fejn xtaqhom jiġu għandu.
5 U ġara li huma marru minnufih, fejn obdew il‑messaġġ li kien bagħatilhom; u huma marru fid‑dar ta’ Żeżrom; u sabuh marid bla saħħa fuq is‑sodda, b’deni qawwi fuqu; u moħħu kien maħkum ukoll minn diqa kbira minħabba ħżunitu; u meta rahom hu medd idu, u talabhom ifejquh.
6 U ġara li Alma qabadlu idu u qallu: Temmen inti fil‑qawwa ta’ Kristu għas‑salvazzjoni?
7 U hu wieġeb u qal: Iva, jien nemmen il‑kliem kollu li għallimt int.
8 U Alma qallu: Jekk int temmen fil‑fidwa ta’ Kristu int tista’ tiġi mfejjaq.
9 U hu qal: Iva, jien nemmen skont kliemek.
10 Imbagħad Alma sejjaħ lill‑Mulej u qallu: O Mulej Alla tagħna, ikollok ħniena minn dan ir‑raġel; fejqu skont il‑fidi tiegħu li tinsab fi Kristu.
11 U meta Alma qal dan il‑kliem, Żeżrom qam fuq riġlejh, u beda jimxi; u kif in‑nies kollha raw dan huma baqgħu miblugħin bil‑għaġeb; u l‑kelma ġriet mal‑art kollha ta’ Sidom.
12 U Alma għammed lil Żeżrom għall‑Mulej; u minn dak iż‑żmien ’il quddiem hu beda jxandar fost il‑poplu.
13 U Alma waqqaf knisja fl‑art ta’ Sidom, u kkonsagra qassisin u għalliema fil‑pajjiż, biex jgħammdu għall‑Mulej lil kull min kellu x‑xewqa li jitgħammed.
14 U ġara li dawn kienu ħafna; għax il‑folol bdew ġejjin mir‑reġjun kollu li kien hemm madwar Sidom, u huma tgħammdu.
15 Iżda fejn jidħlu n‑nies li kienu fl‑art ta’ Għammonija, huma baqgħu nies ta’ qalb iebsa u ta’ ras iebsa; u baqgħu ma nidmux minn dnubiethom, fejn bdew jattribwixxu l‑qawwa kollha ta’ Alma u Amuleki għax‑xitan; għax huma kienu tal‑istess twemmin ta’ Neħor, u ma kinux jemmnu fl‑indiema ta’ dnubiethom.
16 U ġara li Alma u Amuleki, minħabba li Amuleki, għall‑kelma ta’ Alla, kien ħalla warajh id‑deheb kollu tiegħu u l‑fidda kollha tiegħu, u l‑ħwejjeġ prezzjużi tiegħu, li kienu fl‑art ta’ Għammonija, għax kien ġie mwarrab minn dawk li darba kienu sħabu kif ukoll minn missieru u minn qrabatu;
17 Għalhekk, wara li Alma kien waqqaf il‑knisja ġewwa Sidom, huwa ra bidla mill‑aktar kbira, iva, fejn ra li n‑nies ma baqgħux aktar imkabbra f’qalbhom, u bdew jumiljaw ruħhom quddiem Alla, u bdew jinġabru flimkien fis‑santwarji tagħhom biex iqimu lil Alla quddiem l‑artal, u bdew jishru u jitolbu bla heda, ħalli jkunu jistgħu jiġu meħlusa minn Satana, u mill‑mewt, u mill‑qerda—
18 Issa kif għidt, Alma wara li ra dan kollu, għalhekk huwa ħa miegħu lil Amuleki u huma rħewlha lejn l‑art ta’ Żaraħemla, u huwa ħadu fid‑dar tiegħu, u dar bih fil‑hemm tiegħu, u saħħu fil‑Mulej.
19 U b’hekk ġiet fi tmiemha l‑għaxar sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.