Skrittura
Alma 15


Kapitlu 15

Alma u Amuleki jmorru Sidom u jwaqqfu knisja—Alma jfejjaq lil Żeżrom, li jingħaqad mal‑Knisja—Ħafna jitgħammdu, u l‑Knisja tissaħħaħ—Alma u Amuleki jmorru Żaraħemla. Madwar 81 Q.K.

1 U ġara li Alma u Amuleki ġew ordnati jitilqu ’l barra minn dik il‑belt; u huma telqu minn hemm, u waslu sewwasew fl‑art ta’ Sidom; u araw, hemm huma sabu lin‑nies kollha li kienu telqu ’l barra mill‑art ta’ Għammonija, li kienu ġew imkeċċija u mħaġġra, minħabba li kienu emmnu kliem Alma.

2 U huma rrakkontawlhom dwar dak kollu li kien ġara lil marthom u lil uliedhom, kif ukoll dwarhom infushom, u dwar il‑qawwa li permezz tagħha ġew meħlusa.

3 U ġara wkoll li Żeżrom kien fis‑sodda b’deni qawwi, ġo Sidom, kaġun tat‑tbatija mentali li kien qed jesperjenza minħabba ħżunitu; għax hu beda jassumi li Alma u Amuleki kienu mietu; u beda jassumi li huma kienu nqatlu kaġun ta’ ħżunitu. U dan id‑dnub kbir, u l‑ħafna dnubiet oħra tiegħu, spiċċaw jitturmentawlu moħħu tant li huwa spiċċa nħakem minn diqa kbira, u ma setax isib serħan; għalhekk huwa beda jħoss fawra kbira ma’ ġismu kollu.

4 Issa, meta hu sema’ li Alma u Amuleki kienu fl‑art ta’ Sidom, huwa beda jagħmel il‑qalb; u minnufih bagħatilhom messaġġ, fejn xtaqhom jiġu għandu.

5 U ġara li huma marru minnufih, fejn obdew il‑messaġġ li huwa kien bagħatilhom; u huma marru fid‑dar ta’ Żeżrom; u sabuh marid bla saħħa fuq soddtu, b’deni qawwi fuqu; u moħħu nħakem ukoll minn diqa kbira minħabba ħżunitu; u meta rahom huwa medd idu, u talabhom ifejquh.

6 U ġara li Alma qabadlu idu u qallu: Temmen inti fil‑qawwa ta’ Kristu għas‑salvazzjoni?

7 U hu wieġeb u qal: Iva, jien nemmen il‑kliem kollu li għallimt int.

8 U Alma qallu: Jekk int temmen fil‑fidwa ta’ Kristu int tista’ tiġi mfejjaq.

9 U huwa qal: Iva, jien nemmen dak li tgħid int.

10 Imbagħad Alma sejjaħ lill‑Mulej u qallu: O Mulej Alla tagħna, ikollok ħniena minn dan ir‑raġel; nitolbok tfejqu skont il‑fidi tiegħu fi Kristu.

11 U meta Alma qal dan il‑kliem, Żeżrom qam fuq riġlejh, u beda jimxi; u kif in‑nies kollha raw dan huma baqgħu miblugħin bil‑għaġeb; u l‑kelma ġriet mal‑art kollha ta’ Sidom.

12 U Alma għammed lil Żeżrom għall‑Mulej; u minn dak iż‑żmien ’il quddiem huwa mar ixandar fost il‑poplu.

13 U Alma waqqaf knisja fl‑art ta’ Sidom, u kkonsagra qassisin u għalliema fil‑pajjiż, biex huma jgħammdu għall‑Mulej lil kull min kellu x‑xewqa li jitgħammed.

14 U ġara li l‑għadd tagħhom kien wieħed kbir; għax il‑folol bdew ġejjin mill‑inħawi kollha li kien hemm madwar Sidom, u huma tgħammdu.

15 Iżda dwar in‑nies li kienu fl‑art ta’ Għammonija, huma baqgħu nies ta’ qalb iebsa u ta’ ras iebsa; u huma baqgħu ma nidmux minn dnubiethom, u bdew jattribwixxu l‑qawwa kollha ta’ Alma u Amuleki għax‑xitan; għax huma kienu tal‑istess twemmin ta’ Neħor, u ma kinux jemmnu fl‑indiema għal dnubiethom.

16 U ġara li Alma u Amuleki, Amuleki li għall‑kelma ta’ Alla kien ħalla warajh id‑deheb kollu tiegħu u l‑fidda kollha tiegħu, u l‑ħwejjeġ prezzjużi tiegħu, li kien hemm fl‑art ta’ Għammonija, hu li ġie mwarrab minn dawk li darba kienu sħabu kif ukoll minn missieru u minn qrabatu;

17 Għalhekk, wara li Alma waqqaf il‑knisja ġewwa Sidom, huwa seta’ jara li kienet seħħet bidla mill‑aktar kbira, iva, huwa seta’ jara li n‑nies ma baqgħux aktar imkabbra f’qalbhom, fejn huma bdew jumiljaw ruħhom quddiem Alla, u bdew jinġabru flimkien fis‑santwarji tagħhom biex iqimu lil Alla quddiem l‑artal, u bdew jishru u jitolbu bla heda, biex ikunu jistgħu jinħelsu minn idejn Satana, u mill‑mewt, u l‑qerda—

18 Issa kif diġà għidt, Alma, wara li ra dan kollu, ħa miegħu lil Amuleki u huma rħewlha lejn l‑art ta’ Żaraħemla, u huwa ħadu f’daru, u beda jdur bih fil‑hemm tiegħu, u lilu saħħaħ fil‑Mulej.

19 U b’hekk ġiet fi tmiemha l‑għaxar sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.