Kapitlu 16
Il‑Lamaniti jeqirdu lin‑nies ta’ Għammonija—Żoram imexxi lin‑Nefiti għal rebħa fuq il‑Lamaniti—Alma u Amuleki u ħafna oħrajn ixandru l‑kelma—Huma jgħallmu li wara l‑Qawmien tiegħu Kristu se jidher lin‑Nefiti. Madwar 81–77 Q.K.
1 U ġara li fil‑ħdax‑il sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, fil‑ħames jum tat‑tieni xahar, wara li kienet ilha ssaltan għal żmien paċi kbira fl‑art ta’ Żaraħemla, fejn għal bosta snin ma kien hemm la gwerer u lanqas tilwim, sewwasew sal‑ħames jum tat‑tieni xahar fil‑ħdax‑il sena, bdiet tiġri l‑aħbar ta’ gwerra mal‑pajjiż kollu.
2 Għax araw, l‑armati tal‑Lamaniti daħlu min‑naħa tax‑xagħri, fil‑fruntieri tal‑pajjiż, sewwasew ġol‑belt ta’ Għammonija, u bdew joqtlu lin‑nies u jeqirdu l‑belt.
3 U issa ġara li qabel man‑Nefiti kellhom iċ‑ċans li jiġbru armata kbira biżżejjed biex joħorġuhom ’il barra mill‑pajjiż, huma laħqu qerdu lin‑nies li kienu fil‑belt ta’ Għammonija, kif ukoll lil xi wħud li kienu fil‑fruntieri ta’ Noè, u anke qabdu oħrajn u ħaduhom magħhom bħala lsira fix‑xagħri.
4 Issa ġara li n‑Nefiti kellhom ix‑xewqa li jieħdu lura lil dawk li ttieħdu bħala lsira fix‑xagħri.
5 Għalhekk, dak li kien inħatar bħala kap kmandant fuq l‑armati tan‑Nefiti, (li kien jismu Żoram, u kellu żewġ subien, Leħi u Aħa)—issa dan Żoram u ż‑żewġ uliedu, għax kienu jafu li Alma kien il‑qassis il‑kbir fuq il‑knisja, u għax semgħu li huwa kellu l‑ispirtu tal‑profezija, għalhekk huma marru għandu u xtaqu jkunu jafu mingħandu jekk il‑Mulej riedhomx imorru fix‑xagħri ifittxu lil ħuthom, li kienu ttieħdu fil‑jasar mil‑Lamaniti.
6 U ġara li Alma staqsa lill‑Mulej dwar dan. U Alma reġa’ lura u qalilhom: Araw, il‑Lamaniti sejrin jaqsmu x‑xmara Sidon fin‑naħa t’isfel tax‑xagħri, lil hinn mill‑fruntieri tal‑art ta’ Manti. U araw, intom għandkom tiltaqgħu magħhom hemmhekk, fin‑naħa tal‑lvant tax‑xmara Sidon, u hemm il‑Mulej se jagħtikom lura lil ħutkom li ttieħdu fil‑jasar mil‑Lamaniti.
7 U ġara li Żoram u wliedu qasmu għan‑naħa l‑oħra tax‑xmara Sidon, flimkien mal‑armati tagħhom, u għaddew minn mal‑fruntieri ta’ Manti għan‑naħa t’isfel tax‑xagħri, fil‑lvant tax‑xmara Sidon.
8 U huma fetħu attakk fuq l‑armati tal‑Lamaniti, u l‑Lamaniti spiċċaw inxterdu u ġew mġiegħla jaħarbu lejn ix‑xagħri; u huma ħadu magħhom lil ħuthom li kienu ttieħdu fil‑jasar mil‑Lamaniti, u lanqas ruħ waħda ma ntilfet minn fost dawk li kienu ttieħdu fil‑jasar. U huma nġiebu lura minn ħuthom biex ikunu jistgħu jgħammru f’arthom.
9 U b’dal‑mod ġiet fi tmiemha l‑ħdax‑il sena tal‑imħallfin, fejn il‑Lamaniti ġew imkeċċija ’l barra mill‑pajjiż, u n‑nies ta’ Għammonija sfaw meqruda; iva, kull ħlejqa ħajja minn fost l‑Għammonijaħiti spiċċat meqruda, u l‑istess il‑belt kbira tagħhom, liema belt kienu qalu li Alla qatt ma seta’ jeqridha, minħabba l‑kobor tagħha.
10 Iżda araw, f’jum wieħed hija spiċċat ħerba; u l‑katavri spiċċaw imtertqa biċċiet mill‑klieb u l‑bhejjem selvaġġi tax‑xagħri.
11 Madankollu, wara bosta jiem l‑iġsma bla ħajja tagħhom spiċċaw munzell fl‑art u ġew mirduma taħt it‑trab. U issa tant kienet qawwija r‑riħa tagħhom li għal numru ta’ snin ħadd ma mar biex jieħu f’idu l‑art ta’ Għammonija. U hija kienet tissejjaħ il‑Ħerba tal‑Poplu ta’ Neħor; għax dawk li nqatlu kienu tal‑istess twemmin ta’ Neħor; u artijiethom baqgħu ħerba.
12 U l‑Lamaniti ma reġgħux ġew biex jiġġieldu kontra n‑Nefiti sal‑erbatax‑il sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi. U b’hekk għal tliet snin sħaħ il‑poplu ta’ Nefi esperjenza paċi kontinwa mal‑pajjiż kollu.
13 U Alma u Amuleki telqu jxandru l‑indiema fost il‑poplu fit‑tempji tagħhom, u fis‑santwarji tagħhom, kif ukoll fis‑sinagogi tagħhom, li kienu ġew mibnija bil‑mod kif kienu jibnu l‑Lhud.
14 U huma bdew jaqsmu l‑kelma ta’ Alla f’kull ħin ma’ dawk kollha li kienu lesti li jisimgħu kliemhom, mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.
15 U Alma u Amuleki komplew għaddejjin b’dal‑mod, u l‑istess għamlu ħafna oħrajn li ġew magħżula għall‑ħidma, biex imorru jxandru l‑kelma madwar il‑pajjiż kollu. U l‑knisja bdiet tiġi mwaqqfa mal‑pajjiż kollu, fl‑inħawi kollha tal‑madwar, fost il‑poplu Nefita kollu.
16 U ma kien hemm l‑ebda inugwaljanza bejniethom; il‑Mulej sawwab l‑Ispirtu tiegħu fuq wiċċ l‑art sabiex huwa jħejji l‑imħuħ ta’ wlied il‑bnedmin, jew aħjar biex huwa jħejji qalbhom ħalli huma jaċċettaw il‑kelma li għandha tiġi mgħallma fosthom fi żmien il‑miġja tiegħu—
17 Ħalli huma ma jwebbsux qalbhom kontra l‑kelma, u jkunu nies bla fidi, u jispiċċaw jinqerdu, iżda huma jkunu nies li jilqgħu l‑kelma b’ferħ, u bħal fergħa jiġu mlaqqma fid‑dielja vera, ħalli huma jkunu jistgħu jiksbu l‑mistrieħ tal‑Mulej Alla tagħhom.
18 Issa dawk il‑qassisin li marru fost il‑poplu bdew ixandru kontra kull gideb, u qerq, u għira, u ġlied, u malizzja, u tkasbir, u serq, u ngannar, u ssakkeġġar, u qtil, u atti ta’ adulterju, kif ukoll kontra kull xorta ta’ żína, u huma bdew jgħidu li dawn il‑ħwejjeġ m’għandhom qatt isiru—
19 U bdew ixandru dwar ħwejjeġ li se jiġu fis‑seħħ dalwaqt; iva, huma bdew ixandru dwar il‑miġja tal‑Iben t’Alla, dwar it‑tbatija u l‑mewt tiegħu, kif ukoll dwar il‑qawmien tal‑mejtin.
20 U ħafna min‑nies xtaqu jkunu jafu dwar il‑post fejn għandu jiġi Bin Alla; u huma ġew mgħallma li huwa kien se jidher fosthom wara l‑qawmien tiegħu mill‑imwiet; u n‑nies laqgħu dan b’ferħ kbir u b’hena liema bħalha.
21 U issa wara li l‑knisja ġiet imwaqqfa madwar il‑pajjiż kollu—wara li kisbet ir‑rebħa fuq ix‑xitan, u l‑kelma ta’ Alla ġiet imxandra fis‑safà kollha tagħha mal‑pajjiż kollu, u l‑Mulej sawwab barkietu fuq il‑poplu—ġiet fi tmiemha sewwasew l‑erbatax il‑sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.