Rakkont tal‑ulied subien ta’ Mosija, li għall‑kelma ta’ Alla ċaħdu d‑dritt tagħhom għas‑saltna, u li telgħu fl‑art ta’ Nefi biex ixandru l‑kelma fost il‑Lamaniti; it‑tbatija u l‑ħelsien tagħhom—skont il‑kitba ta’ Alma.
Jikkonsisti minn kapitlu 17 sa 27.
Kapitlu 17
Ulied Mosija għandhom l‑ispirtu tal‑profezija u tar‑rivelazzjoni—Kull wieħed minnhom jerħilha f’direzzjoni differenti biex ixandar il‑kelma lil‑Lamaniti—Għammon jerħilha lejn l‑art ta’ Ismagħel u jsir il‑qaddej tas‑Sultan Lamoni—Għammon isalva l‑merħliet tas‑sultan u joqtol lill‑għedewwa tiegħu fl‑ilma ta’ Sebu. Versi 1–3, madwar 77 Q.K.; vers 4, madwar 91–77 Q.K.; u versi 5–39, madwar 91 Q.K.
1 U issa ġara li hekk kif Alma kien fi triqtu lejn l‑art ta’ Manti mill‑art ta’ Gidgħon fin‑nofsinhar tal‑pajjiż, araw, hu baqa’ mistagħġeb hekk kif ġie wiċċ imb wiċċ ma’ wlied Mosija li kienu jinsabu fi triqthom lejn l‑art ta’ Żaraħemla.
2 Issa dawn ulied Mosija kienu ma’ Alma meta deherlu l‑anġlu l‑ewwel darba; għalhekk Alma kien se jtir bil‑ferħ kif ra lil ħutu; u hu feraħ l‑aktar għaliex huma kienu għadhom ħutu fil‑Mulej; iva, u huma kienu ssaħħu fl‑għarfien tal‑verità; għaliex huma kienu nies ta’ fehma soda, u kienu fittxew bir‑reqqa fl‑iskrittura, biex isiru jafu l‑kelma ta’ Alla.
3 Iżda dan mhux kollox; huma qattgħu ħafna minn ħinhom jitolbu, u jsumu; għalhekk huma kellhom l‑ispirtu tal‑profezija, u l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni, u meta għallmu, huma għallmu bil‑qawwa u l‑awtorità ta’ Alla.
4 U huma għaddew erbatax‑il sena jgħallmu l‑kelma ta’ Alla fost il‑Lamaniti, fejn huma tassew irnexxielhom iwasslu lil ħafna għall‑għarfien tal‑verità; iva, bil‑qawwa ta’ kliemhom kienu ħafna li nġiebu quddiem l‑artal ta’ Alla, biex isejħu ismu u jistqarru dnubiethom quddiemu.
5 Issa dawn huma ċ‑ċirkustanzi li ltaqgħu magħhom fil‑vjaġġi tagħhom, għax huma għaddew minn ħafna taħbit; u sofrew ferm, kemm fil‑ġisem u kemm fil‑moħħ, bħall‑ġuħ, l‑għatx u l‑għeja, u huma tqabdu ħafna wkoll fl‑ispirtu.
6 Issa dawn kienu l‑vjaġġi tagħhom: Wara li sellmu lil missierhom, Mosija, fl‑ewwel sena tal‑imħallfin; wara li rrifjutaw is‑saltna li missierhom kien jixtieq jagħtihom, ħaġa li kienet ukoll il‑fehma tan‑nies;
7 Madankollu huma telqu ’l barra mill‑art ta’ Żaraħemla, u ħadu magħhom ix‑xwabel tagħhom, u l‑lanez tagħhom, u l‑qwies tagħhom, u l‑vleġeġ tagħhom, u l‑iżbandoli tagħhom; u huma għamlu dan ħalli jkunu jistgħu jipprovdu l‑ikel għalihom infushom waqt li jkunu fix‑xagħri.
8 U b’hekk huma rħewlha lejn ix‑xagħri flimkien ma’ oħrajn li huma għażlu, biex jitilgħu fl‑art ta’ Nefi, ħalli jxandru l‑kelma ta’ Alla lil‑Lamaniti.
9 U ġara li huma għaddew bosta jiem jivvjaġġaw fix‑xagħri, u qattgħu ħin twil isumu u jitolbu ħalli l‑Mulej jagħtihom sehem mill‑Ispirtu tiegħu biex jgħammar tagħhom, u jibqa’ magħhom, ħalli huma jkunu jistgħu ikunu strument f’idejn Alla biex iwasslu, jekk hu possibbli, lil ħuthom, il‑Lamaniti, għall‑għarfien tal‑verità, biex huma jagħrfu l‑ħażen ta’ twemmin missirijiethom, li kien twemmin żbaljat.
10 U ġara li l‑Mulej żarhom permezz tal‑Ispirtu tiegħu, u qalilhom: Qawwu qalbkom. U huma għamlu l‑qalb.
11 U l‑Mulej qalilhom ukoll: Morru fost ħutkom, il‑Lamaniti, u wasslulhom kelmti; madankollu araw li żżommu l‑paċenzja fis‑sabar u t‑taħbit, ħalli tkunu tistgħu tagħtuhom eżempji tajba permezz tiegħi, u jiena nagħmilkom strument f’idejja għas‑salvazzjoni ta’ bosta erwieħ.
12 U ġara li wlied Mosija, kif ukoll dawk li kienu magħhom, qawwew qalbhom u bdew iħejju biex imorru fost il‑Lamaniti ħalli jxandrulhom il‑kelma ta’ Alla.
13 U ġara li meta waslu fil‑fruntieri tal‑art tal‑Lamaniti, huma nfirdu minn xulxin u kull wieħed minnhom irħielha għal triqtu, u bdew jittamaw fil‑Mulej li jerġgħu jiltaqgħu għal darb’oħra fi tmiem il‑ħsad tagħhom; għax huma kienu qed jassumu li l‑ħidma li kienu daħlu għaliha kienet waħda kbira.
14 U bla dubju li kienet waħda kbira, għax huma kienu kkommettew ruħhom li jxandru l‑kelma ta’ Alla lil nies slavaġ u ta’ qalb iebsa u feroċi; nies li kienu jieħdu gost joqtlu lin‑Nefiti, u jisirquhom u jeħdulhom dak li għandhom; u qalbhom kienet marbuta mal‑ġid materjali, jew mad‑deheb u l‑fidda, u l‑ħaġar prezzjuż; madankollu huma ppruvaw jiksbu dawn il‑ħwejjeġ billi joqtlu u jisirqu, ħalli ma jkollhomx għalfejn jaħdmu għalihom permezz ta’ jdejhom.
15 Għalhekk huma kienu nies vera għażżenin, u ħafna minnhom kienu jqimu allat foloz, u kienet waqgħet fuqhom is‑saħta ta’ Alla minħabba t‑twemmin ta’ missirijiethom; madankollu l‑wegħdiet tal‑Mulej kienu disponibbli għalihom ladarba huma jindmu.
16 Għalhekk, kien minħabba f’hekk li wlied Mosija daħlu għall‑ħidma, biex forsi jkunu jistgħu jwassluhom għall‑indiema; biex forsi jkunu jistgħu jwassluhom ħalli jsiru jafu dwar il‑pjan tal‑fidwa.
17 Għalhekk huma nfirdu minn xulxin, u marru fosthom, u kull wieħed telaq għal rasu, skont il‑kelma u l‑qawwa ta’ Alla li ġiet mogħtija lilu.
18 Issa Għammon kien il‑mexxej tagħhom, jew aħjar dak li kien jieħu ħsieb ħtiġijiethom, u huwa telaq minn ħdejhom, wara li berikhom skont id‑diversi sejħiet tagħhom, u wara li qasam magħhom il‑kelma ta’ Alla, u wara li qabel ma telaq ħa ħsieb ħtiġijiethom; u b’hekk kull wieħed minnhom irħielha lejn direzzjoni differenti madwar il‑pajjiż.
19 U Għammon mar fl‑art ta’ Ismagħel, l‑art li kienet imsemmija għal ulied Ismagħel, li kienu saru wkoll Lamaniti.
20 U hekk kif Għammon daħal fl‑art ta’ Ismagħel, il‑Lamaniti qabduh u rabtuh, kif kienet id‑drawwa tagħhom li jorbtu lin‑Nefiti kollha li kienu jispiċċaw f’idejhom, u joħduhom quddiem is‑sultan; u b’hekk kienu jħallu f’idejn is‑sultan jekk joqtolhomx, jew iżommhomx bħala lsira, jew jitfagħhomx il‑ħabs, jew ikeċċihomx ’il barra minn artu, skont ir‑rieda u x‑xewqa tiegħu.
21 U b’hekk Għammon ittieħed quddiem is‑sultan li kien isaltan fuq l‑art ta’ Ismagħel; u ismu kien Lamoni; u hu kien ġej min‑nisel ta’ Ismagħel.
22 U s‑sultan staqsa lil Għammon jekk kellux ix‑xewqa li jgħammar fil‑pajjiż fost il‑Lamaniti, jew fost il‑poplu tiegħu.
23 U Għammon qallu: Iva, nixtieq li għal xi żmien ngħammar fost il‑poplu tiegħek; iva, u jekk jista’ jkun nibqa’ hawn sakemm immut.
24 U ġara li s‑sultan Lamoni kien ferħan ħafna b’Għammon, u ordna li huwa jinħall mill‑ħbula li kien marbut bihom; u ried li Għammon jieħu lil waħda mill‑bniet tiegħu bħala martu.
25 Iżda Għammon qallu: Le, iżda jiena lest li nkun il‑qaddej tiegħek. Għalhekk Għammon sar il‑qaddej tas‑sultan Lamoni. U ġara li huwa ntalab biex flimkien ma’ qaddejja oħra joqgħod għassa mal‑merħliet ta’ Lamoni, skont id‑drawwa tal‑Lamaniti.
26 U wara li kien ilu tlett ijiem għas‑servizz tas‑sultan, hekk kif huwa kien jinsab mal‑qaddejja Lamaniti li kienu mexjin b’merħliethom lejn il‑post bl‑ilma, li kien jissejjaħ l‑ilma ta’ Sebu, fejn il‑Lamaniti kollha kienu jġibu l‑merħliet tagħhom, ħalli jkunu jistgħu jixorbu—
27 Għalhekk, hekk kif Għammon u l‑qaddejja tas‑sultan kienu sejrin b’merħliethom lejn dan il‑post bl‑ilma, araw, għadd ta’ Lamaniti, li kienu marru biex jisqu l‑merħliet tagħhom, waqfu u bdew ixerrdu l‑merħliet ta’ Għammon u tal‑qaddejja tas‑sultan, u xerrduhom b’tali mod li bdew jiġru lkoll lejn direzzjoni differenti.
28 Issa l‑qaddejja tas‑sultan bdew igergru u jgħidu: Issa s‑sultan se joqtolna, kif għamel lil ħutna għax il‑merħliet tagħhom spiċċaw imxerrdin minħabba l‑ħażen ta’ dawn in‑nies. U huma bdew jibku biki kbir, u jgħidu: Araw, merħlietna diġà spiċċaw imxerrdin ma’ kullimkien.
29 Issa huma bdew jibku għax beżgħu li jinqatlu. Issa meta Għammon ra dan qalbu mtliet b’hena mill‑aktar kbira; għax, hu qal, jiena sejjer nuri l‑qawwa tiegħi, jew il‑qawwa li tinsab fija, lil dawn il‑qaddejja sħabi, billi nġib lura għand is‑sultan dawn il‑merħliet, ħalli nkun nista’ nikseb il‑fiduċja ta’ dawn il‑qaddejja sħabi, ħalli nkun nista’ nwassalhom biex jemmnu fi kliemi.
30 U issa, dan hu dak li kien għaddej minn moħħ Għammon, meta beda jara l‑hemm ta’ dawk li huwa kien isejħilhom ħutu.
31 U ġara li huwa beda jgħidilhom ħafna kliem ħelu u qalilhom: Ħuti, agħmlu l‑qalb u ejja mmorru nfittxu l‑merħliet, u niġbruhom flimkien u nġibuhom lura fil‑post bl‑ilma; u b’hekk aħna nkunu nistgħu nħarsu l‑merħliet għas‑sultan u huwa ma joqtolniex.
32 U ġara li huma marru jfittxu l‑merħliet, u mxew wara Għammon, u għamlu dan b’ħeffa liema bħalha u rnexxielhom idawru r‑rotta tal‑merħliet tas‑sultan, u għal darb’oħra ġabruhom flimkien ħdejn il‑post bl‑ilma.
33 U dawk l‑irġiel reġgħu marru biex ixerrdu l‑merħliet tagħhom; iżda Għammon qal lil ħutu: Dawru l‑merħliet dawramejt ħalli ma jaħarbux; u jiena mmur neħodha ma’ dawn l‑irġiel li xerrdu l‑merħliet tagħna.
34 Għalhekk, huma għamlu kif ordnalhom Għammon, u huwa mar u lesta ruħu biex jeħodha ma’ dawk li kienu jinsabu ħdejn l‑ilmijiet ta’ Sebu; u l‑għadd tagħhom ma kienx wieħed żgħir.
35 Għalhekk huma ma beżgħux minn Għammon, għax bdew jassumu li wieħed minnhom kien biżżejjed biex joqtlu kif xtaqu huma, għaliex ma kinux jafu li l‑Mulej kien wiegħed lil Mosija li kien sejjer jeħles lil uliedu minn idejhom; u huma lanqas ma kienu jafu dwar il‑Mulej; għalhekk kienu jieħu gost bil‑qerda ta’ ħuthom; u kien għalhekk li huma marru jxerrdu l‑merħliet tas‑sultan.
36 Iżda Għammon mar u beda jitfgħalhom il‑ġebel bl‑iżbandola li kellu; iva, huwa beda jwaddbilhom il‑ġebel bl‑iżbandola b’qawwa kbira; u b’dal‑mod huwa qatel lil xi wħud minnhom tant illi huma bdew jistagħġbu bil‑qawwa tiegħu; madankollu huma mtlew bil‑korla minħabba ħuthom li sfaw maqtula, u qatgħuha li jpattuhielu; għalhekk, meta huma raw li ma setgħux jolqtuh bil‑ġebel tagħhom, qabdu l‑lembubi u marru biex joqtluh.
37 Iżda araw, permezz tax‑xabla tiegħu, Għammon qata’ dirgħajn l‑irġiel kollha li għollew il‑lembuba biex jidorbuh; għax huwa rreżista d‑daqqiet tagħhom billi beda jagħtihom fuq dirgħajhom b’xifer ix‑xabla tiegħu, hekk li huma bdew jistagħġbu, u bdew jaħarbu minn quddiemu; iva, u l‑għadd tagħhom ma kienx wieħed żgħir; u bil‑qawwa ta’ driegħu huwa ġegħelhom jaħarbu.
38 Issa sitta minnhom spiċċaw midruba permezz tal‑iżbandola, iżda huwa ma qatel lil ħadd permezz tax‑xabla ħlief lill‑mexxej tagħhom; u hu qata’ dirgħajn dawk kollha li għollew dirgħajhom kontrih, u huma ma kinux ftit.
39 U meta huwa ra li kien irnexxielu jbegħedhom waħda sew, hu reġa’ lura u huma sqew merħliethom u ħaduhom lura fil‑mergħa tas‑sultan, u mbagħad daħlu għand is‑sultan, iġorru d‑dirgħajn ta’ dawk li ppruvaw joqtlu lil Għammon, li ġew maqtugħa permezz tax‑xabla tiegħu; u huma ttieħdu quddiem is‑sultan bħala xhieda ta’ dak li kienu għamlu.