Skrittura
Alma 19


Kapitlu 19

Lamoni jirċievi d‑dawl tal‑ħajja ta’ dejjem u jara lill‑Feddej—In‑nies ta’ daru jidħlu f’estasi, u ħafna jaraw l‑anġli—Għammon jiġi mħares b’mod mirakoluż—Huwa jgħammed lil ħafna u jwaqqaf knisja fosthom. Madwar 90 Q.K.

1 U ġara li wara jumejn u żewġt iljieli huma kienu se jieħdu l‑ġisem tiegħu u jqegħduh f’qabar, li kienu għamlu biex jidfnu fih lill‑mejtin tagħhom.

2 Issa s‑sultana, peress li semgħet bil‑fama ta’ Għammon, bagħtet għalih u xtaqitu jiġi ħdejha.

3 U ġara li Għammon għamel kif ordnatlu, u daħal ħdejn is‑sultana, u xtaq ikun jaf x’riditu jagħmel.

4 U hija qaltlu: Il‑qaddejja ta’ żewġi għarrfuni li inti profeta ta’ Alla mqaddes, u li int għandek qawwa li twettaq bosta għeġubijiet kbar f’ismu;

5 Għalhekk, jekk huwa dan, nixtieq li inti tidħol ġewwa u tara lil żewġi, għaliex ilu mimdud f’soddtu jumejn u żewġt iljieli; u xi wħud qed jgħidu li mhuwiex mejjet, iżda oħrajn qed jgħidu li mejjet, u li beda jrejjaħ, u jeħtieġ li jitqiegħed fil‑qabar; iżda ngħid għalija, ma naħsibx li qed irejjaħ.

6 Issa, din kienet ix‑xewqa ta’ Għammon, għax hu kien jaf li s‑sultan Lamoni kien jinsab taħt il‑qawwa ta’ Alla; kien jaf li l‑velu skur tan‑nuqqas ta’ fidi kien qed jgħib minn moħħu, u d‑dawl li dawwallu moħħu, li kien id‑dawl tal‑glorja ta’ Alla, kien id‑dawl tal‑għaġeb ta’ tjubitu—iva, dan id‑dawl imlielu ruħu b’hena tant kbira, li s‑sħab iswed spiċċa biex għeb, u d‑dawl tal‑ħajja ta’ dejjem dawwallu ruħu, iva, u hu kien jaf li dan wasal biex għeleb il‑ġisem naturali tiegħu, u li huwa kien inġarr f’Alla—

7 Għalhekk, dak li xtaqet minnu s‑sultana kienet ix‑xewqa waħdanija tiegħu. Għalhekk, huwa daħal biex jara lis‑sultan skont kif xtaqet minnu s‑sultana; u hu ħares lejn is‑sultan, u kien jaf li ma kienx mejjet.

8 U hu qal lis‑sultana: Mhuwiex mejjet, iżda huwa jinsab rieqed f’Alla, u għada se jerġa’ jqum; għalhekk tidfnuhx.

9 U Għammon qalilha: Temmnu inti dan? U hija qaltlu: Ma kelli l‑ebda xhieda oħra ħlief il‑kelma tiegħek, u l‑kelma tal‑qaddejja tagħna; madankollu jien nemmen li kollox se jseħħ kif inti għidt.

10 U Għammon qalilha: Hienja inti minħabba l‑fidi kbira tiegħek; jiena ngħidlek, mara, m’hemm ħadd fost il‑poplu kollu Nefita li għandu fidi kbira bħal din.

11 U ġara li hi baqgħet għassa mas‑sodda ta’ żewġha, minn dak il‑ħin sal‑għada, sal‑mument li fih Għammon qal li hu kellu jqum.

12 U ġara li huwa qam, skont il‑kliem ta’ Għammon; u hekk kif qam, huwa medd idu lejn il‑mara u qal: Ikun imbierek isem Alla, u hienja inti.

13 Għax daqs kemm naf li inti ħajja, daqshekk ieħor naf li jiena rajt lill‑Feddej tiegħi; u huwa għandu jiġi, u jitwieled minn mara, u hu sejjer jifdi lill‑bnedmin kollha li jemmnu f’ismu. Issa, meta qal dan il‑kliem, huwa ħass qalbu titqanqal ġewwa fih, u reġa’ waqa’ mal‑art bil‑hena; u s‑sultana waqgħet mal‑art ukoll, għax hija nħakmet mill‑Ispirtu.

14 Issa Għammon meta ra l‑Ispirtu tal‑Mulej jissawwab, skont talbu, fuq ħutu l‑Lamaniti, li kienu dawk li ġabu daqstant niket fost in‑Nefiti, jew fost il‑poplu kollu ta’ Alla, minħabba ħżunithom u twemminhom, huwa niżel għarkupptejh, u beda joffri ruħu fit‑talb u r‑radd il‑ħajr quddiem Alla għal dak li kien għamel għal ħutu; u huwa wkoll ħassu jinħakem minn daqstant hena; u b’hekk it‑tlieta li huma spiċċaw waqgħu mal‑art.

15 Issa, meta l‑qaddejja tas‑sultan raw li kienu waqgħu mal‑art, huma wkoll bdew isejħu lil Alla, għax spiċċaw inħakmu wkoll mill‑biża’ tal‑Mulej, għax kienu huma li kienu marru quddiem is‑sultan u xehdu miegħu dwar il‑qawwa kbira ta’ Għammon.

16 U ġara li huma bdew isejħu isem il‑Mulej, bil‑qawwa kollha tagħhom, sewwasew sakemm huma lkoll waqgħu mal‑art, ħlief għal waħda mara Lamaniti, li kien jisimha Abis, li kienet ilha snin li kkonvertiet għall‑Mulej, minħabba dehra tal‑għaġeb li kellu missierha—

17 B’hekk, minħabba li hija kienet ikkonvertiet għall‑Mulej, u qatt ma kienet uriet lil ħadd b’dan, għalhekk, meta rat li l‑qaddejja kollha ta’ Lamoni kienu waqgħu mal‑art, u l‑istess sidha s‑sultana, u s‑sultan, u Għammon, li wkoll kienu mixħutin minn tulhom fl‑art, hija kienet taf li kienet il‑qawwa ta’ Alla; u għax ħasbet li din l‑opportunità, li tgħarraf lin‑nies b’dak li kien seħħ fosthom, li jaraw b’għajnejhom din ix‑xena, seta’ jwassalhom biex jemmnu fil‑qawwa ta’ Alla, għalhekk hija bdiet tiġri minn dar għall‑oħra, tgħarraf lin‑nies b’dan.

18 U huma bdew jinġabru flimkien fid‑dar tas‑sultan. U ġew għadd kbir ta’ nies, u huma stagħġbu meta raw lis‑sultan, u lis‑sultana, u lill‑qaddejja tagħhom mixħutin minn tulhom fl‑art, u kollha kemm huma kienu mindudin hemm bħallikieku mejtin; u huma raw ukoll lil Għammon, u raw li huwa kien Nefita.

19 U issa n‑nies bdew igergru bejniethom; u xi wħud bdew jgħidu li kien niżel fuqhom, jew aħjar fuq is‑sultan u n‑nies ta’ daru, ħażen kbir, għaliex huwa kien ħalla lil dan in‑Nefita jibqa fil‑pajjiż.

20 Iżda oħrajn bdew iċanfruhom u jgħidu: Is‑sultan ġab dan il‑ħażen fuq daru, minħabba li huwa qatel lill‑qaddejja tiegħu li merħliethom kienu ġew imxerrda fl‑ilmijiet ta’ Sebu.

21 U huma qalgħu ċanfira wkoll minn dawk l‑irġiel li kienu jinsabu weqfin ħdejn l‑ilmijiet ta’ Sebu u li kienu xerrdu l‑merħliet tas‑sultan, għaliex huma mtlew bil‑korla għal Għammon minħabba l‑ħafna minn ħuthom li huwa kien qatel ħdejn l‑ilmijiet ta’ Sebu, waqt li kien qed jiddefendi l‑merħliet tas‑sultan.

22 Issa, wieħed minnhom, li ħuh kien inqatel permezz tax‑xabla ta’ Għammon, li kien jinsab inkurlat bil‑kbir għal Għammon, silet ix‑xabla u resaq ’il quddiem biex iħalliha tinżel fuq Għammon, ħalli joqtlu; u hekk kif għolla x‑xabla biex jidorbu, araw, huwa waqa’ mal‑art mejjet.

23 Issa qed naraw li ħadd ma seta’ joqtol lil Għammon, għax il‑Mulej qal lil missieru, Mosija: Jiena lilu se nħares, u se jsir minnu skont il‑fidi tiegħek—għalhekk, Mosija fdah f’idejn il‑Mulej,

24 U ġara li meta l‑miġemgħa rat li r‑raġel, li għolla x‑xabla biex joqtol lil Għammon, waqa’ u miet, huma nħakmu lkoll mill‑biża’, u m’azzardawx imeddu jdejhom biex imissuh jew imissu lil dawk li kienu waqgħu fl‑art; u huma reġgħu bdew jistagħġbu bejniethom x’setgħet kienet il‑kawża ta’ din il‑qawwa kbira, jew x’kienet it‑tifsira ta’ dan kollu.

25 U ġara li kien hemm ħafna fosthom li qalu li Għammon kien l‑Ispirtu l‑Kbir, u xi oħrajn qalu li huwa kien ġie mibgħut mill‑Ispirtu l‑Kbir.

26 Iżda kien hemm oħrajn li bdew iċanfruhom ilkoll u jgħidu li huwa kien mostru, li kien mibgħut min‑Nefiti biex jitturmentahom.

27 U kien hemm xi wħud li qalu li Għammon kien ġie mibgħut mill‑Ispirtu l‑Kbir biex jgħakkishom minħabba ħżunithom; u li kien sewwasew l‑Ispirtu l‑Kbir li dejjem ħares lin‑Nefiti, u li dejjem ħelishom minn idejhom; u huma qalu li kien l‑Ispirtu l‑Kbir li kien qered daqstant minn ħuthom, il‑Lamaniti.

28 U b’hekk it‑tilwim ta’ bejniethom aktar ma jmur aktar beda jiħrax. U waqt li huma kienu għadhom qed jitlewmu, ġiet il‑qaddejja li kienet talbet lill‑miġemgħa biex tinġabar flimkien, u meta hija rat it‑tilwim li kien hemm bejn il‑folla hija tnikktet bil‑kbir, tant li nfaqgħet tibki.

29 U ġara li hija marret u qabdet lis‑sultana minn idejha, biex forsi tqajjimha mill‑art; u hekk kif missitilha idha hija qamet u waqfet fuq riġlejha, u bdiet tgħajjat b’leħen għoli u tgħid: Imbierek int O Ġesù li salvajtni minn infern tal‑biża’! O imbierek Alla, ikollok ħniena minn dan il‑poplu!

30 U meta qalet dan, hi għafset idejha flimkien, u b’hena kbira bdiet tgħid ħafna kliem li ħadd ma seta’ jifhmu; u hekk kif għamlet dan, hija qabdet lis‑sultan Lamoni minn idu, u araw huwa qam u waqaf fuq riġlejh.

31 U hekk kif ra lin‑nies jitlewmu bejniethom, huwa mar quddiemhom u beda jċanfarhom, u beda jgħallimhom il‑kliem li kien sema’ minn fomm Għammon; u dawk kollha li semgħu kliemu emmnu, u kkonvertew għall‑Mulej.

32 Iżda kien hemm ħafna fosthom li ma ridux jisimgħu kliemu; għalhekk qabdu u telqu.

33 U ġara li meta Għammon qam fuq saqajh huwa beda jdur bihom, u l‑istess għamlu l‑qaddejja ta’ Lamoni; u huma lkoll bdew ixandru lin‑nies l‑istess ħaġa—li kienet seħħet bidla kbira f’qalbhom; u li huma ma kellhomx aktar xewqa li jagħmlu l‑ħażen.

34 U araw, bosta kienu li bdew ixandru lill‑poplu u jgħidu li huma kienu raw l‑anġli u tkellmu magħhom; u b’hekk huma kellmuhom dwar il‑ħwejjeġ ta’ Alla, u dwar il‑ġustizzja tiegħu.

35 U ġara li kien hemm ħafna li emmnu fi kliemhom; u dawk kollha li emmnu ġew mgħammda; u saru poplu ġust, u huma waqqfu knisja fosthom.

36 U b’hekk ingħata bidu għall‑ħidma tal‑Mulej fost il‑Lamaniti; għalhekk il‑Mulej beda jsawwab l‑Ispirtu tiegħu fuqhom; u b’hekk naraw li huwa jestendi driegħu lil dawk kollha li jindmu u jemmnu f’ismu.