Il‑Ktieb ta’ Alma
Bin Alma
Rakkont ta’ Alma, li kien bin Alma, l‑ewwel prim imħallef tal‑poplu ta’ Nefi, kif ukoll il‑qassis il‑kbir tal‑Knisja. Rakkont tas‑saltna tal‑imħallfin, u l‑gwerer u t‑tilwim fost il‑poplu. Kif ukoll rakkont ta’ gwerra li qamet bejn in‑Nefiti u l‑Lamaniti, skont il‑kitba ta’ Alma, l‑ewwel prim imħallef.
Kapitlu 1
Neħor jgħallem duttrina falza, iwaqqaf knisja, jintroduċi l‑frodi saċerdotali, u joqtol lil Gidgħon—Neħor jingħata l‑mewt minħabba r‑reati tiegħu—Tikber il‑frodi saċerdotali u l‑persekuzzjoni fost il‑poplu—Il‑qassisin imantnu lilhom infushom, in‑nies jieħdu ħsieb il‑foqra, u l‑Knisja tissaħħaħ. Madwar 91–88 Q.K.
1 Issa ġara li fl‑ewwel sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, minn issa ’l quddiem, is‑sultan Mosija qabad it‑triq tal‑bnedmin kollha tal‑art, hu li tqabad taqbida tajba, li mexa fis‑sewwa quddiem Alla, li warajh ma ħalla ’l ħadd biex isaltan minfloku; madankollu huwa għamel ċerta liġijiet li ġew aċċettati min‑nies; għalhekk huma kienu obbligati li jobdu l‑liġijiet li huwa għamel.
2 U ġara li fl‑ewwel sena tas‑saltna ta’ Alma fis‑siġġu tat‑tribunal, inġieb quddiemu raġel biex hu jagħmel ħaqq minnu, raġel li kien ta’ statura kbira, u li kien magħruf għas‑saħħa kbira li kellu.
3 U huwa kien mar idur fost il‑poplu, ixandrilhom dik li kien iddeskriviha bħala l‑kelma ta’ Alla, li kienet tmur kontra l‑knisja; u beda jgħid lin‑nies li kien hemm bżonn li kull qassis u għalliem ikun popolari; u li huma ma kellhomx jaħdmu b’idejhom, iżda kellu jagħmel tajjeb għalihom il‑poplu.
4 U huwa xehed ukoll mal‑poplu li l‑bnedmin kollha kienu se jsalvaw fl‑aħħar jum, u li ma kellhomx għalfejn jibżgħu jew jirtogħdu, iżda huma setgħu jerfgħu rashom u jithennew; għax il‑Mulej ħoloq lil kull bniedem, u hu feda wkoll lil kull bniedem; u maż‑żmien, il‑bnedmin kollha sejrin jiksbu l‑ħajja ta’ dejjem.
5 U ġara li huwa tant dam jgħallem dawn il‑ħwejjeġ li kienu bosta li emmnu fi kliemu, u huma tant kienu, li spiċċaw jagħmlu tajjeb għalih u jagħtuh il‑flus.
6 U huwa beda jitkabbar f’qalbu, u beda jilbes ilbies jiswa’ ħafna flus, iva, u saħansitra ra li jwaqqaf knisja skont dak li kien jippriedka.
7 U ġara li waqt li huwa kien sejjer biex ixandar il‑kelma lil dawk li emmnu fi kliemu, huwa ltaqa’ ma’ raġel li kien fil‑knisja ta’ Alla, iva, sewwasew wieħed mill‑għalliema tagħhom; u hu beda jeħodha miegħu b’qawwa, biex forsi jkun jista’ jirbaħ lin‑nies tal‑knisja; iżda dan ir‑raġel waqaflu, u beda jwiddbu permezz tal‑kelma ta’ Alla.
8 Issa dan ir‑raġel kien jismu Gidgħon; u huwa kien dak li kien strument f’idejn Alla biex inħelsu n‑nies ta’ Limħi mill‑jasar.
9 Issa, peress li Gidgħon waqaflu permezz tal‑kelma ta’ Alla huwa nkorla bil‑kbir għal Gidgħon, u silet ix‑xabla u beda jagħtih biha. Issa Gidgħon kien imdaħħal sew fiż‑żmien, għalhekk ma kienx kapaċi jirreżisti d‑daqqiet tiegħu, u b’hekk huwa safa maqtul permezz tax‑xabla.
10 U r‑raġel li qatlu ttieħed min‑nies tal‑knisja quddiem Alma, biex jagħmel ħaqq minnu skont ir‑reati li huwa wettaq.
11 U ġara li huwa waqaf quddiem Alma u beda jitolbu b’qawwa biex iħenn għalih.
12 Iżda Alma qallu: Ara, din hija l‑ewwel darba li dan il‑poplu qed jesperjenza l‑frodi saċerdotali. U ara, inti mhux biss ħati ta’ frodi saċerdotali, iżda inti ppruvajt iddaħħalha permezz tax‑xabla; u li kieku tidħol il‑frodi saċerdotali fost dan il‑poplu hija twassal għall‑qerda sħiħa tagħhom.
13 U inti xerridt ukoll id‑demm ta’ bniedem ġust, iva, bniedem li wettaq tant ġid fost dan il‑poplu; u li kieku jien kelli nuri ħniena miegħek, demmu żgur jinżel fuqna jitlob vendetta.
14 Għalhekk inti kkundannat għall‑mewt, skont il‑liġi li ngħatat lilna minn Mosija, l‑aħħar sultan tagħna; liema liġi qabel magħha dal‑poplu kollu; għalhekk dan il‑poplu jeħtieġ li jobdi l‑liġi.
15 U ġara li huma ħaduh f’idejhom; u ismu kien Neħor; u huma ġarrewh lejn il‑quċċata tal‑għolja Manti, u hemmhekk huwa ġie mitlub jgħid, jew aħjar jistqarr, bejn is‑sema u l‑art, li dak li huwa kien għallem lin‑nies kien imur kontra l‑kelma ta’ Alla; u hemmhekk huwa sofra mewta mill‑aktar umiljanti.
16 Madankollu, dan ma żammx il‑frodi saċerdotali milli tinfirex madwar il‑pajjiż; għax kienu ħafna li kienu jħobbu l‑frugħa tad‑dinja, u li marru jxandru duttrina falza; u huma għamlu dan għall‑imħabba li kellhom lejn il‑ġid materjali u lejn l‑unuri.
17 Madankollu, huma m’azzardawx jgħidu kelma b’oħra, jekk li jgħidu jsir magħruf, għax kienu jibżgħu mil‑liġi, għax min jgħid kelma b’oħra kien jiġi kkastigat; għalhekk huma ppretendew li setgħu jippridkaw skont twemminhom; u issa l‑liġi ma seta’ jkollha l‑ebda setgħa fuq xi ħadd minħabba twemminu.
18 U huma m’azzardawx jisirqu, għax kienu jibżgħu mil‑liġi, għax min jisraq kien jiġi kkastigat; lanqas m’azzardaw jieħdu dak li mhux tagħhom, jew joqtlu, għax min joqtol kien jingħata l‑mewt.
19 Iżda ġara li kull min ma kienx jagħmel parti mill‑knisja ta’ Alla beda jippersegwita lil dawk li kienu jagħmlu parti mill‑knisja ta’ Alla, u li ħadu fuqhom isem Kristu.
20 Iva, huma bdew jippersegwitawhom, u jweġġgħuhom b’kull tip ta’ diskors, u dan minħabba l‑umiltà tagħhom; għaliex f’għajnejhom ma kinux nies imkabbrin, u għax huma bdew jaqsmu l‑kelma ta’ Alla bejniethom, mingħajr flus u mingħajr ħlas.
21 Issa, fost in‑nies tal‑knisja kien hemm liġi mill‑aktar ċara li tgħid li l‑ebda bniedem, li kien jagħmel parti mill‑knisja, ma kellu jqum u jippersegwita lil dawk li ma kinux jagħmlu parti mill‑knisja, u li m’għandu jkun hemm l‑ebda persekuzzjoni bejniethom.
22 Madankollu, kien hemm bosta minnhom li bdew jitkabbru, u bdew jitlewmu b’saħna mal‑avversarji tagħhom, u saħansitra ġew fl‑idejn; iva, huma spiċċaw jagħtu bil‑ponn bejniethom.
23 Issa dan seħħ fit‑tieni sena tas‑saltna ta’ Alma, u dan kien il‑kawża għaliex il‑knisja kellha tgħaddi minn daqstant taħbit; iva, dan kien il‑kawża għaliex il‑knisja kellha tgħaddi minn daqstant sfidi.
24 Għax ħafna webbsu qalbhom, u isimhom ġie mħassar, u ħadd ma baqa’ jiftakarhom aktar fost il‑poplu ta’ Alla. U kien hemm ukoll ħafna li spiċċaw tbiegħdu minnhom.
25 Issa din kienet sfida mill‑aktar kbira għal dawk li baqgħu sħaħ fil‑fidi; madankollu, huma kienu nies sodi u ma jitħarrkux fil‑ħarsien tal‑kmandamenti ta’ Alla, u bis‑sabar kollu qagħdu għall‑persekuzzjoni kollha li bdew iħabbtu wiċċhom magħha.
26 U meta l‑qassisin telqu xogħolhom biex jaqsmu l‑kelma ta’ Alla man‑nies, in‑nies ukoll telqu xogħolhom biex jisimgħu l‑kelma ta’ Alla. U wara li l‑qassis qasam magħhom il‑kelma ta’ Alla huma reġgħu lura lkoll fuq xogħolhom b’ħerqa; u l‑qassis, ma kienx iqis lilu nnifsu aħjar mis‑semmiegħa tiegħu, għax ix‑xandâr ma kienx aħjar mis‑semmiegħ, lanqas l‑għalliem ma kien aħjar minn min qed jitgħallem; u b’hekk kienu lkoll l‑istess, u lkoll kienu jaħdmu, kull bniedem skont x’saħħa kellu.
27 U huma kienu jaqsmu ġidhom mal‑foqra, ma’ dawk fil‑bżonn, mal‑morda, u mal‑magħkusa, kull bniedem skont dak li kellu; u ma kinux jilbsu lbies jiswa’ l‑flus, madankollu lbieshom kien mill‑aktar pulit u sabiħ.
28 U b’dal‑mod huma kienu jorganizzaw l‑affarijiet tal‑knisja; u b’hekk reġgħet bdiet issaltan fosthom paċi kontinwa, minkejja l‑persekuzzjoni kollha li bdew jesperjenzaw.
29 U issa, minħabba l‑istabbiltà tal‑knisja huma bdew isiru nies mill‑aktar għonja, fejn kellhom kull ma kienu jeħtieġu b’abbundanza—abbundanza ta’ merħliet u baqar, u bhejjem imsemmna ta’ kull għamla, kif ukoll abbundanza ta’ qamħ, u deheb, u fidda, u ħwejjeġ prezzjużi, u abbundanza ta’ ħarir u għażel fin, u kull xorta ta’ drapp mill‑aktar b’saħħtu u sempliċi.
30 U b’hekk, f’dan l‑istat tagħhom ta’ ġid, huma ma bagħtu ’l hemm lil ħadd li kien għeri, jew bil‑ġuħ, jew bil‑għatx jew marid jew li kien nieqes mill‑bżonnijiet ewlenin tal‑ħajja; u huma ma rabtux qalbhom mal‑ġid tad‑dinja; għalhekk huma taw lil kulħadd b’id miftuħa, mix‑xiħ saż‑żgħir, kemm lill‑ilsir kif ukoll lill‑ħieles, kemm lill‑irġiel kif ukoll lin‑nisa, kemm jekk kienu barra l‑knisja jew fil‑knisja, u ma kienu jħarsu lejn wiċċ ħadd fost dawk li kienu fil‑bżonn.
31 U b’hekk huma kibru fil‑ġid u saru ferm aktar għonja minn dawk li ma kinux parti mill‑knisja tagħhom.
32 Għax dawk li ma kinux jagħmlu parti mill‑knisja tagħhom bdew jagħtuha għas‑seħer, u għall‑idolatrija jew l‑għażż, u għall‑kliem fieragħ, u għall‑għira u l‑ġlied; u bdew jilbsu lbies jiswa’ l‑flus; u bdew jitkabbru fil‑kburija ta’ għajnejhom; u bdew jippersegwitaw lil ħaddieħor, jgħidu kliem b’ieħor, jisirqu, jieħdu dak li mhux tagħhom, u bdew jaqgħu fiż‑żína, u joqtlu, u bdew iwettqu wkoll kull xorta ta’ ħażen; madankollu, il‑liġi bdiet tiġi nfurzata fuq dawk kollha li jiksruha kemm jista’ jkun possibbli.
33 U ġara li minħabba l‑mod kif bdiet titħaddem il‑liġi fuqhom, fejn kull bniedem iħallas għal għemilu, huma saru nies aktar kalmi, u li ma jazzardawx li jwettqu xi tip ta’ ħażen, jekk li jagħmlu jsir magħruf; għalhekk, bdiet issaltan paċi kbira fost il‑poplu ta’ Nefi sal‑ħames sena tas‑saltna tal‑imħallfin.